Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 10 PQ #10949 Sitting 239 2005-02-21 Oral · Interim From: MARIO GALEA To: Ministeru għall-Iżvilupp Urban u t-Toroq

Ħaż-Żabbar — Triq ta' ħdejn il-Mina ta' Hompesch

Question

Jista' il-Ministru jintervjeni beix isir ix-xogħol meħtieġ ħalli t-triq li tagħti minn ħdejn il-mina ta' Hompesch, f'Ħaż-Żabbar, parti mit-Triq taċ-Ċawsli, safejn tibda t-triq li tagħti għaż-Żejtun issir fi stat li tkun tista' tintuża mingħajr periklu, peress li kull meta tagħmel ftit xita din it-triq dejjem tkun mgħarrqa bl-ilma li jgħatti l-bosta ħofor fondi b'riżultat li ma tkunx aċċessibbli?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat illi l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tingħata f'seduta oħra.

Kottonera — Traffic impact assessment

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk it-traffic impact assessment għall-Kottonera sarx? Jekk iva, jista' ipoġġi kopja tiegħu fuq il-mejda tal-Kamra? Jista' jgħid jekk kienx hemm progress dwar l-underground car park propost għal Pjazza Santa Margerita, Bormla?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-Traffic Impact Assessment għall-Kottonera sar xi snin ilu. Dan id-dokument qiegħed għand il-MEPA u kull min għandu interess jista' jara dan id-dokument skond il-proċeduri normali tal-MEPA. F’dak li għandu x’jaqsam ma’ l-underground carpark propost għal Pjazza Santa Margerita, Bormla, il-Gvern diġa’ ssottometta l-applikazzjoni lill-MEPA għall-bini ta’ dan il-carpark, u diġa’ għandu Outline Development Permit. Qegħdin isiru diskussjonijiet mal-konsorzja involuti fil-proġett tal-Kottonera biex dan il-carpark ikun jista’ jsir bi sħab mall-Gvern.

Ħaż-Żebbuġ — Triq Mdina

Question

Peress li Mdina Road f'Ħaż-Żebbuġ qiegħda ssir kif indikat fil-mistoqsija parlamentari 5634 tal-11 ta' Mejju 2004; u peress li għal dik il-mistoqsija l-Ministru kien wieġeb li "għalissa ma tistax tingħata l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant", jista' issa l-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari 5634?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat li t-triq imsemmija ser titwessa biex issir ‘service road’ quddiem il-parti residenzjali u kummerċjali. B’hekk it-traffiku u l-attivitajiet residenzjali ikunu separati mit-traffiku tat-triq prinċipali. Biex issir art agrikola ser jitieħdu partijiet tul din it-triq. Il-wisa ta' l-art li ser tittieħed tvarja bejn 1.5m għal 3.8m. L-Awtorita’ dwar it-Trasport għamlet talba sabiex din l-art tiġi esproprjata u l-flus għal dan il-kumpens kienu trasferiti fid-Dipartiment ta’ l-Artijiet. Il-kumpens isir skond il-kalkolazzjonijiet li jagħmlu l-periti tad-Dipartiment tal-Artijiet. L-uċuh tar-raba u rziezet bil-permess ġew ukoll spezzjonati mid-Dipartiment ta’ l-Agrikoltura sabiex ikun jista’ jingħata kumpens għat-telf tal-prodotti lill-bdiewa. F’każijiet fejn il-bdiewa jkollhom problemi ta’ aċċess temporanju, l-Awtorita’ tat-Trasport tkun lesta tagħmel id-diskussjonijiet meħtieġa biex jintlaħaq kompromess raġonevoli u jiġu mħarsa l-interessi operattivi tal-istess bdiewa.

Ħaż-Żebbuġ — Triq 12 ta' Mejju

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk hemmx xi problemi biex jissoktaw ix-xogħlijiet fi Triq 12 ta' Mejju, Ħaż-Żebbuġ u cioe' dik li twassal sa taħt il-Virtu', ir-Rabat, qrib ta' Gianpula? Jekk le, jista' jgħid meta bejn wieħed u ieħor se titlesta din it-triq?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat li l-Awtorita dwar it-Trasport għadha kemm għamlet xogħol temporanju ta’ patching sabiex din it-triq tiġi aċċessibbli għat-traffiku. Bħalissa hemm xogħlijiet għat-titjib ta’ l-infrastruttura ta’ l-ilma, li qed isiru minn kuntrattur tal-WSC. Dawn ix-xogħolijiet mistennija jitlestew fil-ġimgħat li ġejjin.

Vetturi — Reġistrazzjoni

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm ġew reġistrati karozzi, vetturi, eċċ ġodda matul Jannar ta' din is-sena? Jista' jipprovdi l-informazzjoni għall-istess perjodu għas-snin 2004, 2003, 2002, 2001, u 2000 separatament?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat illi l-lista ta’ karozzi, vetturi, eċċ ġodda li ġew reġistrati matul Jannar ta’ din is-sena kif ukoll għas-snin 2004, 2003, 2002, 2001 u 2000 huwa kif jidher hawn taħt:- Private Vehicles Commercial Vehicles Vehicles For Hire Buses and Mini Buses M/cycles Total Jan-00 1063 195 55 / 43 1356 Jan-01 792 164 4 2 45 1007 Jan-02 853 162 27 2 41 1085 Jan-03 718 210 30 1 31 990 Jan-04 754 210 27 3 55 1049 Jan-05 617 112 50 2 5 786 Total 4797 1053 193 10 220 6273 Mark Samut-Tagliaferro

Vetturi — Reġistrazzjoni

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm ġew reġistrati karozzi, vetturi, eċċ ġodda matul Jannar ta' din is-sena? Jista' jipprovdi l-informazzjoni għall-istess perjodu għas-snin 2004, 2003, 2002, 2001, u 2000 separatament?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat illi l-lista ta’ karozzi, vetturi, eċċ ġodda li ġew reġistrati matul Jannar ta’ din is-sena kif ukoll għas-snin 2004, 2003, 2002, 2001 u 2000 huwa kif jidher hawn taħt:- Private Vehicles Commercial Vehicles Vehicles For Hire Buses and Mini Buses M/cycles Total Jan-00 1063 195 55 / 43 1356 Jan-01 792 164 4 2 45 1007 Jan-02 853 162 27 2 41 1085 Jan-03 718 210 30 1 31 990 Jan-04 754 210 27 3 55 1049 Jan-05 617 112 50 2 5 786 Total 4797 1053 193 10 220 6273

Mtarfa — Bypass

Question

Jista' il-Ministru jgħid meta huwa programmat li jitlestew ix-xogħlijiet tal-bypass ta' l-Imtarfa?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat li x-xogħolijiet meħtieġa għas-South Bound Carriageway huwa lest filwaqt li x-xogħol ta’ nofs in-North Bound Carriageway kwazi lest. Fil-ġimgħat li ġejjin ser jibda l-bini tar-retaining wall fl-aħħar parti tal-bypass. Wara dan ix-xogħol ser jitkompla x-xogħolijiet tas-servizzi (extension tad-drainage sewage Master Plan Implementation; extension tal-main tad-WSC in Storm water network) u l-bini u l-asfaltar ta’ din l-aħħar parti tat-triq.

Mtarfa — Bypass - dawl

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk huwiex maħsub li fil-programm tax-xogħlijiet tal-bypass ta' l-Imtarfa jkun hemm dawl adegwat? Jekk fl-affermattiv, meta huwa programmat li tinxtegħel din il-bypass?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Awtorita’ tat-Trasport għamlet xogħlijiet meħtieġa għal passage ta’ ducting tul il-bankina. Deċiżjoni dwar l-street lighting fit-triq imsemmija tittieħed wara konsultazzjonijiet ma' l-awtoritajiet kompetenti .

11/12-il Distrett — Toroq

Question

Jista' il-Ministru jgħid xi proġetti għandu l-ministeru fir-rigward ta' toroq u żvilupp urban għal bliet u rħula tal-11 u t-12-il distrett elettorali? Kemm huma stmati li se jiswew dawn ix-xogħlijiet? Meta mistennija jibdew u jitlestew?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat illi l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tingħata f'seduta oħra.

Xemxija/Għajn Tuffieħa — Manutenzjoni ta' Triq

Question

Jista' il-Ministru jara li ssir xi ħaġa biex ma tibqax tifforma għadira kbira li tinġabar kull meta tagħmel ix-xita fit-triq ta' bejn ix-Xemxija u Għajn Tuffieħa, qabel ma wieħed jaqbad it-telgħa tal-Manikata?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat lid-Direttorat qed jagħmel ‘Survey’ tal-livelli tat-Triq imsemmija sabiex jipprepara pjanti tal-proposti ħalli din il-problema tal-magħqad tkun tista tigi solvuta.

Żvilupp Urban u Toroq — Ħaddiema

Question

Jista' il-Minsitru jgħid kemm hemm impjegati ma' kumpanniji/entitajiet/awtoritajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu li għandhom iktar minn 61 sena? Min huma? Kemm hemm minnhom li qegħdin b'xi forma ta' kuntratt jew huma konsulenti? X'remunerazzjoni u/jew allowance għandhom?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat li f'kumpanniji/entitajiet/awtoritajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħi hemm żewġ impjegati li għandhom iktar minn 61 sena. Dawn jaħdmu ma’ l-Awtorita' Dwar it-Trasport ta’ Malta u l-informazzjoni mitluba dwar dawn il-persuni hija kif tidher hawn taħt:- - il-Maġġur Peter Ripard għandu 68 sena u jaħdem bħala Konsulent. Għandu kuntratt definit li beda fl-1 ta’ Ġunju 2002 b’terminu fil-31 ta’ Mejju 2005, fuq bażi part-time ta’ 20 siegħa fil-ġimgħa, u għandu salarju ta’ LM5,516.25 fis-sena. - il-Maġġur Mark Samut Tagliaferro għandu 61 sena u jaħdem bħala Direttur fi ħdan id-Direttorat tal-Liċenzji fuq kuntratt definit li beda fl-1 ta’ Frar 2004 b’terminu fil-31 ta’ Mejju 2005 u għandu salarju ta’ LM10,682 fis-sena.

Manoel Island — proġett

Question

Billi f'laqgħa li d-diriġenti tal-MIDI kellhom mal-Gżira United FC għarrfuhom li l-proġett ta' Manoel Island għandu jibda tard din is-sena, jista' il-Ministru jgħarraf lill-Kamra: a) jekk il-Gżira United FCjistgħux ikunu jafu meta se jibda x-xogħol tal-ground il-ġdid fil-proġett ta' Manoel Island, liema ground għandu jkun l-ewwel xogħol tal-proġett? b) Jekk il-Gżira United FC jistgħux ikunu jafu jekk hemmx ftehim bejn il-gvern u l-MIDI dwar it-titlu tal-ground? c) Jekk il-Gżira United FC jistgħux ikunu jafu jekk hix l-intenzjoni tal-gvern li jsir ftehim mal-Gżira United FC fuq tmexxija u titlu legali tal-ground? d) Jekk il-Gżira United FCjistgħux ikunu jafu li jekk mhix l-intenzjoni li jsir ftehim bejn il-partijiet konċernati, x'inhi l-intenzjoni tal-gvern?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

It-tweġiba tingħata f'seduta oħra.

ADT — Char-a-bancs

Question

Jista' il-Ministru jinformani jekk fil-kodiċi ta' etika l-ġdida għax-xufiera tal-linja hemmx ukoll il-kontroll tal-ħornijiet ta' l-istess char-a-bancs kemm fil-ħoss esaġerat tagħhom u kemm fil-ħinijiet li fihom jistgħu jintużaw dawn il-ħornijiet? Jekk fin-negattiv, jikkonferma li jmisshom jidħlu dawn it-tipi ta' punti?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Jien infurmat illi skond il-Kodiċi ta’ Kondotta li jeżisti għas-sidien u x-xufiera tax-xarabanks, in-numru 67 ta’ l-istess kodiċi jgħid illi “xufier ta’ xarabank m’għandux jagħmel ħsejjes bla bżonn bil-ħorn tal-vettura”. Ta’ min wieħed jirrimarka illi jekk xufier jinqabad jikser dan il-kodiċi, hemm multa ta’ Lm10.

Attard — Zebra Crossing

Question

Jista' il-Ministru jikkunsidra li jirrikkmanda li ssir zebra crossing ħdejn il-junction bejn Notabile Road u Żebbuġ Road, H'Attard?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Minn spezzjoni li saret fuq il-post minn uffiċjali tat-Traffic Management Directorate irriżulta li Notabile Road, Żebbug Road u Triq Żagħfran huma kollha mgħammra b’Pelican Crossing. Il-post msemmi mill-Onorevoli Interpellant jinstab f’salib ta’ dawn it-toroq u minħabba il-moviment eżistenti tat-traffiku u l-volum kbir ta’ vetturi li jużaw din il-junction, mhux rakkomandabbli li ssir “zebra crossing” għal raġunijiet ta’ sigurta.

Għawdex — Servizz ta' trasport pubbliku

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 9946 u għar-risposta relattiva, jista' il-Ministru jara x'jista' isir biex ma tibqax din id-diskriminazzjoni fil-konfront tad-detenturi tal-karta anzjan f'Għawdex?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

M'għandi xejn xi nżied mat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 9946.

Żejtun — Triq tal-Barrani - traffic lights

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari tiegħi 9437 u t-tweġiba mogħtija fit-3 ta' Diċembru, 2004, peress li issa għaddew ħafna aktar minn ħames ġimgħat li matulhom kien mistenni li t-traffic lights jitlestew, jista' il-Ministru jgħid jekk hemmx xi ħjiel meta se jitwaħħlu u jibdew jiffunzjonaw? Kemm kienet in-nefqa s'issa u kemm hu stmat li se tqum b'kollox meta jitlesta l-proġett kollu?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

It-tweġiba tingħata f'seduta oħra.

San Ġiljan — Xogħlijiet

Question

Fid-dawl tax-xogħlijiet li se jsiru f'San Ġiljan, b'konnessjoni bejn il-gvern ċentrali u l-kunsill lokali ta' San Ġiljan, jista' il-Ministru jara li tiġi nkluża biċċa żgħira ta' triq fi Triq il-Knisja, minn taħt il-pont ta' Triq Reġjonali sa l-aħħar dar, medda żgħira ta' triq li fiha diġa' għaddew, kif suppost, is-servizzi u llum tinsab fi stat ħażin?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

It-tweġiba tingħata f'seduta oħra.

Mrieħel — Triq is-Sebħ - ħofor perikolużi

Question

Jista' il-Ministru jgħid meta se jitranġaw il-ħofor perikolużi li hemm fil-bypass ta' l-Imrieħel fi Triq is-Sebħ eżatt kif taqbeż il-bridge, bejn Triq il-Masġar u Triq San Ġwakkin fid-direzzjoni lejn Ħ'Attard?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

It-tweġiba tingħata f'seduta oħra.

Fleur-de-Lys — Tiswija fi Triq Prinċipali

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 10134 u cioe' jista' jgħid meta hemm il-ħsieb li ssir mill-ġdid jew almenu ssir manutenzjoni fit-triq prinċipali li mir-roundabout ta’ Fleur-de-Lys tasal sat-traffic ligħts viċin fejn illum hemm l-ufficini ta’ Gasan?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba parlamentari numru 10134.

ADT — Kodiċi ta' Dixxiplina

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 10135 u cioe' jgħid meta se joħroġ kodiċi ta’ dixxiplina għax-xufiera, għaliex għalkemm il-ftehim mas-sidien tat-trasport pubbliku sar f’Ottubru għadu ma ħareġ l-ebda kodici ta’ dixxiplina? Jista’ jgħid min huma dawk li qed jaħdmu fuqu?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba parlamentari numru 10135.