B'riferenza għad-deċiżjoni tal-Gvern Nazzjoanlista li jagħlaq il-kumpannija tal-poplu Medigrain, jista' il-Ministru jinformani jekk hux se jkunu garantiti lill-poplu Malti u Għawdxi s-sussidji meħtieġa minn żmien għal żmien sabiex il-provvisti ta' l-ikel essenzjali bħal ħobż u dqiq u ikel tat-tjur u l-bhejjem jibqa' ikollhom prezzijiet li jifilħu għalihom il-bwiet tal-familji tal-ħaddiema?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi din il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Pitkalija Ċentrali Prodotti tal-ħaxix frisk — Proċess ta' grading
Question
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari numru 1718, jista' il-Ministru jinfurmani bl-iżviluppi kif ukoll bil-programmi ta' laqgħat imħejji għax-xahar ta' Novembru 2003 u dak li saru f'Settembru u Ottubru dwar in-natura inkwestjoni?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninfurma lill-Onor. Interpellant li saret laqgħa fuq is-suġġett ma’ delegazzjoni Taljana nhar il-Ħamis, 9 t’ Ottubru u li qed isiru laqgħat oħra bejn it-23 t’ Ottubru u t-28 t’ Ottubru. Laqgħat oħra huma ppjanati għal Novembru u Diċembru ta’ din is-sena.
X'qed iżomm il-ħruġ tal-permessi biex isir il-parking tal-Katidral tar-Rabat Għawdex li xtara l-art u lesta l-pjanti għal din l-istruttura tant meħtieġa?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninfurma lill-Onor. Interpellant li fil-preżent l-Awtorita’ ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) m' għandha l-ebda applikazzjoni għal parkeġġ fil-post imsemmi.
Nota Supplimentari:
Jista' jkun li l-Onorevoli Interpellant qed jirreferi għall-applikazzjoni PA1109/03. Oriġinarjament l-iżvilupp propost f' din l-applikazzjoni kien jinkludi l-bini ta' kumpless parrokkjali konness ma' Heritage Park, liema Park kien jinkludi parkeġġ estensiv. Ta' min jinnota, iżda, li l-iżvilupp propost f' din l-istess applikazzjoni ġie emendat sabiex jinkludi biss l-iżvilupp ta' kumpless parrokkjali u t-tkabbir ta' sqaq eżistenti.
Jista' il-Ministru jgħid kif inhuwa klassifikat skond il-MEPA bini antik? Liema tip ta' bini antik ma' jista' jsirlu ebda tibdil? Liema tip ta' bini antik jista' jsirlu sogħol ta' twaqqigħ basta tinżamm il-faċċata?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li l-Awtorita’ ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) tikklassifika il-bini antik skond kriterji stabbiliti minn policy UCO 7 tal-Pjan ta' Struttura għall-Gżejjer Maltin (ippubblikat fl-1990) fejn propjeta' ta':
a) Grad 1 huma meqjusa bħala ta' importanza arkitettonika u storika fuq livell internazzjonali u nazzjonali, u li għandha tiġi kkonservata kollha kemm hi. Twaqqiegħ jew alterazzjonijiet mhux permessi. L-uniċi xogħolijiet permessi f' propjeta' ta' Grad 1 huma llimitat għar-restawr xjentifiku, u xogħolijiet oħra li jrendu l-bini abitabbli jew ta' użu kompattibbli.
b) Grad 2 huma dawk li għandhom xi valur arkitettoniku jew storiku u li huma ta' importanza lokali, jew li jikkontribbwixxu għad-dehra tal-Arja tal-Konservazzjoni Urbana. It-twaqqiegħ ta' propjetajiet ta' Grad 2 mhux normali li jiġi aċċettat. Alterazzjonijiet fuq ġewwa ta' dawn il-propjetajiet jistgħu jiġu aċċettati kemm il-darba l-proposta tkun sensittiva u toħloq l-inqas dannu għall-karattru arkitettoniku tal-propjeta'.
c) Grad 3 Bini li mhux ta’ importanza storika u ta’ ftit valur arkitettoniku. It-twaqqiegħ ta’ dawn il-binjiet jista’ jiġi aċċettat sakemm il-bini li jitla minn floku jkun ta’ disinn li jikkumplimenta il-bini ta’ madwaru.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 1312, jista' il-Ministru jipprovdi lill-Kamra b'aktar dettal, cioe' min kienu l-esperti Ewropej u tad-dipartiment in kwestjoni? X'rakkomandazzjonijiet għamlu biex il-Gvern biddel id-deċiżjoni li kien ħa hu stess fil-leġislatura l-oħra?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li d deciżjoni li tiġi upgraded il-fabbrika preżenti tal-ħalib ittieħdet mill-kumpannija stess. Il-Gvern, fil-leġislatura ta’ qabel, kien indika biss sit fejn tista’ tinbena fabbrika ġdida. Għalhekk il-Gvern ma biddel l-ebda deċiżjoni.
Meta prodotti agrikoli jiġu esportati, bħall-patata u basal, jista' il-Ministru jgħid jekk dawn jiġux graded? Jista' jgħid ukoll jekk dan hux se jibda jsir għal prodotti li jinbiegħu lokalment? Il-politika agrikola ta' l-Unjoni Ewropea tesiġi dan?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Il-prodotti li jiġu esportati jiġu ‘graded’ skond it-talba tal-importaturi barranin. Uħud mill-prodotti li jinbiegħu lokalment se jibdew jiġu ‘graded’ meta tinbena l-‘grading station’.
L-Onor Interpellant jaf tajjeb li l-politika agrikola ta’ l-Unjoni Ewropeja hi waħda msejsa fuq il-kwalita’. Għaldaqstant hemm ‘marketing standards’. Kull Stat Membru hu mistenni li jimplimenthom fl-interess tal-produttur, għal dħul aħjar, u għall-konsumatur li jista’ jissodisfa l-ħtiġijiet tiegħu fuq livell ta’ kwalitá.
Ministeru għall-Affarijiet Rurali u Ambjent — Spejjeż tas-safar
Question
B'riferenza għat-tweġiba ta' mistoqsija parlamentari 1662, jista' il-Ministru jgħid x'kienet ir-raġuni li mqabbla ma' l-ewwel erbgħa xhur tas-sena, in-nefqa tal-Ministeru tal-Biedja, Sajd, Akwakultura u Żvilupp Rurali żdiedet minn Lm17.552 għall-Lm27.739? Jista' jagħti breakdown kif tlabt fil-mistoqsija oriġinali?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ir-raġuni hi sempliċi ħafna. Kif spjegajt fl-Aġġornament fil-15 ta’ Settembru, il-Ministeru, wara April, ingħatatlu responsabbilita’ ġdida wkoll tal-qasam ta’ l-Ambjent, ovvjament inkluż ir-relazzjonijiet barranin b’ mod speċjali il-kuntatti mal-Kummissjoni Ewropeja. Biss biss biżżejjed wieħed jgħid li l-Ministru kważi kull xahar jattendi żewġ Kunsilli separati, wieħed tal-Ministri ta’ l-Agrikultura u l-ieħor tal-Ministri ta’ l-Ambjent. Is-somma ndikata fit-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 1662 kienet tkopri r-responsabbilitajiet kollha tal-Ministeru.
Nista’ inserraħ moħħ l-Onor. Interpellant li donnu għadu ma apprezzax li l-parteċipazzjoni ta’ Malta f’ laqgħat tekniċi u oħrajn tal-Kunsill tal-Ministri hi importanti, u li l-approvazzjoni għal kull safra ssir wara li tkun analizzata r-rilevanza tal-laqgħa u sa fejn hu possibbli d-delegazzjoni ma tkunx aktar minn persuna waħda.
Jista' il-Ministru jagħti indikazzjoni meta mistenni jiġi finalizzat in-north harbour local plan?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li n-North Harbours Local Plan huwa avvanzat ħafna u hu mistenni li jkun quddiem il-Board ta’ l-Awtorita’ ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) fi zmien qrib.
Jista' il-Ministru jgħid jekk ir-ristorant Mamma Mia fix-Xatt ta' Qui-si-Sana f'Tas-Sliema għandux il-permessi kollha maħruġa mill-MEPA biex jopera bħala ristorant? Meta ħarġu dawn il-permessi?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li l-Awtorita’ ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) qatt ma kienet involuta fil-ħruġ tal-permessi fuq dan il-post sabiex dan jopera bħala ristorant. Fil-fatt jirriżulta li l-Pulizija kienet ħarġet liċenzja (App/L/31/91) sabiex il-post jintuża bħala "catering establishment" fost użu ta’ negozju ieħor bħal bejgħ ta’ sigaretti, ġelati, te u kafe, eċċ., u dan b' effett mis - 17 t' Ottubru 1991 u cioe minn qabel ma twaqqfet l-Awtorita’ ta l-Ippjanar fil-1992. Barra milli din il-liċenzja baqgħet tiġi mġedda regolarment jirriżulta ukoll illi l-post huwa anke liċenzjat bħala ristorant mill l-Awtorita’ tat-Turizmu (ex-Hotels and Catering Establishments Board - HCEB) skond liċenzja CE 1083 (Restaurant Special 2nd Class), maħruġa wkoll fl-1991. Dawn il-fatti huma kkonfermati f’ Report Case 2052 ta’ l-Ombudsman, liema rapport jikkonkludi li “there are no grounds to conclude that there was maladministration on the part of the Planning Authority” Għaldaqstant il-MEPA ma nvolvitx ruħha fuq il-kwistjoni dwar l-użu.
MEPA — Applikazzjoni biex jiġi mgħarraq trawler fil-ponta taċ-Ċirkewwa
Question
Jista' il-Ministru jgħid meta se tiġi pproċessata l-applikazzjoni PA 000597/03 biex jiġi mgħarraq trawler fil-ponta taċ-Ċirkewwa biex iservi għall-għaddasa f'dan il-post li hu meqjus ideali tant li din l-inizjattiva sabet anke l-appoġġ ta' l-Awtorita' Maltija tat-Turiżmu? Xqed iżomm milli jinħarġu l-permessi meħtieġa?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li l-Board tal-MEPA, f' laqgħa li saret fit-2 ta' Ottubru 2003, ġie infurmat illi l-istess applikanti ma segwewx kundizzjonijiet li kienu ġew imposti ma' permessi ta' żvilupp biex jiġi mgħarraq il-vapur Imperial Eagle fil-Qawra, u żewġ Tug Boats f' Marsascala. Tali kundizzjonijiet kienu jipprevedu is-sottomissjoni ta' rapporti ta' monitoraġġ ta' l-impatti ambjentali tal-vapuri fuq l-ambjent marittimu, iżda dawn ir-rapporti qatt ma ġew sottomessi lill-Awtorita`.
Qabel ma l-MEPA tikkonsidra b' mod pożittiv applikazzjonijiet oħra ta' din ix-xorta, jinħtieġ li jsir monitoraġġ tas-sitwazzjoni attwali biex jiġu stabbiliti l-impatti kollha ta' dan l-iżvilupp.
Jista' il-Ministru jgħid x'passi qiegħda tieħu l-MEPA fil-kwestjoni li tqajmet mill-Kunsill Lokali ta' Ħad-Dingli rigward qtugħ ta' blat proprju fuq l-irdum ta' Ħad-Dingli taħt it-turretta ta' l-AFM?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li dan il-każ qiegħed jiġi nvestigat minn-naħa tas-Sezzjoni ta' l-Infurzar tal-Awtorita’ ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA). Fil-fatt saru diversi spezzjonijiet fejn ġie nnutat li tqatta' xi blat tal-wiċċ, tneħħa materjal minn fuq is-sit kif ukoll inbena ħajt b' ġebel antik bejn żewġ binjiet eżistenti. Il-persuna responsabbli mix-xogħolijiet ġiet imwissija biex tieqaf minn kull xogħol kif ukoll inħareġ Avviż Biex Tieqaf u ta' Twettieq li jġib referenza ECF 568/03.
Jista' il-Ministru jgħid kemm sal-lum inħarġu permessi mill-MEPA għar-radam tal-barrieri? Liema huma dawn il-barrieri bil-permess meħtieġ? Kemm hawn applikazzjonijiet quddiem il-MEPA għal dan it-tip ta' żvilupp li għad iridu jiġu deċiżi?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Jien infurmat li l-Awtorita’ ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) ħarġet tmien (8) permessi għar-radam tal-barrieri. Dawn huma
Lands K/A, Ta’ Birrix, l/o Naxxar
Site at Tal-Mejda, l/o Triq il-Belt, Mqabba
Franka Quarry, Triq ta’ Wied Ħanżir, Siggiewi
Site at Ta’ Kandja, Limiti ta’s-Siggiewi
Existing Restored Quarry in Tal-Froxx Area, Triq Valletta, Kirkop
South West Portion of SM 72 Existing Disused quarry ‘Tal-Mejda’, Triq Valletta, Mqabba
Existing Restored Quarry between Tal-Mejda & Tal-Froxx, Triq Valletta, Mqabba
Quarry No. 43 Tal-Warda, l/o Qrendi
Site at Tal-Ksajjem, l/o Għarb, Gozo
Hemm tmien (8) applikazzjonijiet oħra pendenti
B'riferenza għall-proċess tal-grading tal-ħaxix frisk li jrid isir fuq il-ħaxix li jiddaħħal il-Pitkalija Ċentrali, jista' il-Ministru jinformani kemm hu n-numru ta' bdiewa full time u part-time li s'issa laħqu dan il-livell?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li bħal fl-imgħoddi l-grading tal-ħaxix frisk għadu qed isir mill-bdiewa individwalment. Il-grading station għadu ma nbeniex u għalhekk ma jistax jiġi deċiż kemm bdiewa qegħdin jilħqu l-livell ta’ grading mixtieq.
Jista' il-Ministru jgħid min huma l-esperti lokali jew barranin li qed imexxu l-proċess tal-grading tal-ħaxix frisk li qed jiddaħħal fil-Pitkalija Ċentrali? X'salarji u benefiċċji għandhom u kemm għamlu laqgħat u spezzjonijiet lill-bdiewa dwar il-proċess tal-grading minn April 'il hawn?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li l-EURATA – European Union Rural & Agricultural Association ġew ikkummissjonati taħt il-‘Framework Contract’ tal-Unjoni Ewropeja ħalli jagħmlu ‘Feasibility Study on the construction of a fruit and vegetable grading station and cold storage facility in Malta’. Dan l-istudju sar minn Dr. German Cano Munoz. Hu ħadem f’ Malta u ltaqa mas-setturi kollha inklużi rappreżentanti tal-bdiewa. Il-Gvern Malti ma ħallas xejn għal dan l-istudju.
Jista' il-Ministru jgħid kemm hu stmat li ġarrbu ħsarat il-bdiewa fl-għargħar li sar dan l-aħħar? X'kumpens huwa maħsub li jingħataw? Meta?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninfurma lill-Onor. Interpellant li r-rapporti ta’ ħsarat kawżati mill-għargħar ta’ Settembru għadhom deħlin fl-uffiċċji tal-Agrikoltura.
Għadu ma ġiex deċi` x’ tip ta’ kumpens se jingħata u meta.
Jista' il-Ministru jgħid jekk hemmx xi pjan għat-tiswija tal-ħitan tas-sejjieħ li waqgħu dan l-aħħar bl-għargħar? Kif se jitwettaq dan il-pjan u fuq kemm żmien?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninfurma lill-Onor. Interpellant li għadhom qegħdin jinġabru d-dettalji fuq il-ħsarat li seħħew bl-għargħar ta’ Settembru. Għaldaqstant għadu kmieni wisq biex jingħataw dettalji.
Ta’ min jgħid li r-responsabilita’ tal-manutenzjoni tal-ħitan tas-sejjiegħ hija fuq il-bdiewa. Kwalunkwe għajnuna li tista’ tingħata mill-Gvern minħabba l-ħsarat tal-għargħar għandha tkun biss kumplimentari ma’ dawn ir-responssabilitajiet.
Pitkalija Ċentrali — Prodotti tal-ħaxix frisk - proċess ta' grading
Question
Jista' il-Ministru jgħid fiex wasal il-proċess tal-grading tal-prodotti tal-ħaxix frisk li jiddaħħal fil-Pitkalija Ċentrali? Meta hu maħsub li jintlaħaq dan il-proċess sabiex pajjiżna jkun konformi mar-regoli l-ġodda ta' l-Unjoni Ewropea li jibdew japplikaw fl-1 ta' Mejju tas-sena d-dieħla?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninfurma lill-Onor. Interpellant li r-rapport fuq il-grading fil-Pitkalija ffinanzjat mill-Unjoni Ewropeja u magħmul minn Konsulent Spanjol qiegħed jiġi diskuss u studjat sewwa.
Qegħdin isiru laqgħat mal-partijiet interessati ħalli jittieħdu d-deċiżjonijiet neċessarji biex il-pjan jiġi implimentat mill-fondi tal-Protocol Taljan mill-aktar fis possibbli.
Jista' il-Ministru jgħid għaliex minkejja d-diversi rapporti li saru ma' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar din ma ħarġitx enforcement notices liż-żewġ aġenziji tar-real estate, Xik services u Gozo charms fir-Rabat Għawdex?
Jaf li dawn iż-żewġ aġenziji qed joperaw mingħajr permess u lanqas biss ma kellhom applikazzjoni pendenti quddiem l-Awtorita' ta' l-Ippjanar qabel dawn bdew l-attivita' tan-negozju tagħhom?
Billi lanqas il-bini eżistenti minn fejn qed joperaw dawn iż-żewġ aġenziji tar-real estate m'huma konformi mar-regolamenti ta' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar, meta se jittieħdu l-passi neċessarji skond il-liġijiet tal-pajjiż?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li r-rapporti li saru rigward l-aġenziji tar-Real Estate, Xik Services u Gozo Charms fir-Rabat, Għawdex ġew investigati minn uffiċċjali ta’ l-Awtorita’ ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA).
Irid jingħad li kien hemm bżonn ċertu żmien sakemm instabu l-permessi oriġinali taż-żewġ siti.
Mir-riċerki li saru nstab li fiż-żewġ każi kien hemm żvilupp li ma kienx kopert bil-permessi meħtieġa.
Għaldaqstant inbdew proċeduri t’’ infurzar li jkopru l-irregolaritajiet kollha. Avviż ECF572/03 inħareġ fil-konfront ta’ Gozo Charms u Avviż ECF573/03 inħareġ fil-konfront ta’ Xik Services.
Jista' il-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta' raħħala produtturi taċ-ċanga friska li diġa' irreġistraw il-ħsarat li kkawżalhom l-aħħar maltemp f'Malta u Għawdex separatament? Meta se jsiru l-ispezzjonijiet mid-Dipartiment tal-Biedja għand dawn ir-raħħala?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li sa t-30 ta’ Settembru 2003, dan il-Ministeru ma rċieva l-ebda informazzjoni dwar xi ħsara f’ xi razzett taċ-ċanga friska kaġun ta’ l-aħħar maltemp li kellna fil-Gżejjer Maltin.
Rigward Għawdex, nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru responsabbli minn Għawdex.