Legislature:
Category:
Reset
Active:

Laqgħat tal-komunità fil-lokalitajiet kollha

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 23882 u jinforma meta saru l-laqgħat tal-komunità fil-lokalitajiet kollha fis-snin 2014 u 2015? Għal kull laqgħa jista’ jgħid kif kienu infurmati r-residenti u kemm attendew?

Response (BONNICI, OWEN)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

Skema IIP

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 23883 u jgħid kemm irċieva applikazzjonijiet taħt l-iskema tal-Individual Investor Programme (IIP) minn meta beda jitħaddem il-programm u jaqsam l-informazzjoni skont il-pajjiżi li tagħhom l-applikanti huma ċittadini?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li sat-18 ta Marzu 2016 Identity Malta rċeviet 1128-il applikazzjoni għal-residenza li minnhom kien hemm 610-il applikazzjoni li komplew għaċ-ċittadinanza. Ninforma wkoll lill-Onor Interpellant illi Identity Malta tgħaddi lir-Regolatur informazzjoni dwar dawn l-applikazzjonijiet skont kif trid il-liġi. Ir-Regolatur huwa mbagħad obbligat jippubblika rapport dwar l-operat ta' Identity Malta, għal darb' oħra skont kif trid il-liġi.

Skema IIP

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 23884 u jgħid kemm irċieva applikazzjonijiet taħt l-iskema tal-Individual Investor Programme (IIP) minn meta beda jitħaddem il-programm u jaqsam l-informazzjoni skont f’liema stadju ta’ proċessar waslu?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lil Onor. Interpellant illi mill-bidu tal-progamm fis-sena 2014, sal-aħħar ta’April 2016, l-Aġenzija Identity Malta, irċiviet applikazzjonijiet skont kif indikati fit-tabella t’hawn taħt: Fażi Ammont 1. Applikazzjonijiet għal residenza 1208 2. Applikazzjonijiet għaċ-ċittadinanza 667 3. Applikazzjonijiet li ġew approvati 274 4. Applikazzjonijiet li ġew rifjutati 84 5. Applikazzjonijiet li għadhom għaddejjin minn fażi ta’ skrutinju 328 6. Applikazzjonijiet li lestew il-proċess kollu u ħadu ċ-ċittadinanza 143 Ta’ min wieħed jikjarifika d-differenza bejn l-ammont ta’ applikazzjonjiet li lestew il-proċess kollu b’suċċess (143) imsemmija fit-tabella t’hawn fuq u l-ammont imsemmi fil-Mistoqsija Parlamentari numru 23677 li kien jammont ghal 54-il applikazzjoni. L-ammont imsemmi fit-tabella t’hawn fuq jinkorpora l-ammont sa mill-bidu tal-programm filwaqt illi l-ammont imsemmi fil-Mistoqsija Parlamentari 23677 jinkludi biss applikazzjonijiet li l-Aġenzija irċeviet matul is-sena 2015.

Kunsilli Lokali – Reġjuni — involviment

Question

Jista’ l-Ministru jgħid xi żviluppi saru sabiex ir-reġjuni jkunu involuti aktar mill-qrib mal-kunsilli lokali?

Response (BONNICI, OWEN)

Għaddejjin diskussjonijiet mal-Assocjazzjoni u mal-presidenti Reġjonali sabiex ikun hemm koordinament aħjar bejn il-ħidma regjonali u dik lokali. Waħda mill-inizjattivi li ittieħdet hija dik li l-4 Reġjuni f’Malta ngħataw Supervisor u żewġ ħaddiema tal-IPSL sabiex ikunu jistgħu iwettqu xoghol fil-Kunsilli Lokali wara li r-Reġjun ikun ħareġ sejħa fost il-Kunsilli Lokali fir-Reġjuni rispettivi.

Reġjun t’Għawdex — proġetti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema kienu dawk il-proġetti li saru mir-Reġjun t’Għawdex u li ħadu fondi tal-Unjoni Ewropea? Jista’ jgħid jekk dawn il-proġetti tlestewx fil-ħin u jekk intilfux xi flus? Jekk intilfu, għal liema raġuni?

Response (BONNICI, OWEN)

Din l-informazzjoni għadha qed tinġabar u ser tingħata f'seduta oħra.

Kunsilli Lokali u Reġjuni – trasmissjonijiet Live

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx kunsilli lokali li mhumiex jittrasmettu l-laqgħat tagħhom live u jekk iva għal liema raġuni u jekk humiex se jittieħdu passi kontra dawk li jonqsu milli jimxu mal-liġi? Jista’ jgħid jekk hemmx il-ħsieb li anke r-reġjuni jibdew jittrasmettu l-laqgħat tagħhom live?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Kunsilli Lokali kollha qed jitrasmettu live. Hemm il-ħsieb ukoll li anke l-Kumitati Regjonali jibdew jitrasmettu l-laqgħat tagħhom live aktar ‘il quddiem.

Kunsilli Lokali — Skema tal-Impjieg ta’ Persuni b’Diżabilità

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm kunsilli lokali li applikaw għall-Iskema ta’ Impjieg għall-Persuni b’Diżabilità? Jista’ jgħid kemm kien hemm kunsilli lokali li diġà bbenefikaw minn skemi simili? Liema huma dawn il-kunsilli lokali u jekk għadhomx iħaddmu lil dawn il-persuni?

Response (BONNICI, OWEN)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra żewġ tabelli. Waħda li telenka l-applikazzjonijiet ġodda li ssottomettew il-Kunsilli Lokali u oħra li turi il-Kunsilli Lokali li bbenefikaw sa issa u l-istat ta’ kull impjegat tagħhom fl-iskema.

Kunsill Lokali Belt Valletta – Financial Statements

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 23878 u jgħid x’inhi r-raġuni għaliex il-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta mhuwiex f’pożizzjoni li jiffinalizza l-Financial Statements tiegħu u x’ser jagħmel il-Gvern biex isolvi din is-sitwazzjoni?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u ser tingħata f'seduta oħra.

Kunsill Lokali tal-Belt Valletta – ftehim fuq tliet latrini pubbliċi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’passi ħa jew se jieħu dwar il-ftehim tal-PPP li għamel il-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta fuq tliet latrini pubbliċi? Jista’ jgħid il-kuntratt huwiex wieħed legalment validu u jekk mhuwiex validu, huwiex jikkonsidra li dan jiġi annullat?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u ser tingħata f'seduta oħra

Kunsill lokali tal-Belt Valletta –– direct orders

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 21909, jista’ l-Ministru jgħid kemm kien l-ammont ta’ direct orders fis-snin 2010 u 2011 mill-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta u l-valur totali tagħhom? Jista’ jagħti d-dettalji tal-ammont ta’ direct orders li ngħataw mill-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta għas-snin 2012, 2013, 2014 u 2015?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u ser tingħata f'seduta oħra

Kunsill Lokali tas-Siġġiewi – outdoor gym — spiża

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienet l-ispiża tal-outdoor gym li sar mill-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi? Jista’ jgħid jekk fil-proċess tax-xogħol inkisrux il-proċeduri tat-tendering u jekk iva x’passi ttieħdu jew se jittieħdu?

Response (BONNICI, OWEN)

Kif jaf l-Onor Interpellant il-Kunsilli Lokali huma entitajiet awtonomi mill-Gvern u ghandhom personalita' ġuridika distinta. Biss ninsab infumat mill-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi li l-ispiża tal-proġett tal-Outdoor Gym li twettaq mill-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi fis-sena 2013 ammontat għal €99,482.56 u parti sostanzjali minn din l-ispiża, u ċjoè €70,000.00, ġew rifużi mill-Kunsill Malti għall-Isport lill-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi skont dak li kien ġie miftiehem fit-tfassil tal-proġett. Fl-ebda stadju ma nkisru xi proċeduri tat-tendering u x-xogħlijiet u l-ħlasijiet kollha ġew approvati u saru mill-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi.

Kunsilli Lokali/reġjuni – financial statements

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm kunsilli lokali/reġjuni li ma ppreżentawx il-financial statements tal-2015 fil-ħin stipulat? Jista’ jgħid min kienu u jekk kienx hemm xi drabi oħra li dawn ma ssottomettewx il-financial statements tagħhom fil-ħin ? Jista’ jgħid x’azzjoni ttieħdet jew se tittieħed sabiex dawn in-nuqqasijiet ma jkunux ripetuti?

Response (BONNICI, OWEN)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bl-informazzjoni mitluba skont kif provduta mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Awditur, l-NAO. Intant ninforma lill-Onor. Interpellant li twaqqfu żewġ working groups dwar dan: wieħed imwaqqaf mill-Ministeru tal-Ġustizzja u jinkludi fih uffiċċjal mill-Ministeru, mid-Dipartiment għall-Gvern Lokali u mill-Assoċjazzjoni tas-Segretarji Eżekuttivi (ANSEK); u l-ieħor imwaqqaf mill-Assoċjazzjoni Kunsilli Lokali (AKL) u jinkludi fih l-Awditur Ġenerali, il- Presidenti tal-AKL u tal-ANSEK, id-Direttur tal-Gvern Lokali, rappreżentant mill-Ministeru tal-Gustizzja, Kultura u Gvern Lokali u rappre¿entant mill-Oppożizzjoni.

Dipartiment għall-Gvern Lokali – proġetti tal-Unjoni Ewropea

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema huma dawk il-proġetti tal-Unjoni Ewropea li d-Dipartiment għall-Gvern Lokali qed jaħdem fuqhom? Jista’ jgħid x’kien il-benefiċċju tagħhom u x’inhu l-pjan għall-futur?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-Dipartiment għall-Gvern Lokali implimenta proġett taħt il-Fond Soċjali Ewropew li permezz tiegħu għall-ewwel darba saret riċerka, ġiet akkreditata tali riċerka u ingħata l-kors għal kwalfika akkademika fuq livell lokali. Dan billi 72 uffiċċjali pubbliku – bejn Segretarji Eżekuttivi tal-Kunsilli Lokali u Uffiċċjali tad-Dipartiment għall-Gvern Lokali - illum iggradwaw fi “Professional Development Award in Public Management and Governance at Local Level”, akkreditata fuq livell MQF/EQF Livell 5. Barra min dawn, għaxar parteċipanti kienu involuti f’taħriġ akkademiku ulterjuri li wassal biex id-DIpartment illum għandu pool ta’ trainers li jistgħu jipprovdu taħriġ fil-qasam ta’ governanza lokali fil-futur. Is-sostenibilita’ ta’ dan il-progett hi li din il-“Professional Development Award” tibqa ssir fil-futur u eventwalment tkun waħda mill-kwalifiċi ewlenin li jkun hemm bżonn sabiex persuna tkun tista tokkupa l-kariga ta’ Segretarju Eżekuttiv fil-Kunsilli Lokali tagħna. Dan il-progett kien konkluz f’Diċembru tal-2015, b’buġit li laħħaq €142,992. Proġett ieħor li d-Dipartiment qiegħed fil-mument jaħdem fuqu u li għalih irċieva fondi min-Norveġja taħt in-“Norwegian Funds 2009-2014” hu l-proġett “A Partnership for Creative Governance”. Bi sħubija strateġika mal-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali, s-“Centre for Expertise for Local Democracy Reform” tal-Kunsill tal-Ewropa u l-Assoċjazzjoni Norveġiża tar-Reġjuni u l-Muniċipalitajiet qed jitwettqu inizjattivi li kellha tant bzonn is-sistema tal-Governanza Lokali ta’ pajjizna, fosthom it-“Training Needs Analysis” u l-istrateġija Nazzjonali għat-Tahriġ. Qiegħed nieħu l-okkażżjoni sabiex inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tar-riżultati li ħarġu minn dawn iż-żewġ studji li ġew ikkummissjonati bihom esperti imqabbda direttament mill-Kunsill tal-Ewropa. Ġew ukoll iffinalizzati sett ta’ performance indicators u se jiġi ppublkat manwal dwar kif tali indikaturi għandhom jiġu imħaddma fil-Kunsilli Lokali. Se tiġi fi tmiemha ukoll il-“Leadership Academy Programme” fejn 25 Sindku u Segretarju Eżekuttiv ingħataw taħriġ speċjalizzat dwar tmexxija aħjar fuq livell lokali. Dan il-proġett se jigi konkluż bl-implimentazzjoni f’numru ta’ Kumitati Reġjonali u Kunsilli Lokali tal-Istrategija dwar l-Innovazzjoni u Goveranza Aħjar fejn nittamaw li numru minnhom jikkwalifikaw ghal premju prestiġġjuz maħsub mill-istess Kunsill tal-Ewropa, il-“European Label for Governance Excellence”. Dan il-proġett se jiġi fi tmiemu fl-2016 u l-baġit allokat hu ta’ €321,976. CERTESS hu programm iffinanzjat mill-programm Interreg IVC (ERDF). Ipparteċipaw fih 12-il partner minn għaxar pajjiżi Ewropej. L-għan prinċipali tiegħu kien li jistabilixxi u jaqsam metodoloġija komuni ta’ kif tiġi żviluppata u mantnuta rotta kulturali Ewrpeja. Fil-fatt kull partner kellu jifformalizza pjan (imsejjaħ Route Implementation Plan – R.I.P.) bil-għan ewlieni li jiġi promoss turiżmu kulturali sostenibbbli kemm fit-territorju tagħhom u anki f’dawk viċin tagħhom. Il-Lead Partner kien l-Istitut Kulturali Ewropew li jinsab fil-Lussemburgu. It-tema magħżula minn Malta kienet “Caravaggio, Preti u l-arti tas-Sbatax-il Seklu”. Fl-R.I.P. ta’ Malta, ġiet żviluppata r-relazzjoni bejn ix-xogħlijiet tal-arti ta’ Caravaggio u Preti li t-tnejn li kienu Kavallieri tal-Ordni ta’ San Ġwann u li t-tnejn għamlu żmien jgħixu f’Malta. Il-pjan ippropona rotot kulturali bbażati fuq aspetti diversi tal-pitturi ta’ dawn iż-żewġ artisti famużi bil-għan li tali rotot jattiraw iktar turiżmu kulturali lejn pajjiżna. Il-proġett ingħalaq b’konferenza finali organizzata f’Ottubru tas-sena 2014 u l-baġit li ntefaq fuqu kien ta’ €135, 493. Rigward proġetti għal futur, id-Dipartiment qiegħed viġilanti għas-sejħiet ġodda għal proġetti kofinanzjati mill-Unjoni Ewropeja li qed joħorġu bħalissa u li jistgħu joħorġu fil-futur biex ikompli jibni fuq il-proġetti li implimentati f’dawn l-aħħar snin.

Kunsilli Lokali – strateġija nazzjonali tal-iskart

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’qed isir biex il-kunsilli lokali jaderixxu mal-istrateġija nazzjonali tal-iskart? Jista’ jgħid jekk hemmx diskussjonijiet sabiex ir-reġjuni jkunu involuti fil-proċess tal-istrateġija tal-iskart?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Kunsilli Lokali kollha għandhom arranġamenti sabiex darba jew darbtejn fil-ġimgħa jinġabar skart li jista jkun riċiklat. Apparti minn dan hemm numru ta’ Kunsilli Lokali li qegħdin jiġbru b’mod separat il-ħġieġ u anke l-borża organika. Intant hemm diskussjonijiet għaddejjin mal-Assocjazzjoni tal-Kunsilli Lokali sabiex isir eżerċizju biex ir-Reġjuni jkunu involuti aktar fl-istrateġija tal-iskart.

Covenant of Mayors

Question

Billi jirriżulta li mhux il-kunsilli lokali kollha, anzi jidher li huma biss madwar terz mill-kunsilli lokali li kienu ffirmaw il-Covenant of Mayors, li suppost jistabbilixxu miri ċari dwar l-emissjonijiet CO2, u billi dawn it-targets huma ferm importanti biex il-pajjiż jilħaq ukoll it-targets nazzjonali tiegħu sal-2020, jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarji, jekk dawn għadhom possibli li jittieħdu, biex il-kunsilli lokali kollha li ma ffirmawx il-Covenant of Mayors, fil-fatt ikollhom ċans li jiffirmawh, u naturalment jippruvaw jilħqu t-targets li hemm bżonn sal-2020?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u ser tingħata f'seduta oħra

Ħruq fid-djar residenzjali – mezzi ta’ alert dwar fire detection

Question

Billi minn żmien għal żmien qed jirriżultaw okkażżjonijiet pjuttost spissi fejn qed ikun hemm ħruq fid-djar residenzjali tagħna, u billi sal-lum mhux obbligatorju li fid-djar tagħna jkun hemm mezzi ta' alert dwar fire detection, jista' l-Ministru jikkunsidra l-possibbilità li permezz ta' xi skema mill-kunsilli lokali jkun hemm inizjattivi biex fid-djar tagħna jiġu stallati dawn il-mezzi ta' fire detectors, li naturalment iservu biex jiġu ffrankati ħafna spejjeż żejda u periklu għal dawk li jintlaqtu minn diżgrazzji bħal dawn?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u ser tingħata f'seduta oħra

Kunsill Lokali tal-Belt Valletta — serqa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk kienx infurmat uffiċjalment bis-serqa li seħħet fil-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta kif irrapurtata mill-Kunsill f’Diċembru 2015? Jista’ jgħid fiex waslet l-investigazzjoni mill-pulizija u x’miżuri ħa u qed jieħu l-Kunsill Lokali sabiex ma jkunx hemm sitwazzjoni simili fil-futur? Jista’ jgħid jekk kienx hemm okkażjonijiet oħra fejn naqsu flus mill-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta u jekk iva kienx hemm xi konklużjoni mill-Pulizija?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u se tingħata f'seduta oħra.

Kunsill Lokali tal-Belt Valletta — dejn

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien id-dejn tal-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta sena b’sena mill-2011 sal-2015? Jista’ jgħid għaliex immatura dan id-dejn u x’qiegħed jagħmel sabiex jindirizza din il-problema?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u se tingħata f'seduta oħra.

Authorised Officer b'responsabilità għal-lokalitajiet tal-Belt, Furjana u Marsa

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 25238 u 25294 u jgħid l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament meta beda bħala Authorised Officer b'responsabilità għal-lokalitajiet tal-Belt, Furjana u Marsa u kemm dam jaħdem f’din il-kariga? Jista' jgħid jekk daħalx jaħdem wara sejħa pubblika jew le? Jista' jgħid x’kienet il-paga tiegħu sena b’sena kemm dam jaħdem bħala Authorised Officer? Jista' jgħid x’kienu l-perkaċċi l-oħra kollha li kellu u kemm kienet l-ispiża fuqhom sena b’sena?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u se tingħata f'seduta oħra.

Kunsilli Lokali — Direct Orders

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 24103, 23110 u 22734 u jgħid kemm kien l-ammont ta’ direct orders mill-Kunsilli Lokali ta' Malta u t'Għawdex, sena b’sena mill-2010 sal-2015? Jista’ jgħid liema kienu dawk li qabżu t-threshold ta’ direct order u x’kien l-ammont tagħhom u għaliex sar hekk?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li s-Segretarjat Parlamentari inkarigat mill-Gvern Lokali għaddej minn eżerċizzju ta’ evalwazzjoni tal-informazzjoni kollha mitluba mill-Onor Interpellant. Din l-informazzjoni hija waħda massiċċa li tirrekjedi ħafna xogħol u għalhekk ladarba jitlesta dan l-eżerċizzju, l-informazzjoni ser titqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra.