Jista’ il-Viċi Prim Ministru jgħid fl-ewwel tliet xhur ta’ din is-sena kemm kien hemm barranin, xahar b’xahar, li kienu passiġġieri regolari iżda li għal raġuni jew oħra ma tħallewx jidħlu Malta u ntbagħtu lura? Kemm minn dawn kellhom visa regolari? Ta’ liema nazzjonalita` kienu? Jista’ jagħti l-figuri għall-ajruport u għall-port separatament?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi fl-ewwel tlett xhur ta' din is-sena kien hemm 83 persuna ta' nazzjonalita' barranija li ma tħallietx tidħol wara li waslet Malta. Minn dawn 7 waslu bil-baħar filwaqt li 76 waslu bl-ajru. Dawn kienu minn dawn il-pajjiżi:
Algeria
Equador
Mongolia
Russia
Bulgaria
Georgia
Morocco
Syria
China
India
Nigeria
Tunisia
Croatia
Libya
Phillipines
Turkey
Egypt
Moldovia
Romania
Ukrania
Ninsab infurmat ukoll illi ma tinżammx statistika ta' kemm minn dawn kellhom visa.
Jista’ il-Vici Prim Ministru jgħid kemm huwa n-numru totali ta’ nies miżmuma fil-faċilita’ korrettiva ta’ Kordin? Jista’ jgħid kemm minnhom huma diġa’ ssentenzjati? Kemm qed jistennew biex jgħaddu ġuri jew kumpilazzjoni? F’kull każ kemm hemm taħt il-25 sena?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi fl-4 ta'April 2005 il-popolazzjoni tal-ħabs kienet mitejn u tmienja u tmenin (288).
Minn dawn hemm mitejn u sittax (216) li huma sentenzjati u tnejn u sebgħin (72), li qegħdin jistennew biex jgħaddu ġuri jew kumpilazzjoni.
Infurmat ukoll li hemm ħamsa u erbgħin (45) priġunier li huma taħt il-ħamsa u għoxrin (25) sena.
Jista’ il-Vici Prim Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta’ kawżi ta’ separazzjonijiet li hemm pendenti quddiem il-qorti tal-familja bħalissa? Kemm minnhom ġew ippreżentati quddiem l-istess qorti fl-ewwel tliet xhur ta’din is-sena?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi n-numru ta' kawżi ta' separazzjoni li kien hemm pendenti f'Marzu 2005 quddiem il-Qorti tal-Familja huwa ta' 967.
Fl-ewwel tlett xhur ta' din is-sena ġew ippreżentati 89 kawża ġdida f'din il-Qorti u ġew maqtugħa minn fuq il-lista 130 kawża.
Ninsab infurmat ukoll illi fil-Qorti tal-Maġistrati (Għawdex) Sezzjoni Familja, hemm 17-il kawża ta' separazzjoni personali pendenti, li minnhom 4 ġew preżentati fl-ewwel tlett xhur ta' din is-sena.
Jista’ il-Vici Prim Ministru jgħid hemmx ħsieb li jiġi appuntat imħallef ieħor biex jippresjiedi l-qorti tal-familja biex din tkompli miexja b’mod regolari peress li l-imhallef sedenti jinsab indispost?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi ma jirriżultax li l-Imħallef li jippresjedi l-Qorti tal-Familja huwa preżentament indispost. Dwar assenjazzjoni ta' Imħallef ieħor f'din il-Qorti, din hija prerogattiva tal-Prim Imħallef.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ittellgħu persuni l-qorti s-sena l-oħra u din is-sena talli ttraffikaw fin-nies (human traffickers)? X'weħlu wieħed wieħed eżattament f'kull każ?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi matul is-sena 2004, u din is-sena s'issa, kien hemm għoxrin (20) persuna li tressqu l-Qorti fuq akkużi ta' traffikar ta' persuni. Mid-disa' li kellhom il-każ tagħhom deċiż, ħamsa ngħataw sentenza ta' ħabs sospiża, wieħed ingħata sentenza ta' ħabs sospiża u multa, tnejn ingħataw sentenza ta' ħabs u wieħed ingħata sentenza ta' ħabs flimkien ma' interdizzjoni u multa.
Bi traffikar qed nifhem tentattivi sabiex nies jiddaħħlu jew jinħarġu illegalment minn Malta.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid wasalx iż-żmien li jitkabbar il-ħabs preżenti u jiżdiedu l-pieni ta' ħabs għal kull reat billi kulma jmur ir-reati qed jiżdiedu? X'inhuma l-pjanijiet tal-gvern għall-awment tal-pieni u għal liema reat?
Response (BORG, TONIO)
Ma hemm ebda pjan li jitkabbar il-ħabs preżenti, peress li dan tkabbar diġa' fl-1995.
Dwar awment ta' pieni, il-proposti tal-Gvern huma kontenuti fil-White Paper "Lejn Ġustizzja Aħjar u Eħfef".
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hawn persuni f'Malta ħajjin illum li qattgħu sentenza ta' ħabs u jagħti breakdown ta' kemm-il darba ġew mogħtija sentenza ta' ħabs sospiża u jagħti breakdown ta' kemm-il darba ingħataw probation u jagħti breakdown ta' kemm-il darba?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi t-tagħrif mitlub mill-Onorevoli Interpellant mhux disponibbli taħt forma ta' statistika jew kompjuterizzata.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid sa x'ħin jistgħu jibqgħu miftuħa l-clubs ġewwa Paceville? Jista' jgħid jekk hemmx xi permess speċjali li sidien ta' clubs ikunu jistgħu jibqgħu miftuħa aktar minn dan il-ħin? X'regolamenti jridu josservaw jekk ikun il-każ?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi bħala regola, bars, night clubs, diskoteki u postijiet oħra fejn isir iż-żfin, jistgħu jinżammu miftuħa kull ġurnata sas-1.00am. Dan il-ħin jista' jkun estiż sa l-4.00am. Ninsab infurmat ukoll illi kważi l-istabbilimenti kollha ta' din in-natura ġewwa Paċeville għandhom din l-estensjoni tal-ħin. Dawn l-istabbilimenti jridu josservaw ir-Regolamenti kollha li jirregolaw dan il-ġeneru ta' negozju, fosthom li ebda mużika ma għandha tindaqq bejn l-4.00am u d-9.00am.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ħarġu kontravvenzjonijiet relatati mal-ħmieġ tal-klieb fit-toroq matul din l-aħħar sena? Kemm minnhom saru mill-gwardjani lokali u kemm mill-pulizija?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi matul is-sena 2004, u din is-sena s'issa, il-Pulizija qabdet 17-il persuna bi ksur tar-regolament dwar ħmieġ tal-klieb.
Infurmat ukoll illi matul is-sena 2004 u fl-ewwel tlett xhur ta' din is-sena kien hemm 12-il taħrika oħra li saru mill-gwardjani lokali dwar l-istess kontravvenzjonijiet.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ħarġu ċitazzjonijiet relatati ma' littering matul din l-aħħar sena? Kemm minnhom saru mill-pulizija u kemm mill-gwardjani lokali?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi matul is-sena 2004, u din is-sena s'issa, il-Pulizija qabdet 58 persuna bi ksur tal-Att dwar Żibel u Skart (Kap. 206).
Infurmat ukoll illi matul is-sena 2004 u fl-ewwel tlett xhur ta' din is-sena l-gwardjani lokali ħarġu 66 taħrika fuq kontravvenzjonijiet relatati ma' littering.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ġew imħarrka persuni relatati ma' rimi ta' skart u kemm ġew ikkonfiskati vetturi ta' dawk li nqabdu jarmu matul din l-aħħar sena?
Response (BORG, TONIO)
B'żieda mat-tagħrif li jien tajt bi Tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari Nru 12066 dwar id-Dipartiment tal-Pulizija, ninsab infurmat illi kien hemm vettura waħda li ġiet konfiskata.
Infurmat ukoll illi l-gwardjani lokali ħarġu 16-il taħrika fuq kontravvenzjonijiet relatati ma' rimi ta' skart.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk kienx hemm xi tibdil ta' regolamenti jew liġijiet dwar it-tiġrijiet taż-żwiemel li jsiru fit-toroq? Jista' in oltre jgħid jekk din is-sena hux se jitħallew isiru dawn it-tiġrijiet?
Response (BORG, TONIO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ma sarx tibdil fil-liġi minn dan il-Ministeru.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid x'inhuma l-pjani tat-taqsima proprjeta' tal-gvern għall-futur ta' l-imħażen biswit il-Maċina, Senglea? X'inhi l-possibbilta' li dawn jiġu devoluti lill-kunsill lokali, Senglea?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li t-Taqsima Proprjeta' tal-Gvern qed tevalwa x'inhuwa l-aħjar użu li għandu jsir minn l-imħażen imsemmija mill-Onorevoli Interpellant u dan anke fid-dawl ta' diversi talbiet li għandha t-Taqsima għall-istess imħażen inkluż dik ta' devoluzzjoni mill-Kunsill Lokali ta' l-Isla. Sa issa pero' t-Taqsima għadha ma ħadet l-ebda deċiżjoni.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid minn meta bdew jiġu nominati avukati bħala kummissarji tal-ġustizzja?
Jista' jgħid jekk din hijiex prassi jew toħroġx minn xi liġi?
Jista' jgħid min kienu l-aħħar nies li ġew appuntati bħala tali, li ma kellhomx kwalifiki legali?
Jista' jgħid kemm hemm kummissarji tal-ġustizzja u jindika min huma?
Jista' jgħid kemm swew lill-gvern il-kummissarji tal-ġustizzja matul is-snin 2003 u 2004?
Jista' jgħid ukoll minn meta bdew jiġu appuntati prosekuturi sabiex imexxu quddiem dawn il-kummissarji?
Jista' jispjega jekk in-nomina tal-prosekuturi toħroġx minn prassi jew minn liġi?
Jista' jsemmi min huma u kemm swew lill-gvern matul is-snin 2003 u 2004?
Response (BORG, TONIO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li preżentement hemm disa' Kummissarju għall-Ġustizzja li huma Dr Benny Delia, Dr Ramon Rossignaud, Dr Louis Vella, Dr Anton Farrugia Sacco, Dr Matthew Brincat, Dr Deborah Farrugia, Dr Robert Mangion, Dr Ian Spiteri Bailey u Dr Grazzjo Mercieca.
Dwar il-Kummissarji bejniethom swew il-Gvern is-somma ta' Lm47,704 fis-sena 2003 u Lm77,725 fis-sena 2004.
Il-prosekuturi ma jitħallsux mill-Ministeru tal-Ġustizzja iżda direttament mill-Kumitati li jmexxu t-Tribunali Lokali rispettivi.
Rigward l-ewwel żewġ domandi, l-informazzjoni qiegħda tiġi miġbura u titqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra f'Seduta oħra.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm tressqu minorenni l-qorti akkużati b'reati kriminali fis-snin 1990, 1995, 2000, 2002 u 2004?
Jista' jindika liema kienu l-aktar reati komuni?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi s-sena l-oħra kien hemm tmienja u sittin (68) persuna taħt it-tmintax-il sena li tressqu l-Qorti. L-informazzjoni dwar is-snin l-oħra qegħdha tinġabar u tingħata f'Seduta oħra.
Wara rapporti li fis-17 ta’ Marzu ħarbu żewġ Sirjani hekk kif niżlu mill-ajruplan fl-ajruport internazzjonali ta’ Malta, jista’ il-Viċi Prim Ministru jikkonferma dan il-fatt? Jista’ jghid fiex waslu l-investigazzjonijiet dwar dan? Mill-ismijiet tagħhom ġie verifikat jekk kenux ġew Malta qabel?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi nhar is-17 ta' Marzu 2005, waqt li l-passiġieri li kienu waslu mat-titjira minn Istanbul kienu sejrin lejn it-terminali, tnejn dehru jiġru u qabżu l-fence. Minn stħarriġ li għamlet il-Pulizija irriżulta li dawn il-passiġieri kienu ta' nazzjonalita' Sirjana u waslu Malta in transit lejn Tripoli. Ma jirriżultax li dawn kienu Malta qabel, filwaqt li l-Pulizija għadha għaddejja bl-istħarriġ.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm inqabdu tfal taħt is-16-il sena f'postijiet ta' divertiment jew jingħataw xorb alkoħoliku matul din is-sena?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi matul l-ewwel tlett xhur ta' din is-sena, il-Pulizija sabet 29 persuna taħt is-sittax-il sena f'postijiet ta' divertiment, li wieħed minnhom kien ukoll servut b'xorb alkoħoliku.
Billi skond il-gazzetti ġewwa ħanut f'Ħaż-Żabbar allegatament ġie mqaxxar fenek waqt li kien għadu ħaj, jista' il-Ministru jgħid x'passi ħadet il-pulizija?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-Pulizija ma kellha ebda rapport dwar il-każ imsemmi mill-Onorevoli Interpellant. Pero' minn stħarriġ li sar sussegwement ġew identifikati żewġ persuni li jidher li kienu involuti u l-Pulizija ser tieħu l-passi opportuni skond il-liġi.