Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm kienet l-ispiża totali f'ċifra ta' flus ta' l-Uffiċċju tal-Prim Ministru, inkluż ta' l-entitajiet li jaqgħu taħt l-Uffiċċju tal-Prim Ministru, għall-mobile phone calls u l-kirjiet u/jew xiri tagħhom matul is-sena 2004?
Kemm hi ċ-ċifra ta' flus li diġa' tħallset minn din l-ispiża?
Kemm hu n-numru ta' mobile phones li fil-preżent l-Uffiċċju tal-Prim Ministru jew l-entitajiet li jaqgħu taħtu huwa responsabbli għall-pagamenti tagħhom u kemm kien fis-sena 2004?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li turi l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant.
Jista' il-Prim Ministru jinvestiga l-każ ta' persuna - dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament - li ġiet mitluba mid-dipartiment tal-VAT biex tħallas aktar flus, wara li din kienet diġa' ħallset il-flus dovuti lid-dipartiment tal-VAT kif mitluba?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li d-Dipartiment eżamina l-file tal-persuna li rrefera għaliha l-Onorevoli Interpellant u jidher li dan qed jirreferi għal stimi konfermati li ħarġu wara li jkunu ħarġu stimi proviżorji. Din hija proċedura stabbilita skond l-Att dwar il-Valur Miżjud.
Minħabba l-kunfidenzjalità imposta mil-liġi, wieħed ma jkunx jista’ jiżvela aktar dettalji speċifiċi tal-każ.
Jista' il-Prim Ministru jgħid jekk hemmx xi talba minn xi immigrant biex jixtri proprjeta' f'Malta?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ma jirriżultax li kien hemm xi talba għal xi akkwist ta’ proprjetà immobbli minn xi immigrant għall-fini ta’ l-Att dwar l-Akkwist ta’ Proprjetà Immobbli minn Persuni Mhux Residenti.
Ngħarraf lill-Onorevoli li ċittadin ta’ l-Unjoni Ewropea li f’xi żmien kien residenti f’Malta għal ħames (5) snin kontinwi u mhux interrotti jista’ jixtri kwalunkwe proprjetà mingħajr il-ħtieġa ta’ xi permess taħt l-imsemmi Att.
Jista' il-Prim Ministru jgħid fiex wasal il-pjan li kellu jfassal il-gvern biex pajjiżna jilħaq il-miri ta' l-istrateġija ta' Lisbona maqbula fis-sena 2000 biex sa ħames snin oħra l-Unjoni Ewropea ssir l-ekonomija l-iżjed kompetittiva' fid-dinja? Jista' ipoġġi fuq mejda tal-Kamra kopja ta' dan il-pjan ta' pajjiżna biex iwettaq il-miri ta' Lisbona? Fiex wasalna fit-twettiq ta' dan il-pjan?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Bla dubju il-Gvern Malti jaqbel ma’ l-istrateġija ta’ Lisbona bħala mezz li bih jistaw jintlaħqu miri strateġiċi li mhux biss iżidu l-kompetittività ta’ pajjiżna iżda wkoll il-livell u l-kwalità tal-ħajja tal-poplu Malti. Għalkemm il-Gvern ma kienx mistenni li jippublika xi pjan uniku għal din l-istrateġija. Niġbed l-attenzjoni ta’ l-Onorevoli Interpellant li ġew mnieda diversi inizjattivi f’oqsma diversi għal dan il-għan. Fost dawn hemm il-Pjan Nazzjonali dwar l-Impjiegi u ieħor dwar il-Faqar u l-Esklużżjoni Soċjali.
Jista' il-Prim Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 10535 u cioe' billi l-anzjan - id-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament - ilu żmien rikoverat f'St. Vincent de Paule u billi m'għadx hemm familjari joqogħdu f'dak l-indirizz, x'inhi r-raġuni li minkejja li l-persuna l-oħra - id-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament - ilha żmien twil titlob biex il-pensjoni tintbagħat fl-indirizz ta' dan ta' l-aħħar billi għandha prokura fuq iċ-cheque tal-pensjoni ta' l-anzjan, it-Teżor xorta waħda qed jibqgħu jibagħtu ċ-cheques fl-indirizz antik ta' l-istess anzjan?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għar-risposta li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 10842.
Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm hawn persuni f'Malta u Għawdex li jiddikjaraw li jaqilgħu income ta' aktar minn Lm6,840 fis-sena? Jista' jgħid kemm minn dawn huma mpjegati jew self-employed?
Jista' jaqsam il-persuni f'Malta u Għawdex li jiddikjaraw li jaqilgħu income ta' aktar minn Lm6,840 fis-sena bejn irġiel, irġiel miżżewġa, nisa, nisa miżżewġa u f'kategoriji ta' impjegati jew self-employed f'income brackets ta' differenza ta' Lm1,500 bejn kull bracket (i.e. Lm6,840-Lm7,000, Lm7,001-Lm8,500, Lm8,501-Lm10,000, eċċ?
Response (GONZI, LAWRENCE)
L-informazzjoni mitluba tinsab fl-iskeda A annessa li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
L-istatistika mogħtija ma tinkludix dħul ġej minn imgħaxijiet, dividendi, xogħol part-time b’impjieg jew b’self employment u dħul ieħor li jkun ġie ntaxxat b’rata fissa jew li ma jkollux għalfejn ikun irrapportat fil-prospett annwali.
Jista' il-Prim Ministru jgħid jew jelenka lista ta' oġġetti mkissra jew vandalizzati mill-immigranti klandestini f'ċentri miżmuma mill-armata s-sena l-oħra u ta' qabel? Kemm swiet din il-ħsara biex tiġi rranġata?
Response (GONZI, LAWRENCE)
L-ispiża ta’ l-oġġetti mkissra jew vandalizzati mill-immigranti irregolari tul l-2003 kienet ta’ Lm853 filwaqt li fl-2004 kienet tlaħħaq Lm1,080.
L-oġġetti mkissra jew vandalizzati kienu jikkonsistu f’showers, toilets, u toilet seats, flushings, wash hand basins, aċċessorji tad-dawl u ta’ l-ilma, fan regulators, ħġieġ, tea/water urns, saħansitra l-fence li jdawwar il-post ta’ detenzjoni.
Jista' il-Prim Ministru jgħid x'vetturi nxtraw għall-armata f'dawn l-aħħar għaxar snin?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Matul dawn l-aħħar għaxar snin, il-vetturi fil-lista ta’ hawn taħt inxtraw mill-Forzi Armati ta’ Malta:
Sena
Marka
Tip
Kwantità
1995
Kia Mentor
Saloon
1
1999
Marutti
Van (Jeep)
4
2000
Marutti
Kia Shuma
Van (Jeep)
Saloon
5
1
2002
Iveco
Wheeled Troop Carrier
4
2003
Iveco
Wheeled Troop Carrier
1
2004
Volkswagen Bora
Saloon
2
2005¹
Iveco
Mini Bus
2
_______________________________
¹ Għadhom ser jiġu kkonsenjati, wara li diġà ġie awarded it-Tender.
Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm-il uffiċjal tal-liġi - armata - inqabdu jaħdmu bħala bouncers ġo postijiet ta' divertiment fil-ħin liberu tagħhom bejn l-2000 u l-2005?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Mis-sena 2000 sal-lum ma kien hemm l-ebda uffiċjal ta’ l-Armata li nqabad jaħdem ta’ bouncer ġo postijiet ta’ divertiment fil-ħin liberu tiegħu.
Jista' il-Prim Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 10834, li oriġinarjament saret lill-Ministru għal Investiment, Industrija u Teknoloġija ta' l-Informazzjoni, u cioe' jagħti konferma li qegħdin jitħarsu strettament l-obbligi tad-Data Protection Act fejn jidħlu e-mails u dokumenti oħra li jintbagħtu jew jaslu fuq l-apparat taħt il-kontroll tal-gvern?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li ċ-CIMU (bħala controller of personal data) u l-MITTS Ltd (bħala processor) josservaw strettament l-obbligi tad-Data Protection Act fejn jidħlu l-e-mails u kif ukoll dokumenti li jintbagħtu b’dan il-mezz.
Jista' il-Prim Ministru jgħid matul dawn l-aħħar ħames snin kemm ġew ippreżentati applikazzjonijiet quddiem l-ombudsman, sena b'sena? Jista' jgħid kemm ġew deċiżi lmenti favur l-applikanti, u dan ukoll sena b'sena għal dawn l-aħħar ħames snin?
Jista' jgħid kemm ħallas kumpens f'dawn l-aħħar ħames snin fuq rakkmandazzjoni ta' l-ombudsman?
Jista' jgħid kemm applikaw matul dawn l-aħħar ħames snin, sena b'sena, fejn ġie rakkmandat rimedju lill-applikant u baqa' bla sodisfazzjon?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.
Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm għad hemm kawżi pendenti quddiem it-tribunal għall-investigazzjoni ta' l-inġustizzji? Jista' jispjega għaliex għoġbu jbiddel iċ-chairman tat-tribunal għall-investigazzjoni ta' l-inġustizzji?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat illi n-numru ta’ kawżi pendenti quddiem it-Tribunal għall-Investigazzjoni ta’ l-Inġustizzji huwa ta’ 30, li minnhom hemm 4 ritrattazzjonijiet.
Il-ħatra jew tibdil taċ-Chairman tat-Tribunal għall-Investigazzjoni ta’ l-Inġustizzji, hija l-prerogattiva tal-President li jaġixxi fuq il-parir tal-Prim Ministru skond il-provvedimenti tal-liġi Kap 394 paragrafu 3(6).
Kummissjoni għall-Investigazzjonijiet ta' l-Inġustizzji
Question
Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm kienu ġew ippreżentati applikazzjonijiet quddiem l-allura kummissjoni għall-investigazzjonijiet ta' l-inġustizzji?
Jista' jgħid f'kemm minn dawn l-applikazzjonijiet il-kummissjoni tat raġun lill-applikant u taw rakkmandazzjonijiet opportunii? Jista' jgħid kemm minn dawn l-applikazzjonijiet ma ġewx implimentati?
Jista' jgħid kemm il-gvern kien ivvota flus riċentement sabiex jiġu kumpensati nies li kienu ngħataw raġun mill-kummissjoni pero' ma kenux għadhom ingħataw kumpens?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat illi n-numru ta’ applikazzjonijiet li ġew ippreżentati quddiem il-Kummissjoni għall-Investigazzjoni ta’ l-Inġustizzji kien ta’ 5,333. Minn dawn 3,068 inqatgħu kontra l-applikant u 2,265 favur. Mill-ilmenti li nqatgħu favur, 2,062 ġew onorati kompletament u f’166 każ ieħor ġiet varjata l-implementazzjoni tagħhom. Fi 23 każ ieħor, l-applikazzjoni ġiet miċħuda u fadal 14-il każ ieħor pendenti.
L-ammont ta’ flus ivvotat skond l-Estimi għall-2003, 2004 u 2005 għal ħlas f’kumpens mill-Kummissjoni għall-Investigazzjoni ta’ l-Inġustizzji huwa ta’ Lm1000 kull darba, iżda dan l-ammont huwa biss token. Fil-fatt fl-2003 il-ħlas f’kumpens kien ta’ Lm9,201 filwaqt li fl-2004 ma sar l-ebda ħlas.
Tribunal għall-Investigazzjonijiet ta' l-Inġustizzji
Question
Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm ġie kkundannat iħallas komplessivament il-gvern in linea ta' danni mit-tribunal għall-investigazzjonijet ta' l-inġustizzji?
Jista' jgħid kemm hemm sentenzi mogħtija minn dan it-tribunal li għadhom sal-lum mhux implimentati u jagħti spjega?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat illi l-Gvern sal-lum ħallas l-ammont ta’ Lm511,297.33 li minnhom Lm385,191.61 ingħataw f’Kumpens li jinkludi Lm201.11 b’riżultat ta’ Amicable Settlement u Lm126,105.72 ingħataw f’Arretrati.
In-numru ta’ sentenzi mgħotija minn dan it-Tribunal u li sal-lum għadhom ma ġewx implimentati huwa ta’ 31. Minn dawn hemm 19 fejn il-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku ma qablitx, 2 fejn infetħet Ritrattazzjoni kontra l-individwu, u 10 li qed jiġu kkontestati quddiem il-Qorti Ċivili.
Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm inqatgħu sentenzi mit-tribunal għall-investigazzjoni ta' l-inġustizzji mill-bidunett kemm ilu jiffunzjona dan it-tribunal, sena b'sena?
Jista' jindika kemm minn dawn is-sentenzi nqatgħu mill-Imħallef Farrugia Sacco, kemm inqatgħu mill-Maġistrat Michael Mallia u kemm inqatgħu minn ġudikanti oħra?
Jista' jgħid kemm saru kawżi ta' ritrattazzjoni minn dan it-tribunal? Jista' jgħid kemm minnhom ġew deċiżi u minn liema mħallef, u dan sena b'sena?
Jista' jgħid kemm minn dawn is-sentenzi nqatgħu kontra l-gvern jew l-aġenziji tiegħu u kemm kontra kull aġenzija jew dipartiment governattiv?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat illi sa l-aħħar ta’ Frar 2005 inqatgħu 938 sentenzi mit-Tribunal għall-Investigazzjoni ta’ l-Inġustizzji, li minnhom 902 inqatgħu mill-Imħallef Farrugia Sacco, u 36 mill-Maġistrat Michael Mallia. Dettalji sena b’sena jinsabu f’Tabelli ‘A’ u ‘B’ li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
In-numru ta’ każi fejn saru Ritrattazzjonijiet jammonta għal 24 li minnhom ġew deċiżi 18 (dettalji sena b’sena jinsabu f’Tabella ‘Ċ’ li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra), ġew ċeduti 2 filwaqt li 4 għadhom pendenti quddiem il-Maġistrat Mallia.
In-numru ta’ sentenzi li nqatgħu kontra l-Gvern jew l-Aġenziji tiegħu jammonta għal 455. Dettalji għal kull Dipartiment Governattiv jew Aġenzija jinstabu f’Tabella ‘D’ li wkoll qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Dipartiment tal-Gvern — Sistema ta' Enerġija Solari
Question
Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta' dipartimenti tal-gvern li matul dawn l-aħħar ħames snin qalbu għas-sistema ta' dawl u/jew enerġija solari? Liema huma dawn id-dipartimenti u kemm swiet, kull każ separatament, din il-bidla?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li t-tweġiba ser tingħata f’xi seduta oħra.
Matul is-sena 2004, jista' il-Prim Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' karozzi mikrija mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru, dipartimenti u entitajiet li jaqgħu taħt l-Uffiċċju tal-Prim Ministru?
Kemm kienet l-ispiża f'ċifra ta' flus totali għal dawn il-kirjiet, inkluż l-ispiża totali tal-fuel rispettivament?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li t-tweġiba ser tingħata f’xi seduta oħra.
Jista' il-Prim Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 10723 u cioe' billi l-anzjan - id-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament - ilu żmien rikoverat f'St. Vincent de Paule u billi m'għadx hemm familjari joqogħdu f'dak l-indirizz, x'inhi r-raġuni li minkejja li l-persuna l-oħra - id-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament - ilha żmien twil titlob biex il-pensjoni tintbagħat fl-indirizz ta' dan ta' l-aħħar billi għandha prokura fuq iċ-cheque tal-pensjoni ta' l-anzjan, it-Teżor xorta waħda qed jibqgħu jibagħtu ċ-cheques fl-indirizz antik ta' l-istess anzjan?
Response (GONZI, LAWRENCE)
F’każijiet bħal dawn is-sezzjoni pensjonijiet tat-Teżor titlob lill-pensjonant konċernat sabiex jimla u jiffirma formula maħruġa mit-Teżor jew jibgħat ittra lit-Teżor fejn jitlob u jindika fejn għandu jibda jirċievi iċ-ċekk tal-pensjoni.
Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm nefqet l-armata fuq il-klandestini s-sena l-oħra u kif u fuqxiex intnefqu dawn il-flus?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Matul is-sena 2004 l-Armata nefqet is-somma ta’ Lm1,014,691 in konnessjoni ma’ l-immigranti irregolari. Dawn intefqu kif ġej:
Ammont
1.
Pagi f’għases
474,258
2.
Pagi ta’ suldati mpjegati fil-kċejjen
200,350
3.
Pagi ta’ xufiera – twassil ta’ immigranti fil-
Health Centres
tal-Gvern u sptarijiet
29,310
4.
Pagi f’amministrazzjoni ġenerali
73,183
5.
Ikel
128,409
6.
Affarijiet tat-tindif (bħal dawk użati fit-tindif ta’ kċejjen, akkomodazzjoni u iġjene personali)
15,481
7.
Spejjeż Varji¹
41,654
8.
Manutenzjoni tal-postijiet fejn joqogħdu l-immigranti irregolari
41,098
9.
Ilma u elettriku
7,303
10.
Trasport – Konsum ta’
fuel
u żjut
2,928
11.
Fuel
ieħor bħal ċilindri tal-
gas
għat-tisjir
684
12.
Medikazzjoni
33
Total
Lm1,014,691
¹ Dawn intefqu fi fridges, sodod ‘double tier’, camp beds, tined (tip Marquee), saqqijiet, servizzi ta’ l-iskip u ta’ tindif tal-fosos (mhux inklużi fit-tabella t’hawn fuq), boroż taż-żibel, tindif u manutenzjoni ta’ mobile toilets, u xi ftit rations oħra li jingħataw lis-suldati waqt li dawn ikunu stand-by waqt xi rewwixta mill-immigranti irregolari.
In vista tal-fatt li riċentement l-idea ta' faċilita' finanzjarja internazzjonali bħala għajnuna għal żvilupp kienet milqugħa tajjeb ħafna minn ħafna pajjiżi Ewropej, u anke in vista tal-fatt li l-Prim Ministru u Ministru tal-Finazni tal-Lussemburgu Jean Claude Junker qal li l-biċċa l-kbira tal-ministri tal-finanzi ta' stati membri ta' l-Unjoni Ewropea huma favur id-dħul ta' taxxa fuq il-pitrolju u/jew biljetti ta' l-ajru, u li huwa kien se jagħmel suġġerimenti biex taxxa bħal din tiddaħħal biex mid-dħul tiġi ffinazjata din l-għajnuna għall-iżviluppi, jista' il-Prim Ministru jgħid jekk din il-proposta kenitx fuq l-agenda ta' l-aħħar laqgħa ta' l-ECOFIN? Jista' jgħid x'reazzjoni għandu l-Gvern tiegħu għal proposta bħal din, stante l-fatt li proprju ftit ġranet ilu pajjiżna diġa' kellu żieda sostanzjali fuq il-prezz tal-pitrolju u fuq it-taxxa għall-biljetti ta' l-ajru?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi t-tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.