Jista' l-Ministru jgħid kemm instabu ħatja persuni fuq serq matul is-sena 1999? Kemm kien gravi r-reat u x'weħlu f'kull każ?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi matul l-1999 in-numru ta` persuni li ġew misjuba ħatja ta` serq kien ta` 296. Il-pieni mogħtija kienu jvarjaw bejn multa, ħabs, probation, liberta` kundizzjonata u sentenza sospiża.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew irreġistraw żweġijiet reliġjużi matul is-sena 1999 u kemm ċivili? Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' persuni ddivorzjati u/jew li kellhom żwieġ annullat li żżewġu biċ-ċivil matul is-sena 1999?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li matul l-1999, in-numru ta` żweġijiet li ġew irreġistrati f`Malta u f`Għawdex bil-forma reliġjuża kien ta` 1,952, filwaqt li n-numru ta` ta` 434.
Ninsab infurmat ukoll li mill-persuni li żżewġu biċ-ċivil, 155 kienu divorzjati jew kellhom żwieġ annullat.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew sentenzjati persuni u mibgħuta l-ħabs matul 1999? Kemm kienu nisa u rġiel u x'tip ta' reat għamlu? Kemm weħlu f'kull każ?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li matul l-1999 in-numru ta` persuni li ddaħħlu l-ħabs b`sentenza jew ġew sentenzjati matul iż-żamma tagħhom ġewwa l-ħabs kien ta` 246. Minn dawn kien hemm 238 irġiel u 8 nisa.
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista li turi r-reati konnessi u l-piena li ngħatat f`kull każ.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ittellgħu persuni l-qorti fuq reati konnessi ma' droga matul is-sena 1999? Kemm kienu nisa u rġiel, x'eta' kellhom u kemm kienu Maltin u kemm barranin u x'reat allegatament wettqu dawn il-persuni?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li matul l-1999 tressqu quddiem il-Qorti 359 persuna fuq reati konnessi ma` droga, li minnhom 319 kienu Maltin u 40 kienu barranin. Minn dawn 317 kienu rġiel u 42 kienu nisa, li l-eta` tagħhom kienet tvarja bejn il-15 u 66 sena. L-akkużi kienu jvarjaw minn pussess sa traffikar ta` droga.
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il aġenzija ta' gwardjani lokali applikaw għal-liċenzja lill-kummissarju tal-pulizija? Min huma dawn l-aġenziji?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li l-Kummissarju tal-Pulizija rċieva tmien applikazzjonijiet għall-għoti ta` liċenzja għal aġenzija ta` gwardjani lokali.
L-aġenziji li applikaw huma :
Assco Group Limited, Birkirkara;
Group 4 Securitas (Malta) Limited, Guardamangia;
Group 4 Security (Malta) Limited, Guardamangia;
The Guard & Warden Service House Limited, Msida;
Security Service Malta Ltd., San Ġwann;
Sterling Security Co. Ltd., Qormi;
Is-Sur Peter Stilon, Sliema (applika bħala individwu);
Securtiy & Consultancy Services Ltd., Sliema.
B'riferenza għall-estensjoni ta' bini fil-guest house Ramla Lodge fi Triq il-Gardiel, Wied il-Għajn Nru. PA 2272/97, jista' l-Ministru wara konsultazzjonijiet ma' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar jispjega: (a) kif ħareġ il-permess biex jinbena it-tielet sular meta f'ittra li ġġib id-data tas-16 ta' Ġunju, 1998 numru ta' referenza GF/GC - 55/667 id-Director of Planning kien qal li "PA 2272/97 is being recommended for refusal as proposal will intensify the commercial/tourism characteristics in a predominantly residential area"? (Kopja ta' l-ittra qed tintbagħat separatament)
(b) Kif għadhom ma ttieħdu ebda passi biex struttura llegali li nbniet fil-front garden tar-Ramla Lodge u li dwarha diġa' weħel multa u nħarġitlu ordni biex imwaqqa' din l-istruttura, jiġifieri il-bar, u s'issa għadha hemm? Jekk dan hu minnu, x'inhu jżomm lill-Awtorita' ta' l-Ippjanar milli tipproċedi kif tipprovdi l-liġi?
(ċ) Kif bungalow fl-istess area, ta' l-istess sid u li hu f'residential area ħariġlu l-permess biex isir bar and restaurant li jesa' madwar 140 ruħ meta l-parking capacity li ngħatat mill-Planning Authority hi biss ta' 24 karozza meta jien informat li suppost skond ir-regolamenti - Policy TRA 4, din kellha tkun ta' bejn wieħed u ieħor 60 karozza?
(d) Kif tispjega l-Awtorita' ta' l-Ippjanar li l-istess sid għandu bini ta' sular taħt l-art jew parti sostanzjali minnu taħt l-art li suppost kien basement ta' disa' filati għoli u fil-fatt hu ta' sular sħiħ u li issa ngħata l-permess li jintuża bħala bedrooms meta skond il-liġi l-ebda basement ma jista' jintuża għall-irqad?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li l-każijiet li rrefera għalihom l-Onor. Interpellant qed jiġu nvestigati mill-Awtorita` ta` l-Ippjanar.
Jista' l-Ministru jgħid kif tispjega l-Planning Authority li r-Ramal Lodge fi Triq il-Gardiel, Wied il-Għajn inħarġilha permess għal tielet sulari f'area li skond il-planning schemes hi ta' żewġt sulari?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li r-Ramla Lodge ingħatat permess għal tlett livelli, 2 'l fuq u 1 'l isfel mit-triq. Skond il-Planning Schemes dan l-għoli hu permess fi Triq il-Gardiel kantuniera ma` Triq il-Maħsel, f`Wied il-Għajn.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex minkejja diversi ittri ta' resident li ismu qed jintbagħat under separate cover GF/GC 55/667 fejn talab biex ikun preżenti meta jinstema' l-każ ta' Ramla Lodge, dan ġie deċiż meta l-persuna msemmija qatt ma ġiet informata biex tkun preżenti?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li l-proċedura dwar il-preżenza tal-pubbliku waqt laqgħat tal-Kummissjoni għall-Kontroll ta` l-Iżvilupp (DCC) hi li dawn il-laqgħat ikunu miftuħa għall-pubbliku. L-agenda tad-DCC tkun kemm fuq l-Internet kif ukoll fuq Notice Board għal ta` l-apposta fil-Foyer tal-Planning Authority. Mhix il-prattika li kull min jikteb jiġi nfurmat bid-data preċiża, ħlief meta l-applikazzjoni tasal għar-rikonsiderazzjoni, u dan fuq talba ta` min irid ikun preżenti.
B'riferenza għall-permess għall-guest house Ramla Lodge, Wied il-Għajn, jista' l-Ministru jgħid kif tispjega l-Awtorita' ta' l-Ippjanar li f'artiklu 23 subparagrafu I tal-permess għamlet kondizzjoni li tgħid: "This permit is being issued saving the right of any third party to appeal from such permit", imbagħad meta t-third parties ħallsu l-flus għall-appell u marru għall-appell, il-Planning Authority stess talbiet li dan l-appell ma jiġix milqugħ għax skond hi ma kienx hemm lok ta' appell mit-third parties?
Response (BORG, TONIO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li skond il-liġi, third party għandu dritt ta` appell jekk ikun ipparteċipa bħala objector waqt l-ipproċessar ta` l-applikazzjoni u jkollu interess ġuridiku skond deċiżjonijiet tal-Qorti ta` l-Appell. Dan irid jiġi ppruvat quddiem il-Bord ta` l-Appell dwar l-Ippjanar.
Jista' l-Ministru jgħid kif tispjega l-Planning Authority li permess Nru. 3749/98 tat-12 ta' Novembru, 1999 li jinsab eżatt faċċata tar-Ramla Lodge, Wied il-Għajn, jiġi miċħud fuq l-istess premessi li kien ressaq il-persuna li isimha qed jintbagħat separatament f'ittra li bagħat il-Perit tiegħu fl-24/2/99 liċ-Chairman tad-Development Control Commission tal-Planning Authority, liema premessi huma l-istess ta' dawk li semma id-direttur tal-planning fl-ittra li jien qed nibgħat separatament?
Taħt dawn iċ-ċirkostanzi, jaħseb il-Ministru li għandha ssir investigazzjoni/inkjesta, dwar dan il-permess li dwaru kien hemm anke oġġezzjonijiet minn diversi residenti (madwar 40 familja) kif ukoll mill-kunsill lokali ta' Wied il-Għajn?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li l-applikazzjoni li rrefera għaliha l-Onor. Interpellant iġġib in-numru PA 3749/99 u kienet għal żieda fl-ammont ta` mwejjed u żieda fl-area msaqqfa. Din ġiet miċħuda minħabba n-nuqqas ta` spazju għal parking li kellu jkun provdut. Żvilupp ta` dan it-tip jiġġenera ammont sostanzjali ta` traffiku. Barra minn hekk, l-iżvilupp ma kienx wieħed estikament aċċettabbli.
Għat-tieni parti tal-Mistoqsija, nemmen li għadu mhux il-waqt li wieħed jirrispondi sakemm jiġu nvestigati l-punti msemmija mill-istess Onor. Membru fil-Mistoqsija Parlamentari Nru. 13841.
Jista'l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li l-permessi ta' hawkers huma miżmuma? Għaliex huma miżmuma wkoll transfers ta' l-istess permessi?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li l-permessi ta` bejjiegħa fit-toroq m`humiex miżmuma, ħlief dawk ta` bejjiegħa f`suq miftuħ. Trasferimenti tal-liċenzji ta` dawn ta` l-aħħar qatt ma kienu jsiru għajr dawk kif indikati fl-Avviż Legali 100 ta` l-1996.
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-persuna li għandha l-kirja tal-forn fil-mitħna fi Triq San Ġwann, Bormla, jekk dan jistax jibdel il-qiegħa tal-forn, għax għandha ħafna ħsara?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li l-kerrej tal-forn li rrefera għalih l-Onor. Interpellant ma għamel l-ebda talba lid-Dipartiment għat-Tmexxija tal-Proprjeta` biex jagħmel ix-xogħlijiet imsemmija fil-Mistoqsija. Jekk issir talba għal dan il-għan din tiġi kkunsidrata.
Jista' l-Ministru jagħti informazzjoni rigward bejgħ ta' art tal-gvern kif reklamati f'gazzetti lokali fis-17/5/98 fi żmien Gvern Laburista? Min xtara dawn l-artijiet u meta sar/u l-kuntratt/i?
Response (BORG, TONIO)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jagħtini d-dettalji ta` l-art li dwarha qed jitlob l-informazzjoni.
Pulizija — Persuni mtella' l-qorti fuq prostituzzjoni
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm ittellgħu persuni l-qorti minħabba reati konnessi ma' prostituzzjoni matul is-sena 1999? Kemm kienu nisa u kemm irġiel?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi matul l-1999, tressqu quddiem il-Qorti 130 persuna fuq reati konnessi ma` prostituzzjoni, li minnhom 110 kienu nisa u 20 kienu rġiel.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ittellgħu kaċċaturi u nassaba l-qorti matul is-sena 1999 u x'tip ta' reat allegatament wettqu dawn il-persuni?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi matul l-1999 tressqu quddiem il-Qorti 173 persuna fuq reati konnessi mar-Regolamenti ta` l-1993 dwar il-Ħarsien ta` l-Għasafar u tal-Fenek Selvaġġ; Regolamenti ta` l-1993 dwar l-Għasafar u l-Fenek Selvaġġ (Dikjarazzjoni ta` Speċi Protetti u Riservi Naturali); l-Ordinanza dwar l-Armi Kap. 66.