Legislature:
Category:
Reset
Active:

MSACT — Kuntratt ta' Għalliem

Question

Jista' il-Ministru jara li jinbidel il-kuntratt tal-persuna li tgħallem mal-kulleġġ Malti għall-arti, xjenza u teknoloġija - dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament - minn full-time ta' tliet snin għal wieħed ta' part-time biex ikun jista' isegwi l-kors masters in clinical psychology li ntgħażel għalih u li żgur ikun investiment tajjeb biex l-istaff tal-kulleġġ jitħarreġ u jifforma ruħu professjonalment aħjar?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-lecturer konċernat ingħatalu l-permess biex jibdel il-kuntratt tiegħu minn wieħed full-time għal wieħed fuq basi prorata biex ikun jista jsegwi l-kors offrut mill-Universita' ta' Malta. Il-lecturer s'issa ma setax ikun ċert mis-siegħat li seta joffri minħabba li l-kors kien full-time. Il-Kulleġġ m'għandux oġġezzjoni li l-lecturer jaħdem fuq kuntratt part-time jekk jaħdem fis-sigħat tal-Kuleġġ.

Commonwealth Scholarship

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm applikaw għall-aħħar sessjoni tal-Commonwealth scholarships? Jista' jgħid min intgħażel u jagħti l-isem, il-kwalifiki li għandu u f'liema qasam se jsegwi kors post-graduate?

Response (GALEA, LOUIS)

It-tagħrif dwar minn ġie nominat għal dan l-ischolarship ser jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. L-għażla finali mhix f'idejn il-Gvern Malti.

Edukazzjoni, Żgħażagħ u Impjiegi — Kiri ta' karozzi

Question

Matul is-sena 2004, jista' il-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' karozzi mikrija mill-ministeru, dipartimenti u entitajiet li jaqgħu taħt il-ministeru? Kemm kienet l-ispiża f'ċifra ta' flus totali għal dawn il-kirjiet, inkluż l-ispiża totali tal-fuel rispettivament?

Response (GALEA, LOUIS)

It-tagħrif mitlub se jitpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra.

Skejjel — Assenteiżmu

Question

Jista' il-Ministru jgħid, issa li twaqqaf kumitat biex jistudja għaliex qed ikun hemm numru ta' studenti li jassentu ruħhom mill-iskejjel, għaliex m'hemmx rappreżentant ta' skola indipendenti fuq dan il-kumitat meta hemm eluf ta' tfal li jattendu dawn l-iskejjel u li wkoll għandhom il-problemi ta' assenteiżmu?

Response (GALEA, LOUIS)

It-Task Force dwar Attendenza Tajba fl-Iskejjel għandha termini ta' referenza li jitolbuha tikkonsulta ma' kull min hu nvolut f'dan is-settur inkluż dawk involuti fl-iskejjel indipendenti. Fiduċjuż li l-membri tas-task force se jagħmlu din il-konsultazzjoni u l-analiżi tagħhom se tirrifletti wkoll dwar l-aspett ta' l-assenteiżmu fl-iskejjel sew tal-knisja kif ukoll dawk indipendenti minbarra naturalment fl-iskejjel ta' l-istat.

Skejjel Indipendenti — Assenteiżmu

Question

Jista' il-Ministru jgħid fl-ewwel term ta' din is-sena skolastika kemm kien hemm studenti li assentew ruħhom mill-iskejjel indipendenti? Kemm kien in-numru matul ix-xahar ta' Jannar? Jaf il-Ministru li numru ta' dawn it-tfal imorru għall-btajjel barra minn Malta waqt il-ħinijiet ta' l-iskola?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li skejjel indipendenti li rrappurtaw dawn in-numri ta' studenti li assentaw ruħhom matul l-ewwel term 2004-5 :- Biċ-ċertifikat : 2,337 Skużati bla ċertifikat : 2,633 Mhux skużati u bla ċertifikat : 648 Total : 5,618 Matul ix-xahar ta' Jannar 2005 it-tagħrif huwa hekk :- Biċ-ċertifikat : 1,393 Skużati bla ċertifikat : 1,146 Mhux skużati u bla ċertifikat : 254 Total : 2,793 Ninsab informat li l-ġenituri ta' student li jkollu bżonn isiefer huma obbligati jippreżentaw il-passaport u l-biljett ta' l-arju jew tal-baħar lill-aministrazzjoni ta' l-iskola fejn jattendi jekk il-mawra barra minn Malta tkun ta' tliet ġimgħat jew anqas. L-iskola żżomm kopja ta' dawn id-dokumenti. Jekk il-mawra barra minn Malta tkun se ddum aktar minn tlett ġimgħat, il-ġenituri obbligati javżaw lill-iSchool Social Work Service (SSWS) tad-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni.

Players Barranin

Question

Jista' il-Ministru jgħid meta għaqda sportiva tirristrinġi n-numru ta' players/atleti li jiġu minn pajjiżi membri ta' l-Unjoni Ewropea milli jieħdu sehem flimkien waqt attivita' kompetittiva u uffiċjali, din l-għaqda tkunx qed tikser il-liġi dwar id-dritt ta' liberta' tax-xogħol u ħelsien ta' moviment? Jista' team ta' football ikollu reġistrati miegħu tmien players li ġejjin minn pajjiżi ta' l-Unjoni Ewropea u jilgħabhom kollha fl-istess ħin waqt logħba?

Response (GALEA, LOUIS)

Kif diġa' kelli l-opportunita' ngħid fi tweġibiet għall-mistoqsijiet simili, ma nemminx li hu kompitu tal-gvern jindaħal lil xi assoċjazzjoni sportiva fir-regoli nterni tad-dixxiplina sportiva li taqa' taħtha u dan b'rispett għall-indipendenza u l-awtonomija ta' dawn l-assoċjazzjonijiet li fuq kollox huma entitajiet li ma jaqgħux taħt il-kontroll tal-gvern (NGOs).

Immigranti Klandestini

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm inqabdu persuni ta' nazzjonalita' barranija jaħdmu bla permess is-sena l-oħra? Kemm minn dawn irriżultaw li kienu immigranti klandestini miżmuma mill-awtoritajiet Maltin?

Response (GALEA, LOUIS)

Nirreferi għat-tweġiba ta' mistoqsija parlamentari 10366, fejn ingħatat din l-informazzjoni dwar ħaddiema barranin li nstabu jaħdmu mill-korporazzjoni tax-xogħol u taħriġ is-sena l-oħra. Mhux magħruf kemm minn dawn irriżultaw li kienu immigranti klandestini, għaliex meta l-korporazzjoni ssib xi ħaddiema barranin jaħdmu bla permess tax-xogħol, tgħaddi l-każ f'idejn il-Pulizija ta' Malta.

ETC — Persuni jaħdmu b'mod irregolari

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm inqabdu persuni jaħdmu b'mod irregolari s-sena l-oħra?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li kien hemm 1,211 persuni li nqabdu jaħdmu b'mod irregolari s-sena l-oħra u dawn mhux bilfors kollha kienu qed jirreġistraw għax-xogħol.

Universita' ta' Malta — Kors Erasmus Mundi

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk l-Universita' ta' Malta qattx applikat biex tagħmel kors fil-livell ta' masters taħt l-iskema magħrufa bħala Erasmus Mundi? Jekk le, għaliex? Jekk iva, f'liema oqsma kienu dawn il-masters u x'kienet ir-raġuni li s'issa għad ma ġietx magħżula? Hemm xi ħsieb li wieħed ikun aktar aggressiv f'applikazzjoni oħra, stanteli huwa maħsub li f'korsijiet oħra fil-futur huma mistennija li jieħdu parti eluf ta' studenti mid-dinja kollha li se jiġu biex jistudjaw fl-Ewropa għal madwar sentejn?

Response (GALEA, LOUIS)

Peress li t-tagħrif meħtieġ ma laħaqx wasalli fl-uffiċċju, kostrett li nwieġeb f'xi Seduta oħra.

Birkirkara — Skola Primarja

Question

Jista' il-Ministru jieħu l-passi neċessarji dwar dak li kitbu l-ġenituri fl-ittra li qed tintbagħat separatament rigward l-iskola primarja B, Sir Anthony Mamo, Birkirkara?

Response (GALEA, LOUIS)

Għaddejt kopja ta' l-ittra msemmija fil-Mistoqsija lid-Direttur Ġenerali ta' l-Edukazzjoni.

EU — Malta Football Association

Question

B'riferenza għal mistoqsija parlamentari 5631, peress li jidher ċar li qed issir diskriminazzjoni mill-Malta football association u r-regoli taghha u jistgħu jsiru multi mill-EU lill-Gvern Malti kemm-il darba dawn ma jiġux regolarizzati, jista' il-Ministru jgħid x'passi se jieħu biex jara li Malta tkun konformi mal-bqija ta' l-EU u jevita xi multa?

Response (GALEA, LOUIS)

Nirreferi lill-Onor. Kollega għat-tweġiba ta' mistoqsija parlamentari 10791 li weġibt illum stess.

Skejjel ta' l-Ingliż

Question

Jista' il-Ministru jgħid liema huma dawk l-iskejjel liċenzjati għat-tagħlim ta' l-Ingliż lil barranin? Min joħroġ dawn il-liċenzji? Liema huma dawk l-iskejjel li għandhom Director of Studies kwalifikat? Liema huma dawn id-diretturi? Fejn m'hemmx tali diretturi, min qed jimla' dan il-post?

Response (GALEA, LOUIS)

Ser inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta' l-iskejjel li huma liċenzjati għat-tagħlim ta' l-Ingliż lill-barranin. Il-Bord ta' Sorveljanza tat-Tagħlim tal-Lingwa Ingliża bħala Lingwa Barranija ħareġ il-liċenzji lil 45 skola li jissemmew hemmhekk. Mill-istess lista jirriżulta liema skejjel għandhom Director of Studies kwalifikati, u min huma. Fejn ma hemmx tali direttur, uħud minn dawn l-iskejjel ma humiex joperaw, fil-każ tal-bqija, dan il-post qed jimtela minn wieħed mill-għalliema anzjani li huwa mistenni li jaqdi l-funzjonijiet kollha sakemm jiġi appuntat Director of Studies ġdid.

Dipartiment ta' l-Edukazzjoni — Health and Safety Officer

Question

Wara l-inċident li kien sar f'Santa Venera fejn kien miet tifel wara li waqgħet lasta fuq rasu, id-dipartiment sejjer jadotta ir-rakkmandazzjoni tal-bord ta' l-inkjesta li jkollu health and safety officer tal-post?

Response (GALEA, LOUIS)

Fil-fatt informat li għandna diġa numru ta' għalliema fl-iskejjel sekondarji magħrufin bħala Health and Safety Teachers. Diġa assigurajna li f'kull skola sekondarja għandha Health and Safety Teacher, kif ukoll għandna għaxar peripatetic Health and Safety Teachers li jilħqu l-iskejjel primarji kollha kif ukoll l-iSpecial Schools. Il-kompitu ta' dawn l-għalliema huwa li parti mid-doveri tagħhom tkun li, b'attivitajiet u struzzjonijiet, iqajmu kuxjenza sew fost l-għalliema kif ukoll fost it-tfal għall-ħtieġa ta' l-għarfien dwar saħħa u s-sigurta', fl-ambjent ta' madwarna. Dan qed isir b'mod strutturat ħafna biex nassiguraw li jintlaħaq kulħadd. Dawn il-Health and Safety Teachers jagħtu support lill-kapijiet ta' l-Iskejjel billi jagħmlu risk assessments kull sitt xhur, bl-iskop li t-taħriġ li huma kontinwament jingħataw ikun ta' għajnuna lill-kapijiet ta' l-iskejjel biex jidentifikaw sitwazzjonijiet li jistgħu jkunu ta' riskju, u għalhekk jintervjenu kemm jista' jkun fil-pront biex jassiguraw li l-ambjent ta' l-iskola jkun salv minn kull periklu.

Skejjel — Sistema ta' Enerġija Solari

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta' skejjel tal-gvern li matul dawn l-aħħar ħames snin qalbu għas-sistema ta' dawl u/jew enerġija solari? Liema huma dawn l-iskejjel u kemm swiet, kull każ separatament, din il-bidla?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li sa issa l-ebda skola matul dawn l-aħħar ħames snin ma qalbet għas-sistema ta' dawl u/jew enerġija solari.

Studenti ta' Ċittadinanza barranija

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta' studenti ta' ċittadinanza barranija li qed jattendu l-iskejjel tal-gvern f'Malta u Għawdex separatament? X'nazzjonalita' għandhom dawn l-istudenti u kemm hemm fil-primarja, sekondarja, eċċ.?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li n-numru ta' studenti barranin li jattendu l-iskejjel ta' l-Istat huwa : Kindergarten u Primarja - 216 Sekondarja - 132 In-nazzjonalita' ta' dawn l-istudenti li jattendu l-iskejjel ta' l-Istat hija kif murija fit-tabelli li ser jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra.

Skola J. L. Verdala — Proġett ta' żvilupp

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'kien sar mill-pjan tal-gvern sabiex isir proġett ta' żvilupp u riabilitazzjoni ta' l-iskola J.L. Verdala? Jista' ipoġġi fuq il-mejda tal-Kamra kopji tad-development brief li kien sar fis-sena 1998? Jista' jgħid xi twettaq minnu?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li wara d-development brief li kien sar għall-Liċeo tas-subien fil-Verdala, Bormla, nbena sular addizzjonali fuq wieħed li kien eżistenti, filwaqt li nbniet kamra oħra kbira fuq blokka oħra biex isservi ta' option room. Ninsab informat ukoll li l-FTS għandha f'idejha programm ta' xogħolijiet li huwa miftiehem mad-Direttur Ġenerali tad-Diviżjoni, u li minnu huwa pproġettat illi l-iżvilupp ta' l-iskola imsemmija ser isir bejn 2006 - 2008, dejjem pero' jiddependi jekk jinħarġux il-permessi neċessarji u t-tenders relatati mal-proġett fiż-żmien.

Birgu — Skola L. Gafa - suġġett tal-Home Economics

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni għaliex is-suġġett tal-Home Economics mhux mgħallem fl-iskola L. Gafa Birgu? Kemm kien hemm studenti li xtaqu jieħdu dan is-suġġett u x'sar?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-Home Economics fl-iskola Lorenzo Gafa', il-Birgu ma huwiex mgħallem għaliex m'hemmx il-faċilitajiet neċessarji biex jagħmilha possibli ħalli dan is-suġġett ikun offrut lill-istudenti. Kien hemm 4 studenti fil-Form 1 li riedu dan is-suġġett u biddluħ għal Design and Technology. Fil-Form 3 kien hemm 6 studenti li xtaqu jieħdu dan is-suġġett, 5 minnhom għażlu li jbiddlu s-suġġett biex jibqgħu l-iskola tal-Fortini, wieħed għażel li jżomm l-għażla ta' dan is-suġġett u mar is-Sekondarja Ġuże' d'Amato, Raħal Ġdid, biex ikun jista' jagħmel il-Home Economics.

Impjegati tal-Gvern — League tal-Football

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li ma bediex il-league tal-football għall-impjegati tal-gvern? Minn min hu fformat il-kumitat li huwa nkarigat li jorganizza dan il-league?

Response (GALEA, LOUIS)

Peress li din il-ħidma sportiva hi kompletament volontarja ma taqax taħt id-Dekasteru tiegħi għalkemm hi l-intenzjoni tiegħi li ninkoraġġiha.