Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 12 PQ #4462 Sitting 57 2013-10-02 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru għat-Turiżmu

San Pawl il-Baħar — devoluzzjoni ta' proprjetajiet

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 3617, f’dak li jirrigwarda s-sit indikat għall-Kunsill Lokali ta' San Pawl il-Baħar, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema hu s-sit indikat fir-risposta? X'użu qed isir minn dan is-sit bħalissa, u kif mistenni jintuża l-istess sit matul iż-żmien li ġej?

Response (VELLA, KARMENU)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar li s-sit qed issirlu l-manutenzjoni meħtieġa. Parti minn dan is-sit ser jiġi użat bħala latrini pubbliċi, filwaqt li l-parti l-oħra ser tintuża bħala fergħa tal-uffiċini amministrattivi flimkien mal-Awtorità Maltija tat-Turiżmu, suġġett għall-permessi meħtieġa.
Leg 12 PQ #4463 Sitting 57 2013-10-02 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru għat-Turiżmu

San Pawl il-Baħar — Spezzjonijiet fuq latrini pubbliċi

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar xi spezzjonijiet isiru mill-Kunsill Lokali ta' San Pawl il-Baħar għal dak li jirrigwarda l-latrini pubbliċi tal-lokalità? Kemm isiru spezzjonijiet kuljum, u minn min? Kemm-il nuqqas ġie rappurtat wara dawn l-istess spezzjonijiet matul ix-xhur Lulju sa Settembru 2013?

Response (VELLA, KARMENU)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar li jsiru żewġ spezzjonijiet kuljum mill-kuntrattur responsabbli mil-latrini pubbliċi tal-lokalità, kif ukoll minn persuna oħra impjegata taħt l-iskema tal-Korporazzjoni għax-Xogħol u t-Taħriġ. Infurmat ukoll li kien hemm diversi rapporti ta' nuqqasijiet li rriżultaw minn dawn l-ispezzjonijiet, uħud minuri u oħrajn riżultat ta’ vandaliżmu. Ir-rapporti għall-perjodu bejn Lulju u Settembru 2013 għadhom qed jiġu evalwati sabiex tittieħed azzjoni.
Leg 12 PQ #4464 Sitting 57 2013-10-02 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru għat-Turiżmu

San Pawl il-Baħar — Ħasil ta’ bankini

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm-il darba nħaslu l-bankini/toroq ta' San Pawl il-Baħar matul il-perijodu Ġunju - Settembru 2013? Min jaħsel dawn l-istess spazji u kemm ġie jiswa x-xogħol indikat? B'liema mod ingħata x-xogħol indikat?

Response (VELLA, KARMENU)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar li matul il-perjodu li jkopri minn Ġunju sa Settembru 2013, il-bankini u t-toroq max-Xatt ta’ Buġibba u l-Qawra inħaslu kuljum minn kuntrattur tal-Green MT u mid-Dipartiment tal-Manutenzjoni u Tindif. Dan ix-xogħol ma sewa xejn finanzjarjament, wara ftehim bejn il-Kunsill Lokali u Green MT. Filwaqt li l-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar qiegħed jagħmel ġbir ta’ kartun sabiex jgħaddieh lil Green MT, il-kumpanija Green MT qiegħda tagħmel ix-xogħol tal-ħasil mingħajr ħlas.
Leg 12 PQ #3768 Sitting 56 2013-10-01 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru għat-Turiżmu

Ċelebrazzjonijiet tal-Karnival

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar minn meta hu mistenni li jibdew jiġu organizzati tliet karnivali fis-sena? Fejn hu mistenni li jibdew jiġu organizzati dawn l-istess karnivali? Jekk hemm il-ħsieb li din is-sena jsir karnival ieħor, meta hu mistenni li jsiru, u fejn? Jista’ jagħti tagħrif dwar x’diskussjonijiet saru s’issa mal-kunsilli lokali involuti?

Response (VELLA, KARMENU)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li wara konsultazzjoni mad-dilettanti tal-Karnival il-Gvern iddeċieda li jsaħħaħ iċ-ċelebrazzjonijiet tal-Karnival tradizzjonali. Fost numru ta’ inizjattivi ġodda, il-Karnival ser jirritorna fi Pjazza San Ġorġ fejn orġinarjament kien jiġi organizzat filwaqt li l-programm t’attivitajiet mistenni jkun aktar intensiv. Sadanittant is-Segretarjat Parlamentari għall-Kultura u l-Gvern Lokali ta sehem dirett biex flimkien mal-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar jerġa’ mill-ġdid jiġi organizzat il-Karnival tas-sajf, b’mod aktar professjonali u attrajenti għal Maltin, l-Għawdxin u t-turisti li jattendu. L-esperjenza tal-Karnival f’San Pawl il-Baħar din is-sena jidher li intlaqgħet tajjeb kemm mill-pubbliku li attenda kif ukoll mid-dilettanti tal-karnival nfushom. Id-deċiżjonijiet meħuda qegħdin isiru b’konsultazzjoni diretta mad-dilettanti tal-Karnival fl-aħjar interess tal-partijiet koncernati.
Leg 12 PQ #3820 Sitting 56 2013-10-01 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru għat-Turiżmu

Kunsilli Lokali – xogħlijiet fuq ġonna u spazji pubbliċi

Question

B'referenza għar-risposti tal-mistoqsijiet parlamentari 1842, 2178, 2620, 2626 u 2795, jista' l- Ministru jagħti tagħrif dwar jekk kienx hemm xogħol ieħor li sar minn dak iż-żmien sal-lum? Jista' jaġġorna l-Kamra dwar x'kien ix-xogħol li sar minn meta saru dawn id-domandi u minn min sar, sal-lum?

Response (VELLA, KARMENU)

Qiegħed inpoġġi l-informazzjoni mitluba fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 12 PQ #4406 Sitting 56 2013-10-01 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru għat-Turiżmu

San Pawl il-Baħar — Triq it-Turisti - Zebra crossing

Question

Jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex jitlob lill-Kunsill lokali ta' San Pawl il-Baħar ħalli ż-zebra crossing li hemm fi triq it-Turisti, qrib l-Għassa tinżewbaħ għaliex qiegħda tkun ta' periklu għal dawk li jaqsmu minn hemmhekk?

Response (VELLA, KARMENU)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar li x-xogħlijiet rikjesti ma jistgħux isiru fil-preżent minħabba mandat ta’ inibizzjoni mill-Qrati ta’ Malta maħruġ fl-10 ta’ Settembru 2013.
Leg 12 PQ #3762 Sitting 55 2013-09-30 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru għat-Turiżmu

Laqgħat tal-Kunsilli Lokali

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk kunsill lokali li jorganizza laqgħat għal xi settur jew sezzjoni tar-residenti fil-lokalità hux mistenni li jinforma lill-membri kollha tal-kunsill li laqgħa bħal dik tkun se tiġi organizzata, biex jiġi assigurat li l-membri kollha tal-kunsill lokali jkunu jistgħu jattendu għal tali attività? Kif inhu maħsub li l-kunsilliera jiġu infurmati b’laqgħat bħal dawn?

Response (VELLA, KARMENU)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-membri kollha ta’ Kunsill Lokali għandhom ikunu avżati b’kull attivita’ li ssir f’isem il-Kunsill Lokali. Kull Kunsillier għandu email account fis-sistema elettronika tal-Gvern u allura għandu jirċievi kull avviż permezz tal-posta elettronika. Dan kif stipulat f’Artiklu 32(3) tal-Liġi dwar il-Kunsilli Lokali. Il-Kunsilliera jingħataw email personali u għaldaqstant hija fir-responsabilta’ tas-Segretarju Eżekuttiv li jinforma lill-Kunsilliera bl-attivitajiet.
Leg 12 PQ #3886 Sitting 55 2013-09-30 Oral · Final From: TONI BEZZINA To: Ministeru għat-Turiżmu

Kunsill Lokali taż-Żejtun – laqgħa mal-Ministru

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 3564, jista’ l-Ministru jgħid għaliex għal laqgħa li saret reċentement bejn il-Kunsill Lokali taż-Żejtun u l-Ministru għat-Trasport u l-Infrastruttura, mhux il-kunsilliera kollha ġew mistiedna, fid-dawl li l-Kunsill Lokali, li tagħhom hu responsabbli l-Ministru għat-Turiżmu, ma kellux l-obbligu javża lill-kunsilliera kollha bil-laqgħa mal-Ministru għat-Trasport u l-Infrastruttura?

Response (VELLA, KARMENU)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li hija prassi f’kull Kunsill Lokali, inkluż dak taż-Żejtun, li l-membri kollha tal-Kunsill Lokali jkunu nfurmati u mistiedna għall-attivitajiet kollha tal-Kunsill kif ukoll għal laqgħat uffiċċjali. Jidher li dak li ġara fiż-Żejtun sar bi żvista. Infurmat li d-Dipartiment għall-Gvern Lokali ġibed l-attenzjoni tal-Kunsill Lokali taż-Żejtun sabiex tali inċident ma jerġax iseħħ.
Leg 12 PQ #3887 Sitting 55 2013-09-30 Oral · Final From: TONI BEZZINA To: Ministeru għat-Turiżmu

Kunsill Lokali taż-Żejtun – Laqgħa mal-Ministru

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 3565, jista’ l-Ministru, li hu responsabbli mill-kunsilli lokali, jgħid jekk itteħdux minuti tal-laqgħa jew ġewx ippreżentati rapporti fl-istess laqgħa mill-Kunsill Lokali taż-Żejtun? Jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra ta’ dawn il-minuti/rapporti? X’kien diskuss bejn iż-żewġ partijiet u x’ġie konkluż waqt din il-laqgħa?

Response (VELLA, KARMENU)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali taż-Żejtun li fi tmiem il-laqgħa li qed jirreferi għaliha l-Onorevoli Interpellant kien deċiż li l-Kunsill Lokali jħejji rapport dettaljat tax-xogħlijiet li għandhom isiru fil-lokal. Infurmat ukoll li fil-fatt dan ir-rapport tħejja u kien preżentat lill-Ministru ftit jiem wara l-laqgħa. Qiegħed inpoġġi ukoll fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta’ dan ir-rapport.
Leg 12 PQ #4344 Sitting 55 2013-09-30 Oral · Final From: CHARLÒ BONNICI To: Ministeru għat-Turiżmu

Ministeru għat-Turiżmu — laqgħat tal-Kunsill tal-Ministri tal-Unjoni Ewropea

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il darba attenda għal-laqgħat tal-Kunsill tal-Ministri tal-Unjoni Ewropea mid-9 ta’ Marzu ’l hawn? Jekk kemm-il darba m’attendiex għal xi laqgħa/laqgħat, x’kienu r-raġunijiet? Attenda xi ħadd ieħor minfloku?

Response (VELLA, KARMENU)

Il-Ministru għat-Turżimu flimkien ma’ rappreżentanti tal-Ministeru attendew għal-laqgħa informali tal-Kunsill tat-Trasport fil-Litwanja. Ma kienx hemm laqgħat oħra marbuta mad-dekasteru tal-Ministeru għat-Turiżmu li l-Ministru m’attendiex.
Leg 12 PQ #63 Sitting 54 2013-07-17 Written · Final From: TONI BEZZINA To: Ministeru għat-Turiżmu

Il-Għargħur – restawr tal-Knisja

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta hu ppjanat li jibda x-xogħol ta' restawr fuq il-faċċata tal-Knisja tal-Għargħur?

Response (VELLA, KARMENU)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ma jirriżultax li l-Ministeru qatt kellu talba għal xogħol ta’ restawr fuq il-faċċata tal-Knisja Parrokkjali tal-Għargħur.
Leg 12 PQ #3617 Sitting 54 2013-07-17 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru għat-Turiżmu

12-il distrett elettorali — devoluzzjoni ta' proprjetajiet

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema kienu l-proċessi ta’ devoluzzjoni li tlestew mil-kunsilli lokali tat-12-il distrett elettorali matul l-2012 u l-2013 sa Ġunju? Liema kienu l-proprjetajiet li għaddew għand il-kunsilli permezz ta’ dawn il-ftehim li ġew konklużi? F’kull każ, meta kien inbeda l-proċess għad-devoluzzjoni ta’ dawn il-proprjetajiet?

Response (VELLA, KARMENU)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Leg 12 PQ #3670 Sitting 54 2013-07-17 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru għat-Turiżmu

Slielem max-xtut fis-7 u t-12-il distrett elettorali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema huma l-kunsilli lokali tas-7 u t-12-il distrett elettorali li għamlu rapporti dwar slielem max-xtut li mhumiex f’kundizzjoni tajba u li jridu jiġu rranġati jew mibdula? Liema slielem kienu hekk irrapurtati?

Response (VELLA, KARMENU)

Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Leg 12 PQ #3746 Sitting 54 2013-07-17 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru għat-Turiżmu

speed cameras fir-reġjun tat-tramuntana

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk kienx hemm diskussjoni fil-laqgħat tar-reġjun tat-Tramuntana matul l-2012 u l-2013 sa’ Ġunju dwar il-ħtieġa ta’ speed camera/cameras fil-bypass ta’ San Pawl il-Baħar? Meta saru dawn id-diskussjonijiet u x’kienu l-pożizzjonijiet li ħadu d-diversi kunsill lokali ta’ dan ir-reġjun dwar din l-istess camera?

Response (VELLA, KARMENU)

Ninsab infurmat mill-Kumitat Reġjonali Tramuntana li fl-aħħar laqgħa li kellu u li nżammet it-Tlieta 9 ta’ Lulju 2013, kien hemm diskussjoni fuq l-ispeed cameras. Infurmat li r-Reġjun Tramuntana talab lil Transport Malta permess għal żewġ speed cameras oħra, waħda fil-Mellieħa u oħra fin-Naxxar. Sadanittant ninsab infurmat li kien il-Kumitat Konġunt tat-Tramuntana (illum xolt) li kien għamel l-ewwel talba għal speed camera fil-By Pass ta’ San Pawl il-Baħar, liema applikazzjoni kienet approvata minn Transport Malta lura fl-2009. Jirriżulta li minħabba diżgwid bejn Transport Malta, il-Kumpanija Guard & Warden u l-Kumitat Konġunt tat-Tramuntana dan ix-xogħol qatt ma kien sar.
Leg 12 PQ #3839 Sitting 54 2013-07-17 Oral · Final From: TONI BEZZINA To: Ministeru għat-Turiżmu

Iż-Żurrieq – Triq San Martin – qlib tal-ilma

Question

Jista’ jikkonferma li Triq San Martin (il-parti ta' fuq li tiżbokka fi Vjal l-Indipendenza), fiż-Żurrieq taqa’ taħt ir-responsabbiltà tal-Kunsill Lokali taż-Żurrieq? Jekk fl-affermattiv, jista’ l-Ministru jgħid x'passi se jittieħdu mill-Kunsill Lokali biex id-dettalji ta' residenza mogħtija separatament ma tegħriqx mal-ewwel xita li tagħmel peress illi t-triq taqleb lejn id-dar tagħha u l-ilma tax-xita m'għandux fejn imur?

Response (VELLA, KARMENU)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali taż-Żurrieq li l-parti tat-triq imsemmija taqa’ taħt ir-responsabiltà tal-Kumitat Amministrattiv ta’ Bubaqra, fi ħdan il-Kunsill Lokali taż-Żurrieq. Dan il-każ se jgħaddi għall-attenzjoni tal-perit tal-Kunsill.
Leg 12 PQ #3840 Sitting 54 2013-07-17 Oral · Final From: TONI BEZZINA To: Ministeru għat-Turiżmu

Iż-Żurrieq – Triq San Martin – tiswija

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma li Triq San Martin, fiż-Żurrieq taqa’ taħt ir-responsabbiltà tal-Kunsill Lokali taż-Żurrieq? Jekk fl-affermattiv, jista’ jgħid x'passi se jittieħdu f'din it-triq biex jitneħħa periklu li nħoloq peress illi parti mit-triq sfrundat u hemm suspett illi dan ġara għax taħt wiċċ it-triq hemm bir li ċediet il-bokka tiegħu?

Response (VELLA, KARMENU)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali taż-Żurrieq li l-parti tat-triq imsemmija taqa’ taħt ir-responsabiltà tal-Kumitat Amministrattiv ta’ Bubaqra, fi ħdan il-Kunsill Lokali taż-Żurrieq. Infurmat ukoll li l-Kumitat Amministrattiv ta’ Bubaqra nforma lill-perit tal-Kunsill bil-każ u ħareġ l-ordni tax-xogħol lill-kuntrattur. Tali manutenzjoni għandha ssir fi żmien qasir.
Leg 12 PQ #4008 Sitting 54 2013-07-17 Oral · Final From: SILVIO SCHEMBRI To: Ministeru għat-Turiżmu

Ħal Qormi – xogħlijiet fuq trejqa għal Ħaż-Żebbuġ

Question

Jista’ l-Ministru jara li jsiru x-xogħlijiet neċessarji fuq trejqa li tinsab biswit l-għelieqi bejn Triq Pietru Felici, Ħal Qormi, u li tagħti għal Triq Għar Ram, Ħaż-Żebbuġ, peress li tinsab fi stat ħażin ħafna u hija ta’ inkonvenjent kbir għar-residenti Qriema li jgħaddu minn dawn l-inħawi?

Response (VELLA, KARMENU)

Ninsab infurmat li l-Kunsill Lokali ta’ Ħal Qormi għamel numru ta’ talbiet sabiex din it-triq tinfetaħ għal aktar aċċessibiltà. Nitlob lill-Onorevoli Interpellant sabiex jindirizza din il-mistoqsija lill-Ministru konċernat għal aktar informazzjoni dettaljata.
Leg 12 PQ #3257 Sitting 53 2013-07-16 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru għat-Turiżmu

Bord tal-Petizzjonijiet — membri

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min kienu l-persuni fil-bord tal-petizzjonijiet tal-Belt Valletta bejn l-2008 u l-2012? Kemm kienu jitħallsu f’retainer fis-sena dawn il-persuni?

Response (VELLA, KARMENU)

Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Leg 12 PQ #3615 Sitting 53 2013-07-16 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru għat-Turiżmu

San Pawl il-Baħar – Triq Parades — xogħlijiet fuq bandli

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar x’tip ta’ xogħol qed isir bħalissa fil-bandli ta’ Triq Parades, San Pawl il-Baħar? Meta hu mistenni li jitlesta x-xogħol li għaddej?

Response (VELLA, KARMENU)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar li x-xogħlijiet li qed jirreferi għalihom l-Onor. Interpellant huma dawk ta’ manutenzjoni fuq bażi regolari. Sadanittant nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 3539.
Leg 12 PQ #3616 Sitting 53 2013-07-16 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru għat-Turiżmu

San Pawl il-Baħar – Applikazzjonijiet għal car parks

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm-il applikazzjoni għal car parks issottometta l-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar minn April 2012 sal-lum? Fejn huma dawn is-siti li għalihom saru l-applikazzjonijiet? Meta saru u meta mistenni li jibda x-xogħol fuqhom?

Response (VELLA, KARMENU)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar li minn April 2012 sal-lum ma għamel l-ebda applikazzjoni għal car parks. Minkejja dan f’dawn l-aħħar xhur il-Kunsill Lokali San Pawl il-Baħar żied parkeġġi ġodda billi għamel użu aħjar tat-toroq u fejn kien possibli minn parkeġġi orizzontali għamilhom splayed sabiex jidħlu aktar karozzi. Żdiedu ukoll parkeġġi matul il-promenade kollu ta’ San Pawl il-Baħar.