Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura – Persons of Trust

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm impjegati bħala persons of trust fil-Ministeru u fid-dipartimenti, aġenziji, awtoritajiet, fondazzjonijiet, entitajiet u korporazzjonijiet li kienu jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu, sena b’sena matul l-2004, 2005, 2006, 2007, 2008, 2009, 2010, 2011 u 2012 ? Jista’ jgħid, wieħed wieħed: min kienu dawn il-persuni u x’pożizzjoni kienu jokkupaw; kemm kien is-salarju annwali tagħhom; x’kienet l-ispiża, sena b’sena fuq il-perkaċċi (inkluż bonuses, allowances, mobile phones, karozzi, servizz tal-internet, fuel u xufiera), u x’kienet sena b’sena l-ispiża fuq safar tagħhom?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferi għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari numru 14775.

Ħ’Attard – Triq l-Imdina – traffic lights

Question

Jista' l-Ministru jgħid fiex wasal il-proċess sabiex jitwaħħlu traffic lights fi Triq l-Imdina, Ħ'Attard, b'applikazzjoni tal-Kunsill Lokali tal-istess lokalità?

Response (MIZZI, JOE)

Jien infurmat li l-programm tas-sistema tat-traffiku huwa lest u l-controller tat-traffic lights huwa programmat. Kollox mistenni li jiġi installat fil-jiem li ġejjin.

Birkirkara — Transport Malta - Triq Ċensu Costa - problema tal-ilma

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta ħierġa t-tender minn Transport Malta biex tiġi solvuta l-problema tal-ilma ta' Triq Ċensu Costa f'Birkirkara? Jista' jgħid għaliex qed iddum biex toħroġ it-tender meta minn informazzjoni l-perit ta' Transport Malta responsabbli minn Birkirkara ġa għamel l-istudju x'għandu jsir?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill- Onorevoli Interpellant li Transport Malta tikkonferma li s-surveys tlestew u li issa qed jiġu ppreparati l-istima u t-tender għax-xogħlijiet meħtieġa.

San Pawl il-Baħar – Triq Dawret in-Nawfraġju — periklu

Question

Billi fl-inħawi ta’ fejn hemm il-moll li kien jorbot miegħu l-vapur ta’ Għawdex qrib Triq Dawret in-Nawfraġju, San Pawl il-Baħar, jeżisti periklu li jaqgħu karozzi l-baħar peress li m’hemm l-ebda lqugħ li jwaqqaf vettura milli tispiċċa fil-baħar, jista’ l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex ikun hemm ilqugħ sodisfaċenti għas-sigurtà ta’ dawk li jużaw dawn l-inħawi?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onore. Interpellant li se nitlob lil Transport Malta biex tevalwa din it-talba sabiex tiddetermina x’miżuri jistgħu jittieħdu biex tiżdied is-sigurtà kemm f’dan il-post u oħrajn simili.

Tonnage Tax – infringement proceedings

Question

Jista’ l-Ministru jispjega xi żviluppi qed isiru dwar it-tonnage tax fid-dawl tal-infringement proceedings li għaddejjin bħalissa?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill- Onorevoli Interpellant sabiex tirreferi l-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Wardija — xogħol ta' tarmak

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 14872, li saret lill-Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali, jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kull permess (jekk kien hemm) li tat Transport Malta biex ikun jista' jsir ix-xogħol fuq it-Triq li mill-Wardija twassal lejn salib it-toroq ta' San Martin, dejjem limiti ta' San Pawl il-Baħar? Jista' jpoġġi ukoll kopja tal-pjanti li għalihom inħarġu l-permessi relattivi?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill- Onorevoli Interpellant li l-permessi relatati max-xogħol fuq it-Triq li mill-Wardija twassal lejn salib it-toroq ta’ San Martin huma RWP1-0251/15 & RWP1-1233/14. Id-Dokumenti marbuta ma’ dawn il-permessi qed jitpoġġew fuq il-mejda tal-kamra.

Ftehim mal-Autobuses de Leon – kundizzjonijiet marbuta ma’ abbandun tal-kuntratt

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’kundizzjonijiet u multi applikabbli hemm fil-kuntratt iffirmat bejn il-Gvern Malti u l-kumpanija Autobuses de Leon f’każ li din tal-aħħar tiddeċiedi li tabbanduna l-kuntratt?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġibiet li ngħataw għall-mistoqsijiet parlamentari preċedenti rigward il-kuntratt iffirmat bejn il-Gvern Malti u l-operatur ġdid tas-servizz pubbliku, fejn għidt li dan se jitpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra fil-mument opportun.

Il-Gżira –passiġġieri fil-karozza tal-linja li għaddu minn Triq ix-Xatt

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta’ passiġġieri li jużaw il-karozzi tal-linja siegħa b’siegħa, li jirkbu jew jgħaddu minn Tas-Sliema għal Triq ix-Xatt, il-Gżira matul il-jum tal-Ġimgħa, is-Sibt u l-Ħadd?

Response (MIZZI, JOE)

Ninsab infurmat li preżentament, l-operatur tat-trasport pubbliku m’għandux l-informazzjoni li qed tiġi mitluba.

Il-Gżira – Triq ix-Xatt – bus lane

Question

Jista’ l-Ministru jgħid f’liema ħinijiet tal-ġurnata se tkun qed tapplika l-bus lane fi Triq ix-Xatt tal-Gżira, u ċjoè f’liema ħinijiet tal-ġurnata se tkun ristretta l-lane ta’ ġewwa biex tintuża esklussivament bħala bus lane?

Response (MIZZI, JOE)

Nibda billi nfakkar lill-Onorevoli Interpellant li d-deċiżjoni li tiġi implimentata l-bus lane fi Triq ix-Xatt tal-Gżira kienet parti mill-proġett tal- MODUS liema Grant Agreement għall-fondi ERDF ġie iffirmat mill-Gvern preċedenti f’Ottubru 2012. Niġbed l-attenzjoni wkoll li saħansitra waħda mill-esperti li għandu bħalissa il- Partit Nazzjonalista, skont artiklu miktub minnha stess f’wieħed mill-ġurnali ewlenin indipendenti, hija wkoll favur il- bus lanes. Għaldaqstant nikkonferma lill-Onorevoli Interpellant, li l- bus lane fi Triq ix-Xatt tal-Gżira se tkun tapplika f’kull ħin tal-ġurnata.

Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura – persuni ingaġġati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew impjegati u ingaġġati persuni mill-Ministeru u mid-dikasteri varji li jaqgħu taħtu fl-2014?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill- Onorevoli Interpellant li matul is-sena 2014 ġew ingaġġati 108 persuna mall-Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura u mad-dekasteri li jaqgħu taħtu, li jinkludu 7 apprentisti u 3 persuni bi bżonnijiet speċjali.

Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura – Positions of trust

Question

Jista' l-Ministru jelenka u jgħid liema kienu l-positions of trust li kien hemm fi ħdan l-Ministeru tiegħu u fid-dipartimenti, aġenziji, awtoritajiet, fondazzjonijiet, entitajiet u korporazzjonijiet li kienu jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu, sena b’sena, matul l-2004, 2005, 2006, 2007, 2008, 2009, 2010, 2011 u 2012 ?

Response (MIZZI, JOE)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant.

Transport Malta — traffic calming measures

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk Transport Malta għandiex xi kriterji parikolari li permezz tagħhom tapprova jew le t-tqegħid ta' traffic calming measures, fosthom sleeping policemen? Jista' jpoġġi kopja ta' dawn il-kriterji kif applikati minn Transport Malta?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill- Onorevoli Interpellant li Transport Malta għandha gwida dwar l-implimentazzjoni ta' miżuri biex titnaqqas il-veloċita tas-sewqan. Transport Malta tapplika dawn il-kriterji skont standards Ewropej.

Transport Malta — Ix-Xemxija - bus stop

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk Transport Malta wettqitx xi spezzjoni fi triq prinċipali li mix-Xemxija tagħti għal Għajn Tuffieħa, fl-inħawi magħrufa bħala Għaj Stas/Ta Rkuplu, biex jitwaħħal bus stop fl-istess post, ħalli jiġi assigurat li l-persuni li jużaw tal-linja, jkollhom fejn jieqfu, biex jaslu fid-djar tagħhom? Jekk iva, meta saret l-ispezzjoni u x'deċiżjoni ħadet l-istess Transport Malta dwar dan il-bus stop li hu tant meħtieġ?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li jien ninsab infurmat li fil-ġranet li ġejjin Transport Malta ser tkun qegħda twettaq spezzjoni fl-inħawi magħrufa bħala Għaj Stas/Ta Rkuplu sabiex tiġi investigata l-possibilita’ li jiġi imwaħħal bus stop f’din l-akwata.

San Pawl il-Baħar — reserved parking u loading/unloading - sinjali

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema kienu l-ispazji reserved, loading/unloading, reserved for disabled persons, jew reserved oħra li ġew, approvati minn Transport Malta matul x-xhur Settembru 2014 sa Frar 2015, fil-lokalità ta' San Pawl il-Baħar? Min jassigura li dawn ir-reserved, jiġu mpinġija fl-art wara li jkunu ġew approvati? Min jagħmel dawn is-sinjali wara li jkunu ġew approvati l-ewwel darba? Fejn ġew approvati (f'liema toroq)? Fl-istess perjodu kemm kien hemm minn dawn is-sinjali li tneħħew?

Response (MIZZI, JOE)

Jien infurmat li l-ispazji reserved, loading/unloading, reserved for disabled persons, jew reserved oħra li ġew, approvati minn Transport Malta matul x-xhur Settembru 2014 sa Frar 2015, fil-lokalità ta' San Pawl il-Baħar, ġew approvati kif ġej: Reserved Parking for Disabled Street Name Date of Approval Removed St George Street 18/09/2014 Triq iz-Zernieq 18/09/2014 Triq Alka 19/09/2014 Qawra Road 19/09/2014 Wesgha M D Zarb 23/10/2014 Triq il-Lampuki 28/10/2014 05/02/2015 Triq Sir Luigi Preziosi 23/01/2015 Un/loading Bays in St Paul's Bay Date of Approval Un/loading Bays In the vicinity of Street Name 11/06/2014 Un/loading Bay Timed & Communal for the shifting of existing un/loading bay in the vicinity of Chef Choice Triq il-Mosta 16/12/2014 Un/loading Bay Timed & Communal Triq ic-Caghaq Transport Malta tassigura li dawn il-parkeġġi riżervati għall-persuni b’diżabbilta’ jiġu miżbugħa fl-art wara li jkunu ġew approvati. Transport Malta wkoll timplimenta dawn il-parkeġġi riżervati għall-persuni b’diżabbilta’ għall-ewwel darba meta dawn jiġu approvati. Fil-perjodu msemmi mill-Onorevoli Interpellant tneħħiet kaxxa waħda ta’ parkeġġ riżervat għall-persuni b’diżabbilta’.

Proġett tat-Triq tas-Salina

Question

Fir-rigward tal-proġett tat-Triq tas-Salina u r-residenti t’hemmhekk, jista’ l-Ministru jgħid jekk hux lest jikkonsidra dħul għal din il-hamlet minn triq li hi diġa’ eżistenti, u ċjoè min-naħa tal-lukanda Coastline? Jekk din l-alternattiva diġà ttieħdet in kunsiderazzjoni, u l-konklużjoni kienet illi mhix waħda opportuna, jista’ jgħid għaliex?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant biex jirreferi għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 12721.

Proġett tat-Triq tas-Salini – triq il-katakombi – environment impact assessment

Question

Fir-rigward tal-proġett tat-Triq tas-Salina illi qed isir xogħol fuqu bħalissa, jista’ l-Ministru jgħid jekk sarx environment impact assessment fuq Triq il-Katakombi, u dan minħabba fdalijiet ta’ natura storika illi hemm fil-lokalità? Jekk iva, jista’ jpoġġi kopja tiegħu fuq il-Mejda tal-Kamra? Jekk le, jista’ jgħid jekk sarux xi rapporti oħra illi jsemmu Triq il-Katakombi?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-permess tal-MEPA ta’ Triq il-Katakombi, li rriżulta minn ‘reserved matter’ fil-permess ta’ Triq il-Kosta (PA3758/09) għadu qiegħed jiġi evalwat mill-MEPA. Bħalissa Transport Malta qiegħda tipprepara d-dokumenti neċessarji rikjesti mill-MEPA bħala parti mill-proċess ta’ screening għal dan il-permess.

Proġett tat-Triq tas-Salina – Triq il-katakombi — Studju

Question

In vista tal-proġett tat-Triq tas-Salina illi qed isir xogħol fuqu bħalissa, jista’ l-Ministru jgħid jekk hux konxju ta’ studju illi jgħid li l-kappella li hemm fi Triq il-Katakombi ma tiflaħx għall-passaġġ ta’ ħafna karozzi?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħala parti mid-dokumenti rikjesti mill-MEPA għall-permess ta’ Triq il-Katakombi, Transport Malta ikkummissjonat ‘Restoration Method Statement’ għall-Kappella tal-Lunzjata, liema dokument ser jiġi ppreżentat lill-MEPA.

Proġett tat-Triq tas-Salina – aċċess għat-trasport pubbliku

Question

Fir-rigward tal-proġett tat-Triq tas-Salina illi qed isir xogħol fuqu bħalissa, jista’ l-Ministru jgħid minn fejn se jkun l-aċċess għat-trasport pubbliku meta jitlesta l-proġett, speċjalment minn perspettiva ta’ aċċessibilità għat-tfal u għal persuni b’diżabilità?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li meta jitlesta dan il-proġett, se jiġu inklużi numru ta’ bus shelters u bus stops u dawn ser ikunu lokalizzati f’postijiet biex jiġi assigurat servizz xieraq lill-pubbliku. Aċċessibilità hija prijorità assoluta u għalhekk dawn id-dettalji ġew maħsuba fil-proġett finali.

Vetturi b’number plate ta’ barra

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hawn vetturi fit-toroq Maltin b’number plate ta’ barra, fid-data illi fiha saret din il-mistoqsija parlamentari, u ċjoè s-7 ta’ Frar 2015)? Jista’ jagħti breakdown tagħhom pajjiż pajjiż? Jista’ jgħid x’tip ta’ checks isiru sabiex jassigura illi l-liċenzja tat-triq tagħhom hija waħda valida u anke illi l-VRT sarilhom skond il-liġi?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni li qegħda tiġi mitluba ma tinġabarx. Vetturi reġistrati f’pajjiż ieħor u li jkunu ġejjin minn barra minn Malta jistgħu jintużaw fit-triq mingħajr restrizzjonijiet jew limitazzjonijiet preskritti b’regolamenti, temporanjament għal perjodu, konsekuttiv jew mod ieħor, li ma jkunx jaqbeż seba’ xhur f’perjodu ta’ tnax-il xahar minn persuna li jkollha r-residenza normali tagħha barra minn Malta. Fil-każ ta’ residenti Maltin li jkollhom vettura b’number plate ta’ barra iridu jirreġistraw tali vettura fi żmien 30 ġurnata, u matul dan iż-żmien l-istess vettura ma tistax tinstaq fit-toroq. Fir-rigward ta’ road side checks, Transport Malta permezz tas-sezzjoni ta’ Infurzar tagħmel road side checks fuq numru ta’ vetturi bi pjanċi barranin li jkunu qegħdin jinstaqu f’Malta. Waqt dawn ic-checks jiġu vverifikati ċ-ċertifikat tar-Reġistrazzjoni kif ukoll l-polza tal-assikurazzjoni. Transport Malta hija mpenjata sabiex iżżid l-isforzi tagħha f’dan il-qasam, anki permezz ta’ kollaborazzjoni sħiħa mal-Pulizija.

Trasport pubbliku — –Vetturi mikrija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid b'kemm qed jinkrew 7 seaters, 14 seaters u 18 seaters illi ddaħħlu fuq ir-rotot tat-trasport pubbliku, u jagħti din l-informazzjoni applikabbli għad-data tas-7 ta’ Frar 2015, u ċjoè d-data ta’ meta ġiet sottomessa din il-mistoqsija parlamentari?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba hija kummerċjalment sensittiva u għaldaqstant ma jkunx xieraq li tingħata.