Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #16262 Sitting 299 2000-05-23 Oral · Final From: JOE CILIA To: Ministeru għat-Trasport u Komunikazzjoni

Tarxien — Triq Dun Karm Sant - Rampi

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari numru 16056 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Ambjent u li issa ġiet riferuta lilek u ċioe': Jista' jara li jsiru rampi fi Triq Dun Karm Sant biex it-traffiku ma jibqax jgħaddi bi speed qawwi għad-detriment tar-residenti?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li peress li x-xogħol kif mitlub l-Onor. Interpellant jikkunsidra l-bżonn tiegħu il-Kunsill Lokali, l-Onor. Interpellant hu mitlub jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Leg 9 PQ #16080 Sitting 298 2000-05-23 Oral · Final From: JOE CILIA To: Ministeru għat-Trasport u Komunikazzjoni

Taxis — Liċenzji

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm jeżistu bħalissa taxis liċenzjati? Kemm hemm pendenti applikazzjonijiet għal special licence għal sewwieqa tat-taxis u biex joħorġu taxis ġodda? Kemm ilhom pendenti dawn it-talbiet/applikazzjonijiet?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li sa l-aħħar ta` April 2000 kien hawn 245 taxi liċenzjati inklużi dak t`Għawdex. Sabiex persuna tkun tista` issuq taxi trid ikollha liċenzja tas-sewqan taħt Kategorija B1. Billi din il-Kategorija tinkludi wkoll sewwieqa ta` vetturi `garage hire`, id-Dipartiment tal-Liċenzji u t-Testijiet mhux f`pożizzjoni li jgħid kemm mill-applikazzjonijiet pendenti f`din il-kategorija huma biex isuqu taxi.

Ħal Safi — Triq in-Nassaba - Tarmac

Question

Jista' l-Ministru jara li Triq in-Nassaba f'Ħal Safi tiġi mogħtija wiċċ ġdid?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li l-parti tat-triq in-Nassab li għadha mhux asfaltata għadu qiegħed isir l-iżvilupp fiha.

Mqabba — Triq San Mikiel - Mera

Question

Jista' l-Ministru jara li ssir mera faċċata ta' sqaq fi Triq San Mikiel, l-Imqabba u dan sabiex tiġi evitata xi traġedja l-aktar meta tqis li t-tfal li joħorġu minn dan l-isqaq mill-ewwel jispiċċaw fi triq prinċipali?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li normalment il-mirja jintużaw fejn ikun hemm bżonn li jiġu nnotati vetturi ħerġin minn xi triq u mhux persuni, peress li dawn ħafna drabi ma jinqabdux fil-mera, jew ma jkunux distinguiti fiha. Id-Dipartiment tat-Toroq għalhekk ser jikkonsulta mal-Kunsill biex wieħed jara x`jista jsir.

Mqabba — Triq San Mikiel - Lettor box

Question

Jista' l-Ministru jara jekk hux possibbli li ssir letter box fi Triq San Mikiel, l-Imqabba u dan għal benefiċċju ta' ħafna anjani li mhux possibbli li jimxu sa ħdejn l-għassa tal-pulizija?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li fl-Imqabba n-numru ta` kaxxi ta` l-ittri hu iktar minn dak rakkomandat mill-Unjoni Postali Universali skond in-numru ta` residenti. Madankollu d-direzzjoni ta` Maltapost dejjem lesta tikkunsidra rakkomandazzjoni tal-Kunsill Lokali biex xi waħda mill-kaxxi eżistenti titqiegħed iktar viċin il-lokalita` msemmija, b`mod li r-residenti ta` din il-lokalita` jinqdew aħjar.

Mosta — Off Mosta Ring Road - Pjanti

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-pjanta tat- triq li trid issir "Off Mosta Ring Road, Mosta" skond is-sejħa għall-offerti CT 168/2000? x'inhu stmat il-valur tax-xogħlijiet proposti?

Response (GALEA, ĊENSU)

Qed impoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-pjanta li turi r-rotta tat-triq kif mitlub mill-Onor. Interpellant. Peress li l-prassi li jiġu ppublikati l-istejjem mas-sejħa għall-offerti ilha li nqatgħet, wieħed mhux tal-parir li jippubblika l-istima f`dan l-istadju.

Offerta CT170/2000 — Pjanti

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-pjanta tat-triq li trid issir mir-roundabout tal-Qlejja sa Triq Rabat u mill-Mount Carmel Hospital Junction sas-Saqqajja skond is-sejħa għall-offerti CT 170/2000? X'inhu stmat il-valur tax-xogħlijiet proposti?

Response (GALEA, ĊENSU)

Qed impoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-pjanta li turi r-rotta tat-triq kif mitlub mill-Onor. Interpellant. Peress li l-prassi li jiġu ppublikati l-istejjem mas-sejħa għall-offerti ilha li nqattgħet wieħed mhux tal-parir li jippubblika l-istima f`dan l-istadju.
Leg 9 PQ #16064 Sitting 297 2000-05-22 Oral · Final From: JOE CILIA To: Ministeru għat-Trasport u Komunikazzjoni

Tarxien — Triq Dun Karm Sant - Kaxxa Postali

Question

Jista' l-Ministru jara hux possibbli li titwaħħal kaxxa postali fl-inħawi ta' Triq Dun Karm Sant, Tarxien, li żviluppa kollu residenzi f'dawn l-aħħar snin?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li n-numru ta` kaxxi ta` l-ittri eżistenti f`Ħal Tarxien huwa ogħla minn dak rakkomandat mill-Unjoni Postali Universali, jiġifieri kaxxa ta` l-ittri għal kull tlett elef resident. Madanakollu, Maltapost dejjem lesta tikkunsidra rakkomandazzjoni tal-Kunsill Lokali għal ċaqlieq ta` waħda mill-kaxxi eżistenti b`mod li r-residenti tal-lokalita` msemmija jinqdew.
Leg 9 PQ #16066 Sitting 297 2000-05-22 Oral · Final From: JOE CILIA To: Ministeru għat-Trasport u Komunikazzjoni

Ħal Tarxien — Bus Terminus

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk huwiex possibli li titwaqqaf terminus tal-karozzi tal-linja f'Ħal Tarxien, preferibbilment fl-inħawi ta' Bulebel, u li jibdew jgħaddu karozzi tal-linja mill-inħawi ta' Ħal Tarxien li tmiss mal-Fgura, per eżempju, Triq Dun Karm Sant u Triq Ta' Sardinja?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li ma jidhirx li hemm ħsieb li jsir terminus fil-lokalita` imsemmijja, iżda ta` min isemmi li din il-lokalita` hija moqdija bir-rotta 29 li taħdem fuq skeda regolari.

Trasport Pubbliku — Tariffi

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi t-tariffa tal-karozzi tal-linja mir-Rabat, Għawdex sal-vapur? Din it-tariffa tvarja skond il-ħinijiet tal-ġurnata?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li wara ftehim li ġie ffirmat dan l`aħħar, b`effett mis-6 ta` April 2000, in-nollijiet huma kif ġej: (i) 10 ċenteżmi fil-ġranet kollha tal-ġimgħa minbarra l-Ħdud u l-festi pubbliċi għall-passiġġieri kollha li jużaw it-trasport pubbliku bejn il-5:30 u t-8:00 ta` filgħodu, u wkoll għall-ħaddiema tal-Qasam Industrijali tax-Xewkija bejn it-3:45 u l-4:15 ta` wara nofs in-nhar, (ii) 10 ċenteżmi għar-residenti ta` Għawdex li jaħdmu jew jistudjaw Malta u li jkunu jipposedu ċertifikat li jikkonferma dan l-istat, u liema ċertifikat ikun maħruġ mill-Ministeru għal Għawdex għal vjaġġi bejn l-Imġarr u Victoria bejn l-4:00 ta` wara nofs in-nhar u s-6:00 ta` filgħaxija fix-xitwa, u bejn is-2:00 u l-4:00 ta` wara nofs in-nhar, (iii) noll fiss ta` 15-il ċenteżmu għall-vjaġġi l-oħra kollha nklużi l-vjaġġi tal-Ħdud u l-festi pubbliċi.

Lija — Konġestjonijiet

Question

Peress li qed ikun hemm konġestjonijiet tat-traffiku spissi ħdejn ir-roundabout ta' Ħal Lija (ħdejn il-Bathroom Centre), jista' l-Ministru jgħid meta din se titneħħa u, kif ġie mwiegħed kemm-il darba, jitwaħħlu traffic lights biex tittaffa din il-problema?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li d-Dipartiment tat-Toroq mistenni li joħroġ sejħa għall-offerti biex it-triq minn B`kara Bypass sat-'Technopark' tkun irranġata u x-xogħol ser jinkludi wkoll it-titjieb ta` dan il-`junction`, għalkemm ma nafx li dan ix-xogħol ġie mwiegħed kemm-il darba.

Żurrieq — Vjal ix-Xarolla - Twessigħ

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhu l-intopp li qiegħed iżomm milli titwessa' Vjal ix-Xarolla, fiż-Żurrieq? Jaf il-Ministru li din saret arterja prinċipali pero' l-wiesa' tagħha huwa ta' service road?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li ma jidhirx li hemm xi ntopp partikolari biex din it-triq tinfetaħ aktar milli ġa nfetħet mill-privat meta sar l-iżvilupp. S`intendi l-art għat-twessiegħ tkun trid tittieħed mill-Gvern biex il-proġett ikun jista` jitwettaq.
Leg 9 PQ #16184 Sitting 297 2000-05-22 Oral · Final From: RITA LAW To: Ministeru għat-Trasport u Komunikazzjoni

Wied il-Għajn — Triq l-Aħdar - asfalt

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk it-Triq l-Aħdar f'Wied il-Għajn, hijiex se tkun fil-lista ma' dawk biex isirilha l-asfalt? Jista' l-Ministru jgħid meta hemm il-ħsieb għal dan ix-xogħol peress li l-bini f'din it-triq inbena kollu?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li t-toroq għadhom qed jiġu ffurmati mill-iżviluppaturi privati u għad iridu jitqiegħdu l-`mains` ta` l-ilma barra li għad hemm aktar x`jiżviluppa. Għalhekk it-triq ma tistax tiġi asfaltata għalissa.

Wireless Telegraphy — Mobile masts

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm applikazzjonijiet quddiem il-wireless telegraphy għal installazzjoni ta' mobile masts? Jista' jgħid skond l-applikazzjonijiet f'liema lokalitajiet hemm il-ħsieb li dawn il-mobile masts jitwaħħlu u minn min huma sottomessi dawn l-applikazzjonijiet?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li n-numru ta` applikazzjonijiet quddiem il-Wireless Telegraphy għall-istallazzjoni ta` `mobile masts` hu ta` 45. Dawn ġew kollha sottomessi mill-Mobisle Communications Limited. Skond dawn l-applikazzjonijiet il-lokalitajiet fejn ser jitwaħħlu dawn il-`mobile masts` huma: Birkirkara, Luqa, Gżira, Sliema , Swieqi, Sta. Venera, Qormi, Tarxien, G`Mangia, Kalkara, San Pawl il-Baħar, Pembroke, Paola, Mġarr (Malta), Ħamrun, Lija, Mosta, Żabbar, Msida, Fgura, Attard, Marsascala, Sliema, Senglea, Marsa, Rabat (Malta), Żejtun, Gudja, Siġġiewi, Żurrieq u Marsaxlokk.

Kappara — Traffic lights

Question

B'riferenza għar-roundabout li hemm il-Kappara, u li biswiet din ir-roundabout hemm Sliema Road, Gżira (fejn qabel kien magħruf bħala "ħdejn it-tank tal-gass") jista' l-Ministru jgħid jekk sarx studju qabel twaħħlu dawn it-traffic lights? Waslulu lmenti lit-Traffic Control Board kemm ilhom li twaħħlu dawn il-lights li sar ikun hemm aktar traffic jam u konfużjoni fl-inħawi? Possibbli t-Traffic Control Board jerġa' jistudja s-sitwazzjoni preżenti u jara jistax jissuġġerixxi soluzzjonijiet differenti biex ma jibqax ikun hemm id-diżordni li qed ikun hemm ma' din ir-roundabout?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li t-`traffic lights' tal-Kappara twaħħlu wara li ġew ikkunsidrati diversi alternattivi għall-immaniġjar tat-traffiku f'din il-'junction'. Għall-bidu li twaħħlu il-'lights' kien hemm diversi rejazzjonijiet kemm posittivi u mhux tant posittivi peress li bihom it-traffiku kellu jsegwi ċerta ordni. Id-Dipartiment tat-Toroq u t-'Traffic Control Board' bi ħsiebhom jibdew programm ta' 'monitoring' tal-'junctions' kollha, li s'issa għadu qatt ma sar bħalu, sabiex fejn il-'junction controllers' ikollhom bżonn 'adjustments' minħabba tibdil fil-volum tat-'traffic flows' dan l-'adjustment' ikun jista' jsir skond il-bżonn. Il-Bord għall-Kontrol tat-Traffiku ma kellu ebda lment dwar dawn il-'lights'.

Floriana — Triq Sant'Anna

Question

Peress li Triq Sant'Anna hi lok fejn isiru ħafna inċidenti tat-traffiku, jista' jsir barrier int u ħiereġ mill-Belt, fil-parti 'l hinn mill-Awtorita' ta' l-Ippjanar sa Portes des Bombes, bies jonqos il-periklu sew għas-sewwieqa kif ukoll għall-pedestrians li jkunu mexjin fuq il-bankina?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li d-Dipartiment tat-Toroq qiegħed jipprepara pjan biex it-triq fiż-żona msemmija tkun tista' tiġi 'regraded' sabiex jonqos il-possibilita' li l-karozzi jiskidjaw.

G'Mangia — St. Luke's Road - Trinka

Question

Jista' l-Ministru ġentilment jgħid x'inhi r-raġuni li trinka li tħaffret f'St.Luke's Road, G'Mangia, ftit 'il fuq mill-PBS u faċċata ta' l-istabbiliment ta' FINO, għadha s'issa mhux irranġata sew, minkejja li għaddew xhur? Billi f'din it-triq jgħaddi ammont kbir ta' traffiku, fost oħrajn ambulanzi u vetturi oħra lejn u minn St.Luke's Hospital, jaħsibx il-Ministru li din il-parti imħarbta għandha tiġi rranġata u tingħata prijorita'? Billi faċċata ta' dan il-gandott qed isir xogħol ta' kostruzzjoni u allura hemm biċċa mit-triq magħluqa u allura t-triq saret aktar dejqa fejn hemm dan il-gandott, jaħseb il-Ministru u d-Dipartiment tat-Toroq, li meta wieħed iqis l-importanza ta' din it-triq, għandu jsir kull sforz biex din it-triq tkun fi stat tajjeb u ma tikkawża ebda periklu għall-ambulanzi u traffiku li jagħmlu użu minnha lejl u nhar?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li x-xogħol indikat tlesta.

Marsaxlokk — Triq il-Port Ruman

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li tiġi rranġata Triq il-Port Ruman, f'Marsaxlokk li minkejja li fiha hemm għadd ta' residenti, it-triq għadha qatt ma saret u allura hi responsabbilta' tal-Gvern Ċentrali? Meta hemm il-ħsieb li ssir din it-triq u kemm se tiġi tiswa'?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li d-Dipartiment tat-toroq ħareġ sejħa għall-offerti biex it-triq tkun asfaltata u bħalissa dawn l-offerti qiegħdin fil-proċess ta` għażla u adġudikazzjoni.

Vetturi — Liċenzji

Question

Jista' l-Ministru jgħid mill-1987 sa l-1996 kemm inġabru flus mil-liċenzji tal-karozzi (tal-windscreen) u inġenji oħra li jinsaqu fit-triq li titħallas kull sena mis-sidien tal-vetturi, sena sena?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li l-flus li nġabru mill-ħlas tal-liċenzji tal-karozzi (windscreen) huma kif ġej: 1995 - Lm4,878,928 1996 - Lm5,418,031 Jien infurmat ukoll li dwar is-snin ta` qabel, dawn il-liċenzji kienu jitħallsu għand il-pulizija.

Liċenzji tas-sewqan

Question

Jista' l-Ministru jgħid mill-1987 sa l-1996 kemm inġabru flus mil-liċenzji tas-sewqan, sena sena?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li l-flus li nġabru mill-ħlas tal-liċenzji tas-sewqan huma kif ġej: 1995 - Lm280,735 1996 - Lm127,748 Dwar is-snin ta` qabel, dawn il-liċenzji kienu jitħallsu għand il-pulizija.