Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #18365 Sitting 366 2000-09-19 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Maltacom — Impjegati

Question

B'referenza għall-mistoqsijiet parlamentari numru 17848 u 18054, jista' l-Ministru japprezza l-ħidma li taw dawn il-ħaddiema u eventwalment jingħataw xi tip ta' inċentiv?

Response (BONNICI, JOSEF)

F'dan l-istadju m'għandi xejn xi nżid mat-tweġibiet li tajt għall-mistoqsijiet li għalihom qed issir riferenza.
Leg 9 PQ #18944 Sitting 366 2000-09-19 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Economic Planning Division

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'għajnuna barranija u/jew lokali professjonali kisbet dan l-aħħar l-economic planning division? Minn min ingħatat din l-għajnuna? X'ħallas għaliha l-Gvern Malti? Kif saret l-għażla tal-konsulenti/istituzzjonijiet ikkonċernati?

Response (BONNICI, JOSEF)

Matul is-snin ġew imnedija diversi inizjattivi sabiex id-Diviżjoni ta' l-Ippjanar Ekonomiku tissaħħaħ u b'hekk il-Gvern ikollu l-għodda teknika meħtieġa fil-qasam ta' l-ekonomija. Dan l-aħħar, qasam li ingħata prijorita' partikulari, kien dak tal-Macroeconometric Modelling fejn għal numru ta' snin ilha tinħass il-ħtieġa ta' tisħiħ. Peress li dan huwa qasam speċjalizzat ħafna, inħass il-bżonn ta' l-assistenza minn barra l-pajjiż. Wara konsultazzjonijiet ma' l-Universita' ta' Malta, ġie deċiż li tinkiseb għajnuna professjonali minn Cambridge Econometrics tar-Renju Unit li għandhom esperjenza f'din il-linja. Dawn tħallsu "fees" professjonali li jammontaw għal 26,500 GBP. Dan l-eżerċizzju ser iwassal biex il-Gvern ikollu mudell ekonometriku li jkun jista' jintuża fit-tfassil tal-politika ekonomika tal-pajjiż.
Leg 9 PQ #18340 Sitting 365 2000-09-19 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Kalaxlokk — Bord tad-Diretturi

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'kienu t-tentattivi ta' xogħol ġdid li saru mill-managment u l-bord tad-diretturi tal-Kalaxlokk mill-5 ta' Settembru, 1998 'il hawn? Bl-istess mod, jista' l-Ministru jgħid ukoll x'kienu t-tentattivi tal-gvern f'dan is-sens?

Response (BONNICI, JOSEF)

Ninsab infurmat li mill-5 ta' Settembru 1998 'l hawn, il-Kumpanija tefgħet mhux anqas minn erbgħin offerta biex tikseb ix-xogħol għall-ħaddiema tagħha. Minbarra dan saru tentattivi oħra biex jinġieb xogħol bi sħab ma' kuntratturi privati, fejn il-Kumpanija kellha tipprovdi l-ħaddiema.
Leg 9 PQ #18341 Sitting 365 2000-09-19 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Kalaxlokk — Team maniġerali

Question

Jista' l-Ministru jgħid min huma l-persuni li jifformaw it-team maniġerali tal-Kalaxlokk? Jista' l-Ministru jgħid x'kondizzjonijiet u salarju għandhom?

Response (BONNICI, JOSEF)

Fil-preżent it-team maniġerjali tal-Kumpanija huwa ffurmat minn dawn il-persuni: Is-Sur Fortunato Said (Projects Manager), is-Sur Edwin Mamo (Administration Manager), ss-Sur Alfred Zammit (Personnel Manager), u s-Sur Carmelo Borg (Works Manager) Peress li t-tieni parti tal-mistoqsija hija ta' natura kummerċjali, ma narax għaliex din għandha tingħata.
Leg 9 PQ #18342 Sitting 365 2000-09-19 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Kalaxlokk — Bord tad-Diretturi

Question

Jista' l-Ministru jgħid min huma l-persuni li jifformaw il-Bord tad-Diretturi tal-Kalaxlokk? Jista' l-Ministru jgħid x'kondizzjonijiet u salarju/rimunerazzjoni għandhom?

Response (BONNICI, JOSEF)

Il-Bord tad-Diretturi tal-Kumpanija huwa ffurmat minn dawn is-persuni: Is-Sur Harold Walls bħala Chairman u s-Sinjuri Mario Mizzi, Saviour Ellul u Michael Gonzi bħala Diretturi. Jiena nfurmat li ħadd minn dawn is-Sinjuri ma jirċievi xi ħlas għas-servizzi tiegħu fuq il-Bord td-Diretturi tal-Kumpanija.
Leg 9 PQ #18788 Sitting 365 2000-09-19 Oral · Final From: CHARLES BUHAGIAR To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

WSC — Servizz ġdid ta' l-ilma

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li dawk il-persuni li daħħlu s-servizz ta' l-ilma mingħajr ħlas matul l-amministrazzjoni preċedenti issa qegħdin jirċievu kont ta' Lm70.00 għal dan ix-xogħol li kien sar ħafna xhur u snin ilu?

Response (BONNICI, JOSEF)

It-talba biex isir il-ħlas imsemmi qed issir skond kif provdut fl-Avviż Legali numru 58 ta' l-1999.
Leg 9 PQ #18873 Sitting 365 2000-09-19 Oral · Final From: CHARLES BUHAGIAR To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Siġġiewi — Bozza

Question

Jista' l-Ministru jgħid f'liema stadju waslet it-talba għal twaħħil ta' bozza pubblika fis-Siġġiewi (1300/36/2/67)?

Response (BONNICI, JOSEF)

Il-file imsemmi fil-mistoqsija jirreferi għall-Mellieħa u mhux għas-Siġġiewi. Għaldaqstant biex issir l-investigazzjoni neċessarja, hemm bżonn ta' aktar informazzjoni.
Leg 9 PQ #18908 Sitting 365 2000-09-19 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Air Malta — Diretturi

Question

Jista' l-Ministru jagħti l-lista tad-diretturi tal-kumpanniji kollha sussidjarji ta' l-Air Malta? Meta inħatru l-ewwel darba u meta ġie mġedded (jekk hu l-każ) l-appointment tagħhom?

Response (BONNICI, JOSEF)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Leg 9 PQ #18939 Sitting 365 2000-09-19 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

State Aid Monitoring Board

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta kellu jitwaqqaf l-istate aid monitoring board? Meta fil-fatt ser jitwaqqaf u x'ser tkun il-ħidma prospettiva tiegħu?

Response (BONNICI, JOSEF)

L-Istate Aid Monitoring Board twaqqaf b'effett mit-3ċ ta' Ġunju, 2000. It-"terms of reference" ta' dan il-Bord huma elenkati fiċ-Ċirkulari numru 26 ta' din is-sena maħruġa mis-Segretarju Permanenti fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru, u li kopja tagħha qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 9 PQ #18940 Sitting 365 2000-09-19 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Uffiċċju tal-Kompetizzjoni Ġusta

Question

Billi l-liġi tal-kompetizzjoni hija fuq l-agenda futura tal-Parlament, jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' l-operations review li saret ta' l-uffiċċju għal-kompetizzjoni ġusta?

Response (BONNICI, JOSEF)

Xhur ilu l-Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi nieda eżerċizzju, taħt l-għamla ta' operations review, maħsuba sabiex titfassal struttura ġdida għall-ministeru b'mod li dan ikun f'qagħda aħjar li jkopri b'mod effettiv il-funzjonijiet diversi, li għalihom huwa responsabbli. Dan l-eżerċizzju għandu jitqies bħala proċess, li fil-fatt għadu għaddej anki fil-preżent hekk kif qed tiġi implimentata struttura ġdida għall-Ministeru Għas-Servizzi Ekonomiċi.
Leg 9 PQ #18460 Sitting 364 2000-09-18 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi — PROs

Question

Jista' l-Ministru jinformani minn kien jew kienu l-PROs tal-ministru mill-5 ta' Settembru, 1998 'il hawn? X'rinumerazzjoni kellu jew kellhom? X'benefiċċji u kondizzjonijiet addizjonali ntawlhom?

Response (BONNICI, JOSEF)

Fis-Segretarjat Privat ta' Ministru d-dmirijiet marbuta ma' Public Relations jitwettqu mill-Communications Co-ordinator. Ir-remunerazzjoni u kundizzjonijiet marbuta mal-post huma regolati mid-Dokument "Engagement of Staff for Private Secretariats" li tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra f'Seduta numru 124 tas-16 ta' Ġunju, 1999. Fil-Ministeru tiegħi minn Settembru 1998 'il hawn, ebda persuna ma okkupat il-post ta' Communications Co-ordinator.
Leg 9 PQ #18757 Sitting 364 2000-09-18 Oral · Final From: CHARLES BUHAGIAR To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Ta' Kandja — Impjant tal-galleries

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk l-impjant tal-galleries f'Ta' Kandja hux imqabbad mas-sistema tad-drenaġġ? Jekk fin-negattiv, dan l-impjant imqabbad ma' fossa? Jekk hux hekk, kemm-il darba tbattlet din il-fossa f'dawn l-aħħar 12-il xahar?

Response (BONNICI, JOSEF)

Ninsab infurmat li l-impjant ta' Ta' Kandja mhuwiex imqabbad mas-sistema tad-drenaġġ iżda ma' fossa li f'dawn l-aħħar tnax-il xahar tbattlet erba' darbiet.
Leg 9 PQ #18812 Sitting 364 2000-09-18 Oral · Final From: HELENA DALLI To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Ekonomija — Impjegati taċ-Ċivil

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm impjegati taċ-Ċivil li jaħdmu f'dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu li qed jaħdmu sigħat imnaqqsa? Jista' jaqsam l-informazzjoni skond l-etajiet u skond l-impjegati humiex irġiel jew nisa?

Response (BONNICI, JOSEF)

Jiena nfurmat li fid-dipartimenti li jiffurmaw parti mid-dekasteru tiegħi, bħalissa hemm ħames nisa li qed jaħdmu sigħat imnaqqsa. Hemm mara li għandha 28 sena, waħda għandha 31 sena, oħra għandha 33 sena u tnejn għandhom 35 sena.
Leg 9 PQ #18871 Sitting 364 2000-09-18 Oral · Final From: SILVIO PARNIS To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

WSC — Kuntratturi

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 17941, l-informazzjoni hija valida ħafna għaliha fid-dawl tal-fatt li ta' kuljum qiegħed ikolli ħafna lmenti mil-lokalitajiet kollha ta' Malta f'dan ir-rigward, jista' l-Ministru jirrispondini, anke peress li l-istess informazzjoni tista' tkun utli għall-Kamra kollha?

Response (BONNICI, JOSEF)

Tajjeb jingħad li l-informazzjoni mitluba tikkomprendi numru ta' dettalji li biex jinġabru jinħtieġ iż-żmien. Peress li tali informazzjoni għadha qed tinġabar, it-tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Leg 9 PQ #18927 Sitting 364 2000-09-18 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Economic Planning Division — Staff members

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'taħriġ ingħataw minn Settembru 1998 staff members tal-Economic Planning Division barra l-pajjiż?

Response (BONNICI, JOSEF)

Tajjeb jingħad li saru bosta sforzi biex jiżdiedu u jissaħħu r-riżorsi umani fid-Diviżjoni ta' l-Ippjanar Ekonomiku. Għal dan il-għan, minn Settembru 1998 'l hawn, id-Diviżjoni kompliet bil-programm ta' taħriġ f'diversi oqsma speċjalizzati barra l-pajjiż. Ta' min isemmi li sar taħriġ għall-Masters Degrees fl-Ekonometrika fl-Universita' ta' Londra u fl-Istudji Ewropej fl-Universita' ta' Sussex. Uffiċjali oħra segwew programmi fil-Macroeconomic Management and Policies ta' l-Istitut tal-Fond Monetarju Internazzjonali u dwar Econometrics and Forecasting Techniques and Debt Management Strategies li kienu mnedija mill-Universita' ta' Cambridge u minn Crown Agents rispettivament. Id-Diviżjoni ipparteċipat ukoll fil-programm dwar European Union Negotiations li kien offrut mis-Civil Service College Ingliż. Barra minn dan, kien hemm ukoll parteċipazzjoni f'konferenzi internazzjonali li kienu jittrattaw diversi temi speċjalizzati, fosthom it-turiżmu, economic forecasting u l-informal economy.
Leg 9 PQ #18928 Sitting 364 2000-09-18 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

International Economic Relations Directorate

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma li ser jitwaqqaf international economic relations directorate fil-Ministeru? Kif se jkun kostitwit? X'se jkun ix-xogħol ewlieni tiegħu?

Response (BONNICI, JOSEF)

Bosta xhur ilu il-Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi nieda eżerċizzju, taħt l-għamla ta' operations review, maħsub sabiex titfassal struttura ġdida għall-ministeru b'mod li dan ikun f'qagħda aħjar li jkopri b'mod effettiv il-funzjonijiet diversi li għalihom huwa responsabbli. Dan l-eżerċizzju qiegħed jipproponi li tissaħħaħ id-'Diviżjoni ta' l-Ippjanar Ekonomiku' (Economic Planning Division) li ser jinbidlilha isimha u ser isir magħruf bħala id-'Diviżjoni tal-Politika Ekonomika' (Economic Policy Division). Din ser tinkludi numru ta' diretturi. Wieħed minn dawn id-Diretturi ser ikun iffukat speċifikament fuq 'Relazzjonijiet Ekonomiċi Internazzjonali'. Ir-rwol ta' dan id-direttur ser ikun prinċipalment wieħed ta' analiżi ta' temi ekonomiċi internazzjonali kif ukoll ta' kordinazzjoni, dejjem fuq materji ekonomiċi internazzjonali, f'dak li għandu x'jaqsam kemm ma' l-Unjoni Ewropeja kif ukoll ma l-Organizazzjoni Dinjija għall-Kummerċ (WTO).
Leg 9 PQ #18932 Sitting 364 2000-09-18 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Market Surveillance Directorate

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma l-pjani tal-gvern dwar it-twaqqif ta' market surveillance directorate? Kif ser ikun kompost u x'ser tkun il-funzjoni primarja tiegħu?

Response (BONNICI, JOSEF)

Bosta xhur ilu il-Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi nieda eżerċizzju, taħt l-għamla ta' operations review, maħsub sabiex titfassal struttura ġdida għall-ministeru b'mod li dan ikun f'qagħda aħjar li jkopri b'mod effettiv il-funzjonijiet diversi, li għalihom huwa responsabbli. Għan ewlieni ta' dan l-eżerċizzju huwa l-identifikazzjoni ta' strutturi u mekkaniżmi ġodda maħsuba sabiex titwettaq sorveljanza adegwata tal-kwalita' ta' prodotti u servizzi fuq is-suq, għall-benefiċċju tal-konsumatur Malti. In-nomenklatura moderna għal din il-funzjoni hija ta' market surveillance (sorveljanza tas-suq). Huwa maħsub li din il-funzjoni (ta' market surveillance) tinqasam fi tnejn: 1. L-aspett regolatorju għandu jiġi kopert minn direttur fi ħdan id-Diviżjoni tal-Politika Ekonomika (li ser tieħu post id-Diviżjoni ta' l-Ippjanar Ekonomiku) li għandu jingħata inkarigu speċifiku sabiex jikkordina din il-funzjoni. 2. L-aspett operattiv, bħal m ajistgħu ikunu spezjonijiet, ġbir ta' kampjuni, investigazzjonijiet ta' ilmenti, eċċ., għandu jiġi kopert mid-Diviżjoni tal-Konsumatur u tal-Kompetizzjoni. Din id-Diviżjoni (tal-Konsumatur u tal-Kompetizzjoni) qed tamalgama flimkien żewġ direttorati li jeżistu bħalissa, dak ta' l-Affarijiet tal-Konsumatur u dak tal-Kompetizzjoni Ġusta. Dan qed isir sabiex tinħoloq struttura iktar b'saħħitha u li jkollha r-riżorsi meħtieġa sabiex timplimenta programmi li jwasslu għal sorveljanza effettiva tas-suq.
Leg 9 PQ #190 Sitting 363 2000-09-18 Written · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Enemalta — Impjegati

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 12149, jista' l-Ministru għallinqas jgħid kemm minn dawk downgraded għadhom illum b'dan il-grad aktar baxx?

Response (BONNICI, JOSEF)

Jiena nfurmat li mis-seba' impjegati li kienu ġew "downgraded", sa llum erbgħa għadhom fi grad aktar baxx. In-numru naqas peress li tnejn minnhom kellhom l-impjieg tagħhom itterminat fuq parir tal-Bord Mediku, waqt li ieħor kien ingħata ħatra fil-grad ta' Storeman.
Leg 9 PQ #196 Sitting 363 2000-09-18 Written · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Enemalta — Impjegati

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm applikaw ħaddiema għal vakanza tal-Korporazzjoni Enemalta, Ċirkulari Numru 24/98, Post of Works Overseer, tas-7 ta' Mejju, 1998? Posssibbli l-Ministru jgħid kif saret l-għażla għall-post, min intgħażel, fuq liema kriterji, meta ġie appuntat, u x'kariga ngħata?

Response (BONNICI, JOSEF)

Jiena nfurmat li wara l-ħruġ taċ-Ċirkulari numru 24 ta l-1998 datata 7 ta' Mejju, 1998, kien hemm 54 applikazzjoni għall-post ta' Works Overseer. Minn dawn l-applikanti, kien hemm 12 mhux eliġibbli, 10 irtiraw l-applikazzjoni tagħhom u 4 naqsu milli jattendu għall-eżami. L-għażla saret permezz ta' eżami bil-miktub li kien jikkonsisti f'kitba ta' rapport bl-Ingliż u bil-Malti u karta dwar il-matematika. Dawk l-applikanti li kisbu suċċess f'dan l-eżami kellhom joqghodu wkoll għal intervista. Il-kandidat li ġie l-ewwel fl-ordni tal-mertu, li ma narax raġuni għaliex ismu għandu jiġi mxandar, ingħata l-ħatra ta' Works Overseer b'seħħ mill-4 ta' Settembru 1998.