Legislature:
Category:
Reset
Active:

Sussidji tal-biedja

Question

Jista' il-Ministru jinformani fuq liema bażi bdiewa u kumpanniji li marru kontra l-proċeduri dikjarati mill-gvern fir-rigward tas-sussidji tal-biedja tħallsu xorta waħda għas-sussidju tagħhom?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li tajt għal-Mistoqsija Nru. 2362

Sussidju tal-bdiewa

Question

Jista' il-Minsitru jinformani x'poteri għandu s-segretarju permanenti tal-ministeru biex jinjora r-regolamenti dikjarati mill-gvern dwar is-sussidju tal-bdiewa?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Mill-informazzjoni li għandi, l-asserzjoni tal-Onor. Interpellant hija skorretta u bla bażi. Ma jirriżultalix li s-Segretarju Permanenti injora xi regolamenti dikjarati mill-Gvern dwar is-sussidju lill-bdiewa. Jien infurmat li s-Segretarju Permanenti anzi dejjem insista li r-regoli jiġu applikati għal kulħadd bla distinzjoni.

Settur tal-biedja — Ristrutturazzjoni

Question

B'riferenza għat-Lm8 miljun li tħallsu għar-ristrutturazzjoni tas-settur tal-biedja, jista' il-Ministru jinformani kemm minn dawn il-flus intnefqu għar-ristrutturar u kemm biex jorħsu l-prezzijiet tal-konsumaturi?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Jista’ l-Onor. Interpellant igħid minn fejn ġab din iċ-ċifra ta’ Lm8 miljun?

Produtturi tal-biedja — Organizzazzjonijiet

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta' organizzazzjonijiet tal-produtturi li ġew imwaqqfa? Kemm xtraw prodotti, x'varjeta' u xi prezzijiet ħallsu lill-bdiewa?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninfurma lill-Onor. Interpellant li qegħdin fi proċess avvanzat biex titlesta l-liġi li biha ser jiġu rrikonoxxuti l-għaqdiet ta’ produtturi.

Produtturi tal-biedja — Twaqqif ta' organizzazzjonijiet

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta' applikazzjonijiet għat-twaqqif ta' l-organizzazzjonijiet tal-produtturi li rċieva d-dipartiment tal-biedja sal-lum? Kemm ġew approvati u kemm għadhom pendenti?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Nru. 2367.

Wied tal-Ħemsija — Tindif

Question

Jista' il-Ministru jara li ssir spezzjoni fil-Wied tal-Ħemsija bejn ir-Rabat, l-Imtarfa u Ħ'Attard, mid-dipartiment tal-biedja ħalli wara jiġi rrapportat lill-awtoritajiet kompetenti sabiex jitnaddaf dan il-wied? Billi fil-preżent il-ħmieġ li jinsab fil-wied in kwestjoni qed jikkawża problemi lill-bdiewa fl-inħawi, jista' jara li l-każ jiġi trattat b'urġenza?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Saret spezzjoni minn uffiċjal tad-Dipartiment ta’ l_Agrikultura u jien infurmat li diġa sar xi xogħol ta’ tindif tal-wied fuq in-naħa tal-Infetti. Se jittieħdu passi neċessarji mal-Ministeru kkonċernat biex Wied Ħemsija jiġi inkluż max-xogħolijiet oħra ta’ tindif tal-widien.

Tadam — Ħlas ta' sussidju

Question

Jikkonferma l-Ministru jew jiċħad li tħallas sussidju ta' flus fuq 7,000 kilo tadam għall-iproċessar lill-bdiewa unknown?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Jien infurmat li kull sussidju tħallas wara li awdituri privati ċċertifikaw li l-bdiewa kienu rreġistrati u t-tadam li nxtara mill-proċessuri kien fil-fatt ipproċessat.

Tadam għall-iproċessar — Sussidju

Question

Jirriżultalu l-Ministru li bdiewa li ma mlewx il-formolarju neċessarju għas-sussidju tat-tadam għall-iproċessar tħallsu xorta waħda minkejja li nkisret din il-kondizzjoni?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li l-Ministeru tal-Biedja w Sajd kien qabbad awdituri privati biex jiċċekkjaw il-proċeduri kollha kkonċernati mal-ħlas ta' dan is-sussidju. Fejn il-Ministeru ma kienx sodisfatt dwar id-dokumentazzjoni, dawn l-awdituri intalbu speċifikament biex jiġbru l-informazzjoni kollha meħtieġa u biex jiċċertifikaw li din l-informazzjoni, li fuqha jinħadem is-sussidju, kienet korretta. Kien biss meta l-Ministeru kien sodisfatt dwar dan li l-ħlas tas-sussidju ġie approvat.

Ministeru għall-Affarijiet Rurali — Ħaddiema bil-kuntratt

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm ħaddiema bil-kuntratt mal-ministeru tiegħu li ma jagħmlux parti mis-segretarjat tal-ministeru jiġifieri fid-dipartimenti, korporazzjonijiet u aġenziji li jaqgħu taħt id-dikasteru tiegħu? X'inhu x-xogħol tagħhom u x'tip ta' kuntratti definiti għandhom? Kif ġew magħżula għall-postijiet li qegħdin jokkupaw bħalissa? Kemm minnhom għandhom 'il fuq mill-eta' ta' l-irtirar?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Hemm għaxar ħaddiema bil-kuntratt definit mal-Ministeru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent li ma jagħmlux parti mis-Segretarjat tal-Ministeru, Ħadd minn dawn m’ għandu ‘l-fuq mill-eta’ ta’ l-irtirar. Tlett ħaddiema ġew magħżula wara sejħa għall-applikazzjonijiet u l-oħrajn minħabba l-ispeċjalita’ u l-esperjenza personali tagħhom. Dawn il-ħaddiema jaħdmu fl-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti, fit-Taqsima tal-Konservazzjoni u l-Kontroll tas-Sajd u fit-Taqsima għall-Ikel u Attivita’ Veterinarja. Minn-naħa l-oħra, l-Awtorita ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) tħaddem 37 ruħ b' kuntratt definit li jista’ jiġi mġedded skond il-bżonnijiet ta’ l-Awtorita`. Dawn huma 21 Secretarial Assistants 9 Environment Protection Officers 1 Secretary 1 Conservation Architect 1 Unit Manager 1 Transport Planning Executive 1 Transport Consultant 1 Assistant Planning Officer 1 Sanitary Engineer Dawn ġew magħżula skond il-proċeduri ta' ingaġġ ta' ħaddiema kif regolati mill-liġi u proċeduri oħra għall-entitajiet pubbliċi. Minn dawn il-ħaddiema, 3 biss għandhom ‘il fuq mill-eta' ta' irtirar.

Ministeru għall-Affarijiet Rurali — Konsulenti/kumpanniji ta' konsulenza

Question

Jista' il-Ministru jagħti lista ta' konsulenti jew kumpanniji ta' konsulenza, lokali jew barranin, li l-ministeru tiegħu, inkluż il-korporazzjonijiet pubbliċi kollha li jaqgħu taħtu, għamel jew jagħmel użu minnhom mit-13 ta' April, 2003 sal-lum? Fiex kienu jikkonsistu s-servizzi li ngħataw f'kull każ u kemm kienu l-ħlasijiet? Jista' jgħid kemm għad baqa' ħlasijiet li jridu jsiru?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Mit-13 ta’ April 2003, sal-lum sar, jew qed isir użu minn konsulenti jew kumpanniji ta’ konsulenza kif jidher fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra.

Ministeru għall-Affarijiet Rurali — Spejjeż tas-safar

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 1812, jista' il-Ministru jagħti breakdown tan-nefqa tal-flights, akkomodazzjoni, allowances, eċċ?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Fil-każ tas-safar hemm rata stabbilita ta’ subsistence allowance li tkopri l-akkomodazzjoni, ikel, eċċ. Din ir-rata tvarja skond il-pajjiż u jekk l-uffiċjal ikunx intitolat għal class ‘A’ jew ‘B’ . Normalment, l-uffiċjali jingħataw subsistence allowance u allura ma tinżammx informazzjoni separata ta’ nfiq fuq akkomodazzjoni, ecc. Ta’ min jgħid li f’ numru ta’ każi, l-ispejjeż tas-safar ikunu ffinanzjati jew mgħejjuna mill-organizzazzjoni ta’ barra bħal ma hija t- Technical Assistance Information Exchange Office (TAIEX). Kien hemm okkażjonijiet fejn uffiċjali li skond l-entitlement setgħu vvjaġġaw club class għażlu li jsiefru economy biex l-ispiża tonqos. Xahar Allowance / Akkomodazzjoni LM Spiż a tal-Flights LM Jannar 512 1049 Frar 2492 2680 Marzu 2189 1094 April 4772 2765 Mejju 4630 4501 Ġunju 5345 4455 Lulju 3169 3629 Awwissu 1372 639 Settembru 5518 5601

Irziezet tal-ħut u tat-tonn

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm għandna b'kollox irziezet tal-ħut u tat-tonn fil-baħar tal-gżejjer tagħna? X'tip ta' ħut ikabbru/iżommu fihom f'kull każ? Kemm ilhojm jaħdmu? Minn kemm ilhom jaħdmu kemm issottomettew rapporti dwar l-impatt ambjentali tagħhom u xi kkonkludew dawn ir-rapporti?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nixtieq ninforma lill-Onor Interpellant li fl-ibħra Maltin jeżistu ħames liċenzji għall-attivita` tat-tkabbir tat-tonn. L-iktar waħda li ilha taħdem bdiet fis-sena 2000. Minn dawn waħda mill-kumpaniji għadha qatt ma ħadmet minkejja li kellha permess għall-dawn l-aħħar sentejn. L-ispeċi tat-tonn li titkabbar hija Thunnus thynnus. Jeżistu kumpaniji oħra li jrabbu speċi oħra ta' ħut iżda dawn m' għandhomx x' jaqsmu mal-kumpaniji tat-trobbija tat-tonn. Għandna sitt kumpanniji oħra li huma lliċenzjati biex irabbu l-ispnott u l-awrat. Minn dawn is-sitta, tnejn joperaw fuq l-art, iżda fil-preżent m’ humiex jaħdmu. Mill-erbgħa l-oħra li jinsabu fil-baħar, tnejn m’ humiex jipproduċu fil-preżent. Kumpanija minn dawn l-erbgħa li hija operattiva tipproduċi fuq tlett siti differenti. Dawn kollha ġew illiċenzjati fis snin bejn l-1990 u l-1995. Kull kumpanija għandha pjan ta' studju ambjentali li kien ġie miftiehem mal-Awtorita’ ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) u eżegwit minn tekniċi u esperti approvati. Il-frekwenza ta' dawn l-istudji u rapporti tvarja skond liema aspett, ilma jew qiegħ ikun studjat.

Ministeru ta' l-Affarijiet Rurali u l-Ambjent — Proposti - Kummisjoni Ewropea

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'inhuma l-proposti ewlenin li l-Ministeru bagħat lil-Kummisjoni Ewropea fit-3 ta' Ottubru 2003?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Jista’ l-Onor. Interpellant jirreferi għal liema proposti ewlenin qed jgħid li ntbagħtu lill-Kummissjoni Ewropeja fit-3 ta’ Ottobru 2003

Produtturi tat-tadam — Bdiewa li jissuplixxu t-tadam

Question

Tista' jekk jogħġbok għas-snin 1999, 2000, 2001, 2002 u 2003 (sax-xahar ta' Settembru) tagħti din l-informazzjoni fir-rigward tal-produtturi tat-tadam u tal-bdiewa u jissuplixxuhom bit tadam ta' Malta: i) Is-Sussidju mogħti mill-Gvern għall kull kilo ta' tadam lokali - lill-bdiewa - lill-produtturi, ii) Il-prezz imħallas għal kull kilo ta' tadam mill-produtturi lill-bdiewa, iii) It-total ta' ħlasijiet li saru f'kull sena mill Gvern - lill-bdiewa - lill-produtturi, iii) Il-prezz tal-prodotti ta' tadam proċessat f'Malta lill-konsumaturi matul is-snin imsemmija?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Qiegħed nassumi li bil-kelma "produttur" l-Onor. Interpellant irid ifisser "proċessur". L-informazzjoni mitluba tinstab fit-Tabella annotata li qiegħed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra. Fir-rigward tal-prezzijiet tal-prodotti ta' tadam proċessat lill-konsumatur, nitlob lill-Onor. Interpellant jindirizza din il-parti tal-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat billi l-Ministeru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent ma jżommx statistika ta' din ix-xorta.

MEPA — Każ bil-file no. DN 598/03

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'passi ttieħdu mill-MEPA biex jitneħħew jew jiġu regolarizzati strutturi llegali f'numru ta' appartamenti in konnessjoni ma' każ DN 598/03 biex ikun jista' installat lift bir-riferenza ta' l-awtorita' tad-djar HAV 3/2003?

Response (PULLICINO, GEORGE)

L-informazzjoni mitluba għada qed tinġabar

Tindif ta' widien — Wied il-kbir - Ħal Qormi

Question

Jista' l-Onor Ministru jgħid meta se jitnaddaf il-Wied il-Kbir f'Hal Qormi mill-gebel u t-terrapien li waqa' fih fil-maltemp tal-15 ta' Settembru 2003? Jaf l-Onor Ministru li f'partijiet sostanzjali minnu huwa mimli b'mod li jasal sal-livell tat-triq u li dan huwa ta' riskju kbir f'kaz ta' maltemp li jista' jikkawza għargħar akbar minn dak li diga ntlaqtu bih in-nies li joqgħodu fl'areas ta' Wied ic-Cawsli, De La Cruz Avenue u l-madwar?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant tagħmel il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Bdiewa — Għajnuna

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se jiġu megħjuna l-bdiewa f'Tal-Ħandaq u fl-area tal-Wied il-Kbir biex għallinqas jiġu msewwija t-toroq li jgħaddu għall-għelieqi tagħhom, bħal Sqaq il-Ħarrub?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninfurma lill-Onor. Interpellant li għalkemm inġabret l-informazzjoni fuq it-toroq ta’ bdiewa li ġarrbu ħsarat bil-maltempati ta’ Settembru li għadda, għadu kmieni wisq biex wieħed jagħti risposta.

Medigrain — Provvista ta' materja prima

Question

B'riferenza għad-deċiżjoni tal-Gvern li jagħlaq il-kumpanija Medigrain waħda mill-aktar kumpanniji tal-poplu li rendiet kemm mil-lat ta' profitt kif ukoll f'dak li huwa price stabilisation, jista' il-Ministru jassigura lill-Kamra li pajjiżna jibqa' ikun sostnut bis-sorsi tal-materja prima in kwestjoni?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi din il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Qmuħ u Ċereali — Importazzjoni

Question

B'riferenza għad-deċiżjoni tal-gvern li jagħlaq il-kumpannija Medigrain, jista' il-Ministru jispjega lill-Kamra kif l-importazzjoni tal-qmuħ u ċereali f'pajjiżna se tibqa' tkun waħda kompetittiva fix-xhur u fis-snin li ġejjin?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi din il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.