Legislature:
Category:
Reset
Active:

Il-Manikata – Sqaq Ħarruba – preżenza ta’ Gwardjani Lokali

Question

Jista' l-Ministru jara li jkun hemm aktar preżenza ta' Gwardjani Lokali fil-lokalità tal-Manikata, dan anke b'rabta mal-abbużi regolari tat-traffiku li qed ikun hemm speċjalment fiż-żona ta' Sqaq Ħarruba?

Response (BONNICI, OWEN)

Din il-prosposta ta’ Infurzar Lokali f’din l-akwata ser tiġi konsiderata wara illi ser issir sorveljanza tas-sit u jiġu identifikati l-abbużi imsemmija.

Festival tal-Kanzunetta Maltija għall-Eurovision – break down ta’ nefqa

Question

Peress li l-Gvern iddikjara li wara sejħa għal aktar trasparenza jħoss li jista' anke jippublika kuntratti kbar, li s'issa nżammu sigrieti, bħal dawk tal-power station u tat-Trasport, jista’ l-Ministru jgħid għaliex ma jridx jgħid kemm kienet l-ispiża totali u l-break down tan-nefqa għall-Festival tal-Kanzunetta Maltija għall-Eurovision li sar f’Malta aktar kmieni din is-sena?

Response (BONNICI, OWEN)

L-informazzjoni mitluba mill-Onor Interpellant ser tingħata f’seduta oħra.

Festival tal-Kanzunetta Maltija għall-Eurovision — ħlasijiet

Question

Peress li l-Gvern iddikjara li wara sejħa għal aktar trasparenza jħoss li jista' anke jippublika kuntratti kbar, li s'issa nżammu sigrieti, bħal dawk tal-power station u tat-Trasport, jista’ l-Ministru jgħid għaliex ma jridx jgħid xi ħlasijiet saru jew għad iridu isiru u fuq xiex saru għall-organizzazzjoni tal-Festival tal-Kanzunetta Maltija għall-Eurovision li sar f’Malta aktar kmieni din is-sena?

Response (BONNICI, OWEN)

L-informazzjoni mitluba mill-Onor Interpellant ser tingħata f’seduta oħra.

Festival tal-Eurovision – spiża — break down

Question

Peress li l-Gvern iddikjara li wara sejħa għal aktar trasparenza jħoss li jista' anke jippublika kuntratti kbar, li s'issa nżammu sigrieti, bħal dawk tal-power station u tat-Trasport, jista’ l-Ministru jgħid għaliex ma jridx jgħid kemm kienet l-ispiża totali u l-break down tagħha tal-parteċipazzjoni Maltija fil-festival tal-Eurovison fi Stokkolma din is-sena?

Response (BONNICI, OWEN)

L-informazzjoni mitluba mill-Onor Interpellant ser tingħata f’seduta oħra.

Eurovision – parteċipazzjoni ta’ Malta — nefqa

Question

Peress li l-Gvern iddikjara li wara sejħa għal aktar trasparenza jħoss li jista' anke jippublika kuntratti kbar, li s'issa nżammu sigrieti, bħal dawk tal-power station u tat-Trasport, jista’ l-Ministru jgħid għaliex ma jridx jgħid x’kienet in-nefqa fuq il-parteċipazzjoni Maltija f’kull edizzjoni tal-Eurovision fl-aħħar 10 snin?

Response (BONNICI, OWEN)

L-informazzjoni mitluba mill-Onor Interpellant ser tingħata f’seduta oħra

Segretarji eżekuttivi – proċess tal-għażla

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-proċess għall-għażla ta' segretarji eżekuttivi, fil-fatt intemmx inkella le? Jekk intemm, kemm kien hemm persuni li, intgħażlu biex ikunu fuq il-lista li minnhom jistgħu jinħatru s-segretarji eżekuttivi? Jekk għadu ma ntemmx, meta hu mistenni li jitlesta l-proċess kollu?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-lista tal-pool li minnha jintgħazel Segretarju Ezekuttiv ġiet ippubblikata fil-11 ta’ Mejju 2016. Hemm perjodu ta’ appell, imbagħad wara ghaxart’ijiem toħroġ ittra lil kull persuna li għaddiet biex tkun infurmata li tifforma parti mill-pool li minnha jintgħazel Segretarju Ezekuttiv. Fuq il-lista hemm 127 persuna.

Visas lill-barranin għal raġunijiet mediċi

Question

B’referenza għall-mistoqsijiet parlamentari 25171, 24740, 24006, 20542 u 20222 jista’ l-Ministru jgħid sena b’sena kemm ingħataw visas mal-wasla fl-ajruport (border visas) lill-barranin għal raġunijiet mediċi minn Marzu 2013 sal-lum? Lil liema nazzjonalità ngħataw? Jista’ jispeċifika n-numru ta’ visas skont in-nazzjonalità?

Response (BONNICI, OWEN)

Din l-informazzjoni għadha qed tinġabar u ser tingħata f'seduta oħra.

Prevention of Money Laundering Act – attachment orders

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta’ attachment orders (maħruġa taħt il-Prevention of Money Laundering Act) fl-aħħar ħames snin, sena b’sena?

Response (BONNICI, OWEN)

In-numru ta’ attachments orders ( taħt il-Prevention of Money Laundering Act) maħruġa mill-Qorti Kriminali ta’ Malta fl-aħħar ħames snin huma s-segwenti:- · 2012 – 13 attachment orders · 2013 – 15 attachments orders · 2014 – 12 attachment orders · 2015 - 7 attachment orders · 2016 - 8 attachment orders (sal-20/05/2016) F’dawn l-aħħar ħames snin, fil-Qorti ta’ Għawdex, ma kien hemm ebda każ ta’ ħruġ ta’ attachment orders.

Qorti – persuni li tressqu fuq nuqqas ta’ manteniment

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm persuni li tressqu quddiem il-Qorti fuq akkużi li naqsu li jagħtu manteniment lill-uliedhom u lill-konjugi tagħhom wara li sseparaw fl-aħħar erba’ snin, sena b’sena? Kemm minnhom weħlu l-ħabs u kemm kienet is-sentenza mogħtija?

Response (BONNICI, OWEN)

In-numru ta’ persuni li naqqsu li jagħtu l-manteniment u tressqu quddiem il-Qorti ta’ Malta, u numri ta’ persuni li weħlu l-ħabs fl-aħħar erba’ snin huma s-segwenti: Sena Numru ta’ każijiet Numru ta’ peruni li ntbagħtu l-ħabs 2012 601 66 2013 723 79 2014 589 62 2015 698 77 2016 464 (sa Mejju) 58 (sa Mejju) Is-sentenzi ta’ ħabs ivarjaw bejn ġimgħa (1) ħabs sa l-iktar 3 xhur ħabs. Kien hemm xi każijiet minimi fejn persuna kienet reċediva u weħlet sa sitt xhur priġunerija. Fil-Qorti tal-Maġistrati, Għawdex, il-kawżi ta’ manteniment ma’ jiġux ikklassifikati separatament u jiġu reġistrati bħala kawżi tad-distrett, mingħajr distinzjoni minn dawn tal-aħħar.

Gwardjani Lokali – inċidenti li jinvolvu karozzi bi pjanċi ta’ reġistrazzjoni barranija

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 22247 li ilha pendenti minn Jannar 2016 u jgħid s’issa kemm kien hawn inċidenti, sena b’sena, mis-sena 2013 ‘l hawn, li kienu jinvolvu karozzi bi pjanċi ta’ reġistrazzjonijiet barranija u li ġew irrapurtati lill-Gwardjani Lokali? F’liema pajjiż kienu reġistrati dawn il-vetturi? F’liema lokalità seħħew dawn l-inċidenti?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar u ser tingħata f’seduta oħra.

Festival tal-Kanzunetta Matija għall-Eurovision

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienet l-ispiża totali tal-Festival tal-Kanzunetta Maltija għall-Eurovision li sar f’Malta aktar kmieni din is-sena? Jista’ jagħti break down tan-nefqa kif saret u fiex saret?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li għal PBS, din is-sena kien hemm żieda ta’ 120% fuq is-snin ta’ qabel fid-dħul mir-reklamar u sponsors u għaldaqstant dan id-dħul addizzjoniali wassal biex il-PBS setgħet tesegwixxi l-politika tagħha ta’ awto-finanzjanment u awto-sostenibilita’.

Festival tal-Kanzunetta Matija għall-Eurovision

Question

Jista’ l-Ministru jgħid xi ħlasijiet saru jew għad iridu isiru għall-organizzazzjoni tal-Festival tal-Kanzunetta Maltija għall-Eurovision li sar f’Malta aktar kmieni din is-sena? Lil min saru jew għad iridu jsiru dawn il-pagamenti? X’valur għandu kull pagament f’kull każ u għalxiex sar jew se jsir? Kemm, liema huma u lil min saru l-pagamenti ta’ tenders fuq direct orders?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li għal PBS, din is-sena kien hemm żieda ta’ 120% fuq is-snin ta’ qabel fid-dħul mir-reklamar u sponsors u għaldaqstant dan id-dħul addizzjoniali wassal biex il-PBS setgħet tesegwixxi l-politika tagħha ta’ awto-finanzjanment u awto-sostenibilita’.

Parteċipazzjoni Maltija fil-festival tal-Eurovision

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienet l-ispiża totali tal-parteċipazzjoni Maltija fil-festival tal-Eurovison fi Stokkolma din is-sena? Jista’ jagħti break down tan-nefqa kif saret? Min kienu l-individwi u l-kumpaniji li tħallsu u ta’ xiex tħallsu? Liema minn dawn il-ħlasijiet saru b’direct orders?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li għal PBS, din is-sena kien hemm żieda ta’ 120% fuq is-snin ta’ qabel fid-dħul mir-reklamar u sponsors u għaldaqstant dan id-dħul addizzjoniali wassal biex il-PBS setgħet tesegwixxi l-politika tagħha ta’ awto-finanzjanment u awto-sostenibilita’.

Delegazzjoni Maltija li telgħet għall-Festival tal-Eurovision

Question

Jista’ l-Ministru jgħid minn kemm persuni kienet komposta d-delegazzjoni Maltija li telgħet għall-Festival tal-Eurovison fi Stokkolma din is-sena? Min kienu dawn in-nies u x’kien ir-rwol ta’ kull wieħed u waħda minnhom?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-delegazzjoni Maltija li telgħet għall-Festival tal-Eurovison fi Stokkolma din is-sena kienet komposta mis-segwenti: Delegazzjoni · Dott. Tonio Portughese – Chairman · Anton Attard – Head of Delegation · Doreen Cortis – Assistant Head of Delegation · Gordon Bonello – Producer · Howard Debono – Artist Manager Stage team · Ira Losco · Anna Abela · Pamela Bezzina · Skorpion · Molly Pettersson Hammar * · Lars Safsund * Stage Styling · Stephane Boko · Alex Zabotto · Diane Nikolic · Marielle Calleja TV Production · Mark Vassallo · Jeremy Dalli · Charles Ahar PR & Marketing · Daniel D’Anastasi · David Debono · Leslie Skipper · Luke Fisher *Iż-żewġ backing vocalists barrinin, Molly Pettersson Hammar u Lars Safsund, huma bbażati fi Stokkolma.

Parteċipazzjoni Maltija fil-Festival tal-Eurovision – persuni barranin li ngħataw xogħol

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm persuni barranin li ngħataw xi rwol jew xogħol konness mal-parteċipazzjoni Maltija fil-Eurovison Song Festival li sar fi Stokkolma din is-sena? Min kienu dawn in-nies u x’kien ir-rwol ta’ kull wieħed u waħda minnhom? Għaliex ma’ setgħux jinstabu persuni Maltin għal dawn l-irwoli? Kemm tħallsu direttament dawn il-persuni barranin u kemm tħallsu spejjeż anċillari fuqhom bħal-lukandi, trasport, ikel u affarijiet oħra?

Response (BONNICI, OWEN)

Il-persuni barranin li kienu nvoluti fil-parteċipazzjoni Maltija fil-Eurovision Song Contest li sar fi Stokkolma, li ġew magħżula mit-tim tal-produzzjoni kienu: · Alex Zabotto · Stephane Boko · Skorpion · Molly Pettersson Hammar · Lars Safsund L-informazzjoni addizzjonali mitluba rigward dawn il-persuni, hija ta’ natura kummerċjali.

Eurovision Song Festival – nefqa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’kienet in-nefqa fuq il-parteċipazzjoni Maltija f’kull edizzjoni tal-Eurovision fl-aħħar 10 snin?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-PBS topera b’mod kummerċjali u għaldaqstant l-informazzjoni rikjesta hija ta’ natura kummerċjali.

Ċittadinanza Maltija – proċess ta’ applikazzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jispeċifika kemm hu ż-żmien biex tiġi pproċessata applikazzjoni għaċ-ċittadinanza sabiex persuna barranija li tkun ilha miżżewġa persuna Maltija għal aktar minn ħames snin, tingħata ċ-Ċittadinanza Maltija?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi kull applikazzjoni sottomessa teżiġi pproċessar rigoruż u billi kull każ huwa differenti, it-terminu tal-ipproċessar ma jistax jiġi kkwantifikat.

Skema IIP — applikanti

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 23879 u jgħid kemm minn dawk l-applikanti li applikaw għall-Individual Investor Programme (IIP) u waslu fl-istadju li ddepożitaw l-ammonti rikjesti fl-IIP Account: a. xtraw proprjetà skont il-parametri tal-iskema tal-IIP? b. krew proprjetà skont il-parametri tal-iskema tal-IIP?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma li Onor. Interpellant illi sat-30 t’April 2016 kien hemm 143–il applikant illi lestew il-proċess kollu b’suċċess. Minn dawn kien hemm 116-il applikant illi krew propjeta’ b’investiment totali ta’ €12,245,835.88 fuq perjodu ta’ 5 snin filwaqt illi kien hemm 27-il applikant li xtraw propjeta’ b’investiment totali ta’ €25,475,744.41. Dan kollu jawgura tajjeb għal iktar tkabbir tal-ekonomija Maltija.

Skema IIP — applikanti

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 23880 u jgħid kemm minn dawk l-applikanti li applikaw għall-Individual Investor Programme (IIP) u waslu fl-istadju li jiddepożitaw l-ammonti rikjesti fl-IIP Account, waqqfu kumpanija f'pajjiżna?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lil Onor. Interpellant illi kien hemm 23-il applikant illi fetħu kumpanija f’Malta. L-ammont ta’ kumpaniji jammontaw għal 27. Ta’ min jikjarifika illi dawn huma biss il-kumpaniji illi l-Agenzija Identity Malta ġiet infurmata dwarhom u m'huwiex eskluż li hemm kumpaniji oħra li twaqqfu iżda li l-Aġenżija ma ġietx informata dwarhom.

IIP Account — kontribuzzjonijiet lil għaqdiet filantropiċi/NGOs

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 23881 u peress li uffiċjali għolja ta’ Identity Malta kienu stqarrew li wieħed mill-parametri li fuqhom tiġi determinata l-applikazzjoni ta’ min japplika għall-Individual Investor Programme (IIP) hija kontribut lejn għaqdiet filantropiċi/NGOs/organizzazzjonijiet simili, mingħajr ma’ neċessarjament jagħti l-isem tal-applikant, jista’ l-Ministru jagħti lista ta’ dawn il-kontribuzzjonijiet li saru jew ġew kommessi minn dawk l-applikanti li waslu fl-istadju li ddepożitaw l-ammonti rikjesti fl-IIP Account?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lil Onor. Interpellant illi minn meta beda l-Programm ta’ Ċittadinanza b’Investiment sat-30 t’April 2016, kien hemm 68-il għotja illi ngħatat lil għaqdiet filantropiċi/NGOs jew organizazzjonijiet simili, b’total globali ta’ €791,900. Dawn huma għotjiet li l-Aġenzija Identity Malta ġiet informata dwarhom. M'huwiex eskluż li kien hemm għotjiet oħra li saru u l-Aġenzija ma ġietx informata dwarhom.