Legislature:
Category:
Reset
Active:

Rinella Film Facilities — Apparat/makkinarju

Question

Jista' il-Ministru ġentilment jgħid jekk l-apparat u l-makkinarju li hemm fir-Rinella Film Facilities huwiex proprjeta' tal-proprjetarju jew inkella tal-gvern billi jien informat li parti minn dan l-apparat, għodda u makkinarju qed jittieħed mid-diversi debituri li għandu l-proprjetarju barrani?

Response (GATT, AUSTIN)

Jien infurmat li r-Rinella Film Facilities hi propjeta' ta' kumpanija privata u l-unika relazzjoni li għandu l-Gvern hi li hu s-sid tal-art mikrija lill-kumpanija. Konsegwentement ma taqax taħt id-dekasteru ta' dan il-Ministeru.

Rinella Film Facilities

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'inhu jagħmel il-gvern biex isolvi l-problema tar-Rinella Film Facilities li tinsab fi stat ta' deġenerazzjoni għaliex il-proprjetarju barrani li hemm għandu problemi finanzjarji kbar u mhux qed ssir maintenance kif suppost? Konxju l-gvern li hemm ħaddiema f'dan il-post li mhux qed jitħallsu b'mod regolari tax-xogħol li jagħmlu?

Response (GATT, AUSTIN)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant biex jirreferi għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqija Nru. 10729.

Tigne' Development Co. Ltd. — Impjegati

Question

B'riferenza għar-risposta ta' mistoqsija parlamentari 8311, jista' il-Ministru jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra kopja tad-dokumenti relatati ma' relazzjonijiet kuntrattwali rigward impjegati tal-kumpannija Tigne' Development Co. Ltd. u l-Holiday Inn?

Response (GATT, AUSTIN)

Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra kopja tal-ftehim kollettiv relattiv.

Ċilindru tal-Gass — Birgu - Anzjan

Question

Jista' il-Ministru jieħu passi dwar anzjan mill-Birgu - dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament - li ilu jistenna biex jixtri ċilindru tal-gass u jwassluhulu d-dar għal kważi xahrejn?

Response (GATT, AUSTIN)

Jiena nfurmat li l-persuna indikata mill-Onor. Interpellant inqdiet għall-aħħar ta' Diċembru 2004.

Teknoloġija ta' l-Informatika — Safar

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsijiet parlamentari 9004 u 9519 u cioe' jgħid kemm kienet in-nefqa globali tas-safar matul l-ewwel disa' xhur tas-sena 2004 tal-ministeru, dipartimenti, entitajiet, awtoritajiet, korporazzjonijiet, eċċ. li jaqgħu taħt il-ministeru tiegħu? Jista' jinformana kemm hu kkalkolat li se titla' din l-ispiża sa l-aħħar tas-sena?

Response (GATT, AUSTIN)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

Kontijiet Pendenti tad-dawl u l-ilma

Question

Jista' il-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 9450 u 9721 u cioe' jgħid x'arranġamenti qed isiru mal-banek biex min għandu kontijiet pendenti tad-dawl u l-ilma jissellef mill-banek biex iħallas il-kontijiet? X'arranġamenti se jagħmlu l-banek ma' dawk il-persuni li jifilħu jħallsu biss sa ċertu livell għax jgħixu bl-assistenza soċjali biss?

Response (GATT, AUSTIN)

L-arranġamenti li saru mal-banek dwar il-ħlasijiet pendenti tad-dawl u l-ilma ma' jinvolvux self mill-banek. Meta u jekk isiru tali arranġamenti huma prerogattiva tal-banek flimkien ma' l-individwu. Pero' ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-arranġamenti li kkonkludiet il-WSC mal-BoV u L-HSBC jinkludu l-ħlas permezz ta' 'standing order'. Ngħid ukoll illi hemm żewġ alternattivi għall-ħlas ta' arretrati: ħlas mqassam fuq sitt xhur b'interessi ta' 4 fil-mija u l-oħra ħlas mqassam fuq sena b'interess ta' 8 fil-mija.

Gozo Channel — Vapuri

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'tibdiliet saru fil-manning ta' l-engine room fuq il-vapuri tal-Gozo Channel? Jista' jagħti r-raġunijiet għal dan it-tibdil?

Response (GATT, AUSTIN)

Jiena nfurmat li minn meta inħareġ is-'Safe manning Document' tal-vapuri mill-MMA (Awtorita' Marittima ta' Malta) kif rivedut, ma baqax l-obbligu li jkun hemm it-tielet persuna (il-Motorman) abbord, għax ma baqax jifforma parti integrali tal-krew. Madankollu, il-ħtieġa li jkunu hemm ic-'Chief Engineer' u s-Second Engineer' baqa' hemm.

Gozo Channel — Terminal attendants

Question

Jista' il-Ministru jgħid kif inhu x-shift tat-terminal attendants Għawdxin tal-Gozo Channel li qed jaqdu dmirijiethom iċ-Ċirkewwa?

Response (GATT, AUSTIN)

Jiena nfurmat li l-ħinijiet tax-Shift tat-Terminal Assistants li jaħdmu ċ-Ċirkewwa huwa normalment ta' għaxar siegħat, minħabba n-natura u l-esigenzi tax-xogħol.

Enemalta/WSC — Kontijiet pendenti

Question

Jista' il-Minsitru jgħid kemm kien l-ammont totali li l-korporazzjoni Enemalta u l-korporazzjoni għas-servizzi ta' l-ilma kellhom idaħħlu mill-klijenti (industriji, lukandi, ħwienet, dipartimenti tal-gvern u korpi parastatali, djar privati, eċċ) qabel ma bdiet il-kampanja biex jitħallsu l-kontijiet pendenti sa l-aħħar ta' Novembru li għadda u x'kien l-ammont li nġabar tul din il-kampanja? X'inhuma issa l-passi li mistennija jieħdu l-korporazzjoni Enemalta u l-korporazzjoni għas-servizzi ta' l-ilma biex jiġbru l-flus pendenti li baqgħalhom?

Response (GATT, AUSTIN)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

Maltacom — Direct promotions

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk sarux xi direct promotions (bla sejħa għal applikazzjonijiet) fil-Maltacom jew xi kumpannija sussidjarja fil-Maltacom minn Jannar 2004 sal-lum? Jekk fl-affermattiv, kemm saru, min huma l-ħaddiema, xi grad u skala kellhom qabel u xi grad u skala ta' salarju għandhom issa? Kemm hi d-differenza fil-massimu li se jiżdiedu dawn il-ħaddiema b'dawn id-direct promotions?

Response (GATT, AUSTIN)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferi għat-tweġiba li tajt għall-P.Q.1130.

WSC — Kontijiet tad-dawl u l-ilma

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm inġabru ħlasijiet dovuti għall-kontijiet tad-dawl u l-ilma fix-xhur ta' Novembru u Diċembru 2004?

Response (GATT, AUSTIN)

Jiena nfurmat li l-ammont ta' ħlassijiet għall-kontijiet tad-dawl u l-ilma fix-xhur ta' Novembru u Diċembru 2004 huwa hekk kif spjegat hawn taħt: Lm Novembru '04 8,545,549 Diċembru '04 5,899,952 _________ Total 14,445,501

Investiment, Industrija u Teknoloġija ta' l-Informazzjoni — Kontijiet tat-Telephone

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm tħallsu flus f'kontijiet tat-telephone ta' residenzi ta' uffiċjali governattivi bejn Jannar 2003 u Diċembru 2004? Min huma l-persuni li huma intitolati għal ħlas tat-telephone privat fir-residenza tagħhom? Kemm huwa l-ammont ta' ħlas li dawn huma intitolati għalih kull xahar?

Response (GATT, AUSTIN)

Jiena nfrumat li l-ammont ta' flus li tħallsu f'kontijiet tat-telephone ta' residenzi ta' uffiċjali Governattivi bejn (Jan 03 - Dec 04) kien ta' Lm6483.39. Dan il-ħlas sar skond il-kuntratt Engagement of Staff for Minister's Secretariats li kopja tiegħu tpoġġiet fuq il-mejda ta' din il-Kamra kif ukoll skond il-Performance Agreements.

Investiment, Industrija u Teknoloġija ta' l-Informazzjoni — Ħaddiema

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm impjegati ma' kumpanniji/entitajiet/awtoritajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu li għandhom iktar minn 61 sena? Min huma? Kemm hemm minnhom li qegħdin b'xi forma ta' kuntratt jew huma konsulenti? X'remunerazzjoni u/jew allowance għandhom?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Kordin Grain Terminal — Karozzi tal-Kumpannija

Question

Jista' il-Ministru jgħid min għandu dritt jagħmel użu mill-karozzi tal-kumpannija Kordin Grain Terminal? Jista' jgħid jekk dawn jintużawx fil-weekends u fil-festi?

Response (GATT, AUSTIN)

Jiena nfurmat li c-Chairman, Chief Executive u l-Operations Manager jagħmlu użu mill-karozzi tal-Kumpanija Kordin Grain Terminal.

Kordin Grain Terminal — Hamper tal-Milied

Question

Peress li kienet konswetudni li l-ħaddiema tal-Kordin Grain Terminal jingħataw hamper fil-Milied, jista' il-Ministru jgħid jekk kienx hemm ħaddiema li din is-sena nżammet magħhom din id-drawwa?

Response (GATT, AUSTIN)

Jiena nfurmat li l-ebda hamper, parties jew xi attivitajiet oħra ma saru mill-Kordin Grain Terminal fil-Milied.

Kordin Grain Terminal — Kontijiet tad-dawl u l-ilma

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk il-Kordin Grain Terminal għandhiex kontijiet tad-dawl u l-ilma pendenti? Jekk iva, jista' jgħid kemm jammontaw u kemm imorru lura?

Response (GATT, AUSTIN)

Jiena nfurmat li l-Kumpanija Kordin Grain Terminal m'għanda l-ebda kont tad-dawl u l-ilma pendenti.