Legislature:
Category:
Reset
Active:

Uffiċċju Konġunt

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jikkonferma jew jiċħad li l-uffiċċju Konġunt ser jitneħħa minn fejn qiegħed u jiġi allokat bini differenti? Jekk fl-affermattiv, għaliex qed issir din iċ-ċaqlieqa? X'ser jiġri mill-binja ta' Sa Maison? Fejn sejrin l-uffiċini l-ġodda? Kemm hi l-ispiża ta' din iċ-ċaqlieqa?

Response (BORG, TONIO)

Nikkonferma li l-Uffiċċju Konġunt ser jiġi trasferit mill-bini li qed jokkupaw illum f'Sa Maison għall-fond Nru 31, Triq Marsamxett, il-Belt, fejn qabel kien hemm l-iskola tal-Pilar, bini li jifforma parti mill-House of Catalunya, u issa ġie lura f'idejn il-Gvern. Din iċ-ċaqlieqa qed issir biex l-Uffiċċju Konġunt, li għal dawn l-aħħar 5 snin ifforma parti mit-Taqsima Proprjeta' tal-Gvern, ikun fiżikament aktar qrib tal-Berġa tal-Baviera fejn jaħdmu d-dipartimenti l-oħra li jiffurmaw din it-Taqsima kif ukoll ir-Reġistru ta' l-Artijiet. Dan iċ-ċaqlieq ser jagħti ċ-ċans biex ikunu amalgamati numru ta' sezzjonijiet li jagħtu l-istess servizz bħal Registry, Customer Care u aktar 'il quddiem anke l-ġbir tal-kera, biex b'hekk it-Taqsima ssir aktar streamlined u effiċjenti. Il-Binja f'Sa Maison ser tiġi allokata lill-Awtorita' dwar it-Transport li għandhom bini imiss ma' l-istess Uffiċċju konġunt. Il-fond fil-Belt Valletta ġie irranġat matul din l-aħħar sena; l-ispiża għal dan il-għan laħqet Lm65,000. Ħafna minn dan ix-xogħol sar mill-impjegati stess tat-Taqsima Proprjeta' tal-Gvern. L-ispiża fuq indikata tinkludi wkoll l-overtime li tħallas lill-dawn l-impjegati.

Ajruport Internazzjonali — Pussess ta' oġġetti projbiti

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid mill-2004 sal-lum kemm-il każ kien hemm ta' persuni li nqabdu fl-ajruport internazzjonali ta' Malta (qed jitilqu minn, jew ġejjin lejn Malta) fil-pussess ta' oġġetti pprojbiti mil-liġi għall-ivvjaġġar bl-ajru? X'kienu l-oġġetti li nqabdu? X'passi ttieħdu mill-pulizija f'kull każ? X'passi ttieħdu minn awtoritajiet oħrajn (per eżempju l-Kummissarju tal-VAT, il-Kontrollur tad-Dwana, eċċ) f'kull każ? Kemm-il każ itella' l-Qorti b'arrest u kemm-il każ itella' l-Qorti bi proċedura oħra? F'kemm-il każ l-persuna/i nvoluta/i nżammet/nżammu taħt arrest għall-interrogatorju mill-Pulizija? U għal kemm-il siegħa nżammu taħt arrest b'dan il-mod, jekk kien hemm min inżamm hekk? Kemm għadda żmien bejn l-akkadut fl-ajruport u l-apparizzjoni fil-Qorti f'kull każ?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi mis-sena 2004 sal-lum, kien hemm erba' persuni li tressqu quddiem il-Qorti mill-Pulizija, fuq akkużi relatati ma' ksur ta' l-Att dwar is-Sigurta' fl-Ajruportijiet u fl-Avjazzjoni Ċivili (Kap. 405). Stante li għad hemm proċeduri kriminali pendenti f'żewġ każijiet, ma nħossx li huwa prudenti li aktar tagħrif għandu jkun ippublikat f'dan l-istadju. Pero' dwar il-passi li ttieħdu minn awtoritajiet oħra imsemmija fil-Mistoqsija, nissuġġerixxi li l-Onorevoli Interpellant jirreferi lill-Ministru kkonċernat.

Proprjeta'

Question

B'riferenza għal mistoqsija parlamentari 26218 li saret fil-15 ta' Mejju, 2007 peress li fir-risposta ingħad li l-każ kellu jingħalaq ma l-ewwel possibilta u peress li ormai għaddew diversi xhur mit-tweġiba u l-każ issa ilu pendenti snin, jista' l-Ministru jara li dan il-każ jingħalaq kemm jista` jkun malajr?

Response (BORG, TONIO)

M'għandi xejn x'inżid mat-tweġiba li jiena tajt għal Mistoqsija Parlamentari Numru 26218.

Flus minn ċitazzjonijiet

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm inġabru flus minn ċitazzjonijiet minn kunsilli lokali Sliema, Gzira, San Gwann u Imsida u kemm hu l-budget allokat lil kull wieħed minn dawn il-kunsilli lokali mill-Gvern ċentrali?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-budget allokat lill-Kunsilli Lokali ta’ tas-Sliema, il- Gżira, San Ġwann u l-Imsida skond il-formula ta’ finanzjament li tinsab fl-Għaxar Skeda ta’ L-Att dwar il- Kunsilli Lokali, għas-sena finanzjarja kurrenti li tagħlaq fil-31 ta’ Marzu 2008 huwa ki ġej:- Sliema Lm 283,571 Gżira Lm 149,437 San Ġwann Lm 218,128 Imsida Lm 142,790 Dwar kemm ġabru flus dawn il-Kunsilli Lokali minn ċitazzjonijiet, l-informazzjoni għadha qed tinġabar u tingħata tweġiba f’xi Seduta oħra.

Serq

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ġew mwettqa serqiet matul Settembru 2007? Jista' jikklassifika s-serq? Jista' jgħid kemm ġew solvuti serq matul Settembru 2007?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi matul Settembru tas-sena 2007, il-każi ta' serq li ġew irrapurtati lill-Pulizija kienu kif jidher fit-tabella li qed ipoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra, filwaqt li matul l-istess xahar il-Pulizija solviet 32 każ ta' serq li f'27 minnhom diġa' nbdew proċeduri kriminali quddiem il-Qorti.

Reati

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ġew mwettqa reati matul Settembru 2007? Jista' jikklassifka r-reati? Jista' jgħid kemm ġew solvuti reati matul Settembru 2007?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi matul Settembru tas-sena 2007, ir-reati li ġew irrapurtati lill-Pulizija kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra, filwaqt li matul l-istess xahar kien hemm 49 persuna misjuba ħatja ta' reati kriminali.

Maħfra ta' ċitazzjonijiet

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm saru taħdidiet għall-maħfra ta' ċitazzjonijiet din is-sena u kemm minnhom ġew milqugħa?

Response (BORG, TONIO)

Qed nifhem li d-domanda hi dwar 'talbiet' mhux 'taħditiet'. Għandi nifhem ukoll li l-Onor Interpellant qed jirreferi għax-xogħol tal-Bord tal-Petizzjonijiet. It-tliet Membri tal-Bord jattendu medja ta' erba' sessjonijiet fil-ġimgħa. Ninsab infurmat illi sat-3 ta' Ottubru 2007, ġew preżentati 16,143 petizzjoni (medja ta' 800 fix-xahar). Minn dawn, ġew proċessati 10,226 li minnhom ġew milqugħa 5,989 b'mod sħiħ u 292 parzjalment.

Vjolenza domestika

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ġew irrappurtati każi ta' vjolenza domestika lill-pulizija din is-sena? Kemm tressqu persuni l-Qorti din is-sena fuq dawn ir-reati?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi matul l-ewwel disa' xhur ta' din is-sena, l-Pulizija kellha 258 rapport li b'xi mod jinkwadraw taħt vjolenza domestika, filwaqt li matul l-istess perijodu nibdew proċeduri kriminali kontra 373 persuna dwar l-imsemmija reati.

Pulizija

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm weġġgħu pulizija waqt il-qadi ta' dmirijiethom din is-sena?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi matul l-ewwel disa' xhur tas-sena 2007, kien hemm 14 -il inċident li fihom Pulizija weġġgħu waqt il-qadi ta' dmirhom fiż-żamma ta' l-ordni pubbliku. Kien hemm ukoll 27 inċident ieħor, uħud ta' natura ħafifa, fejn pulizija waqt li kien xogħol, weġġa' b'mod aċċidentali.

Persuni li weħħlu l-ħabs

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm weħħlu nies l-ħabs din is-sena u għaliex?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li matul is-sena 2007, sa l-aħħar ta' Settembru, Il-Qorti ħarġet 334 sentenza karċerarja. L-akkużi li huma relatati ma dawn is-sentenzi huma kif jidher hawn taħt:- Theddid 19 Relatati ma’ droga 52 Serq/attentat ta’ serq 68 Feriti gravi 8 Bdil ta’ multi/spejjes f’ħabs 90 Ħrib/attentat minn post ta’ kustodja 6 Ksur tal-kundizzjonijiet tal-liberta’ proviżorja 33 Ħsara Volontarja 7 Frodi/miżapproprijazzjoni 4 Omiċidju/attentat 5 Stupru/abbuż sesswali jew relatati 9 Oħrajn 33 Persuna jista' jkolla aktar minn sentenza waħda.

Tfal li ttellgħu l-Qorti

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ittelgħu tfal l-Qorti din is-sena u għaliex?

Response (BORG, TONIO)

Nirreferi lill-Onor Interpellant għat-tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 26347. Il-posizzjoni baqgħet l-istess fir-rigward tal-Qorti ta' Malta, filwaqt li dwar il-Qorti ta' Għawdex żdiedu il-każi segwenti:- Ġlied 3 Ħebbew għal persuna 5 Ħsara fuq proprjeta' ta' terzi 7 Traskuraġni fis-Sewqan ta' bicycle li kkaġuna ġrieħi fuq terzi 2

San Gwann — Triq Qronfol

Question

B'referenza għall-mistoqsija preċedenti tiegħi dwar traffiku fi Qronfol Street, San Gwann, nixtieq ngħarrfek li mhux talli mhux qed ikun hemm viġilanza mill-pulizija dwar l-istorjbu li regolarment jibqa' għaddej sa tard bil-lejl fil-pjazza ta' quddiem Qronfol Street, San Gwann, iżda meta riċentement saru rapporti l-għassa tal-pulizija l-ewwel insistew li min irrapporta kellu jagħmel rapport formali u aktar tard qalu li ma kellhomx nies u jew trasport biżżejjed biex imorru on site. Jista' l-Viċi Prim Ministru jara li jittieħdu l-passi effettivi għaliex ta' kuljum qed jinġabru żgħażagħ sa tard bil-lejl jilgħabu l-football sa tefgħa ta' ġebla 'l bogħod mir-residenti u jagħmlu storbju u għajjat kbir biex ma nsemmix wkoll il-ħmieġ u telqa li jħallu warajhom?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-Pulizija ta' San Gwann jaffetwaw rondi bil-pass, u meta possibli, bil-vettura tal-pulizija fi Triq il-Qronfol u t-toroq tal-madwar. Dawn ir-rondi żdiedu fil-frekwenza matul is-sajf u jsiru in konnesjoni ma' lmenti dwar storbju kkawżat minn żgħażagħ li jinġabru f'din iz-zona residenzjali. Ta' min jgħid ukoll li kull meta l-pulizija ipproċediet lejn l-akwata in kwistjoni fuq ilmenti speċifiċi tar-residenti, irriżulta li l-inkonvenjent irrappurata ma kienx qed iseħħ. Se nerġa' nirreferi l-każ lill-Pulizija ħalli jibqgħu jissorveljaw diz-zona.

Rapporti ta' serq

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ġew rrappurtati serqiet mill-Qorti din is-sena u x'insteraq?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi din is-sena fis-sezzjoni tal-Qrati Ċivili u Tribunali ġiet rapportata serqa ta' proċess, ġie ritornat u jinstab a dispożizzjoni tal-Qorti, pero' xorta waħda għaddejjin proċeduri kriminali kontra l-persuna li allegatament serqitu. Nirreferi wkoll għat-tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 27388.

Serq ta' affarijiet proprjeta' tal-Gvern

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'tip ta' affarijiet proprjeta' tal-Gvern insterqu din is-sena? Minn liema dipartimenti nsterqu?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi ma kienx hemm rapporti ta' serq mid-Dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħi ħlief għal dawk kif jdher fit-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari Nru 27658 f'din l-istess Seduta.