Legislature:
Category:
Reset
Active:

Trabi li twieldu lill-ommijiet taħt l-eta'

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm twieldu trabi din is-sena u s-sena l-oħra lill-ommijiet ta' 16-il sena u taħt is-16-il sena? Jista' jaqsam l-informazzjoni skond l-eta' u skond il-lokalita' li tiġi minnha l-omm?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Bejn Jannar tas-sena 2006 u l-aħħar ta' Marzu tas-sena 2007 twieldu 68 tarbija lill-ommijiet ta' sittax -il sena jew iżgħar. Il-lokalitajiet huma kif jidhru fit-tabella hawn taħt: Trabi li twieldu lill-ommijiet ta' 16 - il sena jew inqas bejn Jannar tas-sena 2006 u l-aħħar ta' Marzu tas-sena 2007. Region Mother's age 15 years or less 16 years Total Gozo 0 1 1 North Harbour 9 15 24 South Harbour 6 12 18 South East 5 8 13 Northern 1 3 4 Western 1 7 8 Malta and Gozo 22 46 68

Mard tal-prostata

Question

B'referenza għal mistoqsijiet parlamentari 26423 u 26424, jaf il-Ministru li fil-health centres qed ikun hemm ħafna dewmien esaġerat u ffullar biex jiġu eżaminati l-pazjenti u li minħabba n-nuqqas ta' tobba saħansitra jiġu rrifjutati numru kbir ta' visti fid-djar kuljum? Jista' l-Ministru jelenka kemm seħħew PR examinations, clinical thyroid examinations u kemm ġew ordnati TFT's u PSA's mit-tobba tal-polikliniċi sabiex jiġu djanjostikati mard tal-prostata u tat-tiroide kmieni matul din l-aħħar sena? Huwa minnu li l-gvern jemmen fis-servizz tat-tobba tal-familja jew le? Japprezza l-Ministru li bil-prezzijiet li jaħdmu bihom il-maġġoranza tat-tobba tal-familja qegħdin jissussidjaw is-servizz pubbliku li bħalissa żgur li mhux ilaħħaq mad-domanda ta' xogħol li qed ikollu għad-dannu tal-pazjenti u l-istaff mediku u paramediku nnifsu li jaħdmu fis-servizz primarju? U allura l-Ministru għalfejn ma jikkonsidrax li jagħti aċċess lit-tobba tal-familja li jordnaw testijiet tad-demm tal-PSA u TFT's, imqar f'dawk il-pazjenti follow-ups? U dan fl-ispirtu biex jiġu mgħejjuna t-tobba tal-polikliniċi u kif ukoll biex jitħaffef il-proċess ta' djanjostikar jew management mediku ta' dawn il-pazjenti (għall-ġid tal-pazjenti infushom) fl-ispirtu tal-prevenzjoni primarja li suppost nemmnu biha?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Fiċ-Ċentri tas-Saħħa ma tinżamx statistika ta' kemm isiru eżamijiet kliniċi tat-Tyroid, PSA u PR għax dak huwa studju ta' riċerka medika. Lanqas tinġabar statistika ta' kemm ġew ordnati TFTs u PSA individwalment. Fiċ-Ċentri tas-Saħħa tinġabar statistika kemm ġew ordnati investigazzjonijiet mit-tobba fil-privat u mit-tobba fiċ-Ċentri tas-Saħħa. F'każijiet mhux komuni jkollhom isiru viżti urġenti biss miċ-Ċentri tas-Saħħa meta għal raġunijiet mhux previsti bħal mard tat-tobba u riferti tal-qorti, jkun hemm nuqqas ta' tobba.

Mediċina Eloxatine

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-mediċina Eloxatine (Oxaliplatine) li tintuża kontra l-kanċer hijiex meħuda b'xejn mill-ispiżerija tal-gvern?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-mediċina Oxaliplatine tingħata b'xejn mill-Gvern għall-kundizzjonijiet speċifiċi skond protokol stabbilit.

Tabella — Fever in children

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk huwiex possibbli li t-tabella li qed tintbagħat separatament titqassam lit-tobba kollha jew titpoġġa f'post prominenti fil-casualty ta' l-Isptar San Luqa jew kliniċi oħra tat-tfal?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Is-suġġeriment ta' l-Onor Interpellant qiegħed jiġi evalwat.

Spiżjara u pharmacy technicians

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'se jsir mill-istaff speċjalment l-ispiżjara u l-pharmacy technicians li bħalissa hemm jaħdmu fil-bereġ ta' Malta u Għawdex, hekk kif ma jkunx hemm iktar bżonn is-servizzi tagħhom meta tiġi fis-seħħ l-iskema l-ġdida?

Response (DEGUARA, LOUIS)

L-ispiżjara u l-Pharmacy Technicians li bħalissa jaħdmu fl-ispiżeriji taċ-Ċentri tas-Saħħa jibqgħu jaħdmu fi ħdan id-Diviżjoni jagħmlu xogħol skond ma tistipola il-job description tagħhom.

Servizzi tas-saħħa

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ibbenefikaw minn servizzi tas-saħħa, ċittadini ta' l-Unjoni Ewropea (mhux ċittadini Maltin) fl-Isptar San Luqa u sptarijiet oħra governattivi u ċentri tas-saħħa, mis-sena 2004 sal-lum sena, b'sena?

Response (DEGUARA, LOUIS)

L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant tinsab hawn taħt: Sena 2004 - 3595 Sena 2005 - 3458 Sena 2006 - 4352 * Sena 2007 - 666 * Minn Jannar sa April 2007.

Msida — Grieden

Question

Jista' l-Ministru jara li jittieħdu l-passi dwar il-ġrieden li hemm fi triq fit-tarf tal-Misraħ il-Barrieri, Msida li tagħti għal Santa Venera minħabba li hemm għalqa abbandunata li spiss tintuża bħala rubbish dump u li allegatament hija tal-Gvern? Din l-għalqa tinsab qrib l-appartamenti Birds u r-residenza Snowy.

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninsab infurmat li fl-1 ta' Ġunju 2007, dan l-ilment ġie investigat minn uffiċjal tad-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika, fil-post indikat. Irriżulta li hemm farmhouse abbandunata ħdejn l-appartamenti 'Birds'. Ġie nnotat ukoll akkumulu ta' żibel, kif ukoll evidenza ta' ġrieden. Sid il-post indikat għadu mhux magħruf iżda qed isiru investigazzjonijiet neċessarji sabiex dan jinstab. Sar magħruf min kien li tefa ż-żibel f'dan il-post u ser tittieħed azzjoni legali kontra tiegħu. Ħaddiema tal-Pest Control Unit fi ħdan dan id-Dipartiment għamlu trattament intensiv fl-akkwati msemmija fl-1 ta' Ġunju 2007. Din iż-żona ser tinżamm taħt osservazzjoni minn din is-sezzjoni.

Saħħa, Anzjani u Kura fil-Komunita' — Ħaddiema ntitolati għall-gazzetti

Question

Jista' l-Ministru jgħid min huma n-nies fil-private staff u d-dekasteru tiegħu ntitolati għall-gazzetti kuljum? Jista' jgħid kemm kienet in-nefqa fuq ix-xiri ta' gazzetti matul is-sena 2006?

Response (DEGUARA, LOUIS)

L-uffiċċjali jew dipartimenti li tinxtralhom gażżetti kuljum huma kif ġejjin: Il-Ministru, is-Segretarju Parlamentari, il-Kapi taż-żewġ Segretarjati, Segretarju Privat tal-Ministru, Communications Co-Ordinators tal-Ministru u s-Segretarju Parlamentari, d-Diretturi Servizzi Korporattivi, Direttur Promozzjoni tas-Saħħa, l-Communications Officer fi ħdan id-diviżjoni tas-Saħħa, General Manager ta' Sptar Zammit Clapp, Sptar Monte Carmeli lil: CEO, Direttur Finanzi u Amministrazzjoni u l-Uffiċju ta' l-SNOs. In-nefqa fuq ix-xiri ta' gażżetti matul is-sena 2006 kienet ta' Lm5,180.65. Din tinkludi wkoll gażżetti mqassma fis-swali ta' l-isptarijiet u fid-djar ta' l-anzjani.

Drivers ta' l-ambulanzi

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk ħarġux applikazzjonijiet għal xogħol ġdid ta' drivers ta' l-ambulanzi? Jekk fl-affermattiv, jista' jgħid jekk dawn inħarġux għal ħaddiema diġa mal-Gvern jew għal persuni minn barra ukoll?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninsab infurmat li ma harġet l-ebda sejħa għall-applikazzjonijiet għall-mili ta' postijiet ta' Ambulance Driver mad-Diviżjoni tas-Saħħa.

Sinemet — 110

Question

Jista' l-Ministru jara għaliex il-mediċina Sinemet - 110 li hi tant importanti għal dawk il-pazjenti li għandhom bżonnha m'għadhiex tingħata mill-isptar u lanqas ma tinstab għall-bejgħ fl-ispiżeriji?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Il-mediċina Sinemet - 110 għadha tingħata mill-isptar.

Spiżjara u pharmacy technicians

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'ser ikun il-futur ta' l-ispizjara u l-pharmacy technicians issa li daħlet ir-riforma li l-pazjenti se jibdew jiġbru l-mediċini mingħand l-ispizjar ta' l-għażla tagħhom?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninforma lil-Onor Interpellant li l-ispiżjara u l-Pharmacy Technicians ser jibqgħu impjegati tal-Gvern jagħmlu xogħol skond il-job descriptions tagħhom.

Mellieħa — Dar għall-anzjani

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-ftehim li sar bejn il-gvern u l-privat dwar l-bini ta' dar għall-anzjani fil-Mellieħa?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ma nistax nifhem għaliex qed terġa ssir din l-istess domanda meta diġa ġiet imwieġba tliet darbiet 25295, 25740, 26319 u d-dokument mitlub tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra f'seduta numru 531 fid-29 ta' Mejju 2007.

Saħħa, Anzjanu u Kura fil-Komunita' — Karozzi environmental friendly

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk inxtrawx karozzi li ma jużawx diesel/petrol/lrp sabiex jaħdmu u li fl-istess ħin huma aktar environmental friendly fil-ministeru, dipartimenti u enti li jaqgħu taħt ir-responsabbilta' tiegħu matul ix-xhur ta' Jannar, Frar jew Marzu 2007? F'każ li fl-affermattiv, kemm kienet in-nefqa separatament u xahar b'xahar?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ma nxtrat l-ebda karozza matul ix-xhur ta' Jannar, Frar u Marzu 2007.

Sahha, Anzjani u Kura fil-Komunita' — Safar

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa fuq safar inkluż spejjeż ta' lukandi, flights u subsistence allowance fil-ministeru, dipartimenti u entili jaqgħu taħt ir-responsabbilta' tiegħu matul ix-xhur ta' Jannar, Frar u Marzu 2007 separatament xahar b'xahar u min kienu l-uffiċjali separatament?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant.

Saħħa, Anzjani u Kura fil-Komunita' — Lukandi

Question

Jista' l-Ministru jgħid ta' kemm stilel kienu l-lukandi li marru fihom l-uffiċjali mill-ministeru, dipartimenti u enti li jaqgħu taħt ir-responsabbilta' tiegħu matul x-xhur ta' Jannar, Frar u Marzu 2007, safra b'safra separatament u min kienu dawn l-uffiċjali?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor Interpellant.

Saħħa, Anzjani u Kura fil-Komunita' — Bordijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema huma l-bordijiet li jaqgħu taħtu? Minn min huma komposti u x'inhi l-onorarja u benefiċċji oħra ta' kull wieħed?

Response (DEGUARA, LOUIS)

L-informazzjoni għadha qed tinġabar. Ir-risposta ser titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra ladarba tkun lesta.

Sptar Paul Boffa

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 18246 li saret lill-Ministru għall-Affarijiet Rurali u Ambjent, jista' l-Ministru jgħid jekk kienx hemm xi talba kemm mill-Ministeru jew mid-Dipartiment tas-Saħħa sabiex il-bini ta' l-isptar Sir Paul Boffa jiġi skedat? Jekk le, hemm xi ħsieb biex dan isir?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ma saret l-ebda talba sabiex l-isptar Sir Paul Boffa jiġi skedat. M'hiniex infurmat jekk il-Gvern għandux il-ħsieb biex dan isir.

Kors tad-drivers ta' l-ambulanzi

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk ħarġux applikazzjonijiet għal kors ta' drivers ta' l-ambulanzi? Jekk fl-affermattiv, jista' jgħid jekk dawn inħarġux għal ħaddiema diġa mal-Gvern jew għal persuni minn barra ukoll?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ma ħarġux applikazzjonijiet għal kors ta' drivers ta' l-ambulanzi.

Sptar San Luqa — Stennija għal testijiet

Question

Ma jaħsibx il-Ministru li meta pazjent li ma jiflaħx iħallas biex jinqeda privatament u jkollu jistenna disa' xhur sħaħ biex jarah speċjalista urologu fl-Isptar San Luqa sabiex isirulu testijiet tad-demm bħal PSA ikun qiegħed jissogra saħħtu u ħajtu bis-sistema attwali? Peress li dan it-test huwa essenzjali biex il-kanċer tal-prostata jinqabad kmieni u l-marid ifiq, pero' minkejja dan, tobba tal-familja li huma speċjalisti fil-qasam tagħhom, huma mċaħħda milli jordnaw direttament huma dan it-test li jistona ferm mal-prinċipju bażiku tal-gate keeper role ta' speċjalista tal-mediċina tal-familja li mad-dinja kollha huwa ppruvat li jnaqqas l-ispejjeż filwaqt li joffri servizz tajjeb daqs dak fil-kura sekondarja, jista' l-Ministru jagħti ċans lit-tobba tal-familja, li bħalu għandhom esperjenza kbira, sabiex jordnaw huma dan it-test, meta mbagħad tabib novell fiċ-ċentri tas-saħħa jista' jagħmel dan? Ma jaħsibx li fl-aħjar interess tal-pazjent ikun aħjar li jindirizza dawn il-prattiċi ineffiċjenti qabel jibda jaħdem l-Isptar Mater Dei?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Fejn hemm dubbju ta' kanċer, isiru l-arranġamenti immedjati (Accelerated Investigation Clinic) biex il-pazjent jarah speċjalista minnufih u ma jkun hemm ebda dewmien. Fil-każ ta' prostata jarah Urologu. Nixtieq infakkar li test tad-demm tal-prostata waħdu ma jfisser xejn iżda dan irid ikun preċedut minn eżami kliniku lill-pazjent. Meta test tal-prostata jkun mhux fin-normal dan għandu jiġi interpretat b'mod professjonali u jsirlu follow up PSA's kif ukoll possibli ssir biopsy tal-glandola. Fil-laboratorju tal-isptar San Luqa jsiru 24,243 test tal-PSA fis-sena. Pazjent li ma jiflaħx iħallas għandu servizz ta' Health Centre fejn it-tabib jinvistah bla flus u t-test isirlu hemmhekk stess b'xejn.

Mard tat-tiroide

Question

Peress li l-mard tal-glandola tiroide jaf ikun serju ħafna u f'ċerti każi jista' jgħolli l-livell tal-kolesterol fid-demm u f'każi oħra jista' jmarrad il-qalb, jista' l-Ministru jara li meta tabib tal-familja jaħseb li hemm bżonn isir test għal din il-glandola m'għandux jinħoloq tfixkil min-naħa tad-Dipartiment tas-Saħħa peress li l-marid qed ikollu jew iħallas minn butu u jinqeda privatament biex ifittex isir jaf għandux bżonn ta' kura jew inkella qed ikollu jistenna ġimgħat sħaħ, jitlef nofs ta' nhari ta' xogħol għalih u għal min iħaddmu, u sadanittant isofri minn ħafna qtiegħ il-qalb? Dan meta speċjalisti tal-mediċina tal-familja, huma ampjament kwalifikati sabiex jieħdu ħsieb dawn il-pazjenti u b'hekk ukoll jitnaqqas l-ammont ta' nies żejda riferuti lejn l-isptar. Ma jaħsibx li fl-aħjar interess tal-pazjent ikun wisq aħjar u cost effective li tobba tal-familja, li bħalu għandhom esperjenza kbira, jingħataw iċ-ċans sabiex jordnaw huma dan it-test, meta tqis li tabib novell fiċ-ċentri tas-saħħa jista' jagħmel adn? Ma jaħsibx li fl-aħjar interess tal-pazjent ikun aħjar li jindirizza dawn il-prattiċi ineffiċjenti qabel jibda jaħdem l-Isptar Mater Dei?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Preżentament isiru 144,759 (statistika 2006) test tat-Tyroid fis-sena ġewwa l-laboratorju tal-patoloġija tal-isptar San Luqa. It-test tat-Tyroid għandu jintalab fuq suspett kliniku u mhux bħala Routine Screen fuq pazjent, kif jiġri ta' spiss. Pazjent li ma jiflaħx iħallas jista' juża s-servizz tal-Health Centre fejn it-test isirlu b'xejn.