Jista' l-Ministru jara li jittieħdu passi immedjati sabiex fid-dipartiment tal-VAT l-computers, b'mod partikolari s-sistema ta' l-internet, ma tibqax tintuża għall-skopijiet ħżiena, saħansitra pornografiċi? X'possibilita' hemm li ssir investigazzjoni sabiex ma jkunx hemm abbuż bħal dan?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-internet fid-Dipartiment tal-VAT huwa limitat għal numru żgħir ħafna ta' uffiċċjali u dan biex jintuża għal skopijiet ta' nformazzjoni u aċċess ta' dokumenti relatati mal-VAT.
Bħal ma jsir f'oqsma oħra, minn żmien għal żmien isiru spezzjonijiet biex wieħed jiżgura li ma jsirux abbużi b'din il-faċilita' ta' teknoloġija moderna. Wieħed irid ikun speċifiku għal x'hiex qiegħed jirreferi. Jista' jkun, per eżempju li wieħed jirċievi affarijiet fuq l-e-mail li ma jkunx talab għalihom. Fil-fatt illum, fuq l-indirizz tal-e-mail tiegħi tal-Gvern qiegħed nirċievi propoganda tal-MLP mingħajr ma tlabt għaliha u mingħajr ma rridha.
Fejn ikun hemm abbuż, jittieħdu l-passi dixxiplinari skond ir-regolamenti.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kienu s-sigħat ta' overtime li saru matul is-sena li għaddiet mill-ħaddiema tekniċi, eċċ fid-dipartiment li jaqgħu taħt ir-responsabbilta' tad-dekasteru?
Kemm minn dawn is-sigħat tħallsu u kemm għad iridu jitħallsu?
Kemm kien in-numru ta' ħaddiema li ħadmu l-overtime u f'liema dipartiment sar dan l-over
time?
Response (DALLI, JOHN)
Nqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Jista' l-Ministru jgħid jekk is-servizz tal-fotokopji għal skop edukattiv hemmx it-taxxa tal-VAT fuqu? Jekk fl-affermattiv, minn meta daħlet fis-seħħ it-taxxa tal-VAT fuq is-servizz tal-fotokopji għal skop edukattiv?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-VAT fuq is-servizz tal-fotokopji ta' dokumenti hija ta' 15%.
Din ir-rata ta' taxxa ilha hekk sa mid-dħul tal-VAT fl-1 ta' Jannar 1995.
Jista' l-Ministru jgħid min kienu l-konsulenti li tqabbdu mill-gvern u/jew miċ-ċentru għas-servizzi finanzjarji sabiex jitħejja l-pakkett ta' liġijiet ġodda/jew aġġornati marbutin mas-settur finanzjarju?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-maġġor parti tax-xogħol, kemm ta' tfassil ta' idejat u kemm ta drafting involuti fl-abbozz numru 151, pubblikat ftit ġimgħat ilu, sar kollu mill-awtoritajiet pubbliċi konċernati. Dawn huma il-Bank Ċentrali, l-Malta Stock Exchange u l-MFSC li utilizzaw ir-riżorsi esperti tagħhom in-house sabiex jitlesta dan l-eżerċizzju. F'xi oqsma speċjalizzati, ġew użati expertise minn barra dawn l-istituzzjonijiet, u dan diġa' ġie ampjament spjegat f'risposti li ingħataw għall-mistoqsijiet preċedenti, u ċioe 17344, 24674, 24919. Barra minn hekk, Dr Anton Felice LLD u l-konsulent ingliż Mr Peter Astleford tad-ditta legali magħrufa Dechert tqabbdu sabiex jgħinu fit-tfassil tal-liġi l-ġdida dwar ir-retirement funds.
Jista' l-Ministru jgħid min qiegħed jieħu sehem min naħa tal-gvern fit-taħdidiet dwar il-privatizazzjoni tal-Freeport? Il-privatisation unit kemm hija involuta f'dan il-proċess?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li f'Jannar ta' l-2000 kien twaqqaf il-Freeport Privatisation Ad-Hoc Committee (FPAC) biex imexxi l-proċess tal-privatizzazzjoni tal-Freeport. Dan kien qabel ma' twaqqaf il-Privatisation Unit. Bħala membri tal-FPAC hemm is-sinjuri Emmanuel Ellul bħala Chairman, Edwin Muscat u Reynold Portelli. John Portelli huwa s-segretarju ta' dan il-kumitat. Dan il-kumitat kien għażel bħala konsulenti lill-Credit Suisse First Boston li kienu jmexxu konsortium ta' konsulenti li jinkludi lid-ditta legali Clifford Chance (u r-rapreżentanti lokali tagħhom Camilleri Preziosi), kif ukoll Drewry Shipping Consultants. L-FPAC kellhu wkoll bħala konsulenti lill-Mamo TCV u Arthur Andersen u r-rappreżentanti lokali tagħhom MSD & Co. bħala reporting accountants.
Fir-rigward tat-tieni parti tal-mistoqsija, jiena nfurmat li l-Privatisation Unit jinżamm nfurmat fuq dak li jkun qiegħed għaddej f'din il-Privatizzazzjoni.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma l-aħħar żviluppi dwar il-proġett ta' forti Chambray? Huwa minnu li l-gvern jixtieq li in-negozjant taljan Roberto Memmo jisganċja ruħu mill-proġett? F'hiex wasal il-proġett innifsu?
Response (DALLI, JOHN)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jgħaddi l-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Jista' l-Ministru jgħid kemm intnefqu flus mill-MIC mill-1999/2000/2001 sal-lum, sena sena? Jistsa' jgħid fiex intnefqu l-flus f'din is-sena, xahar b'xahar?
Response (DALLI, JOHN)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jgħaddi din il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Jista' l-Ministru jispjega għaliex fl-aħħar rapport annwali tal-Bank Ċentrali l-informazzjoni ppreżentata fuq chart 1.3 commodity prices, paġna 23, tasal biss sas-sena 2000 meta l-analiżi tar-rapport tikkonċerna speċifikament l-iżvilupp li seħħew matul is-sena 2001?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li ċ-chart dwar il-commodity prices f'paġna 23 fl-aħħar Rapport Annwali tal-Bank Ċentrali ma ġġibx in-numru 1.3 iżda 1.4. Din iċ-chart hija korretta fis-sens li dak li jintwera fiha jikkorrispondi ma' l-analiżi bil-miktub li tidher fl-istess paġna. Iżda minħabba żball tipografiku, ġew2 stampati s-snin 1998, 1999, 2000 fuq iċ-chart minflok 1999, 2000, 2001.
Jista' l-Ministru jgħid f'hiex waslet il-privatizazzjoni tal-bank of valletta? Ma' liema banek barranin għaddejjin it-trattattivi bħalissa?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li għadna fil-fażi tal-preparazjoni tal-bank għall-din il-privatizazzjoni, fosthom il-pożizjoni tal-Banco di Sicilia li kien ingħata 14% tal-ishma minn Gvern Soċjalista mingħajr ma ħallas ċenteżmu.
Għalhekk m'huma qegħdin isiru trattattivi ma ebda bank.
Jista' l-Ministru jgħid fl-1999, 2000 u 2001 saru xi rapporti għall-oqsma li jaqgħu taħtek mill-kumpaniji KPMG u Misco?
X'kienu dawn ir-rapporti u f'liema oqsma?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li r-rapporti li saru mill-KPMG u MISCO fis-snin imsemmija huma
Borża ta' Malta KPMG MSE-Strategy & Initiatives - 2000
Tax on Listed Securities - 2000
Draft Securitisation Legislation - 2001
Bank Ċentrali MISCO Stħarriġ dwar in-negozju f'Malta - Kull 3 xhur (ikunu ppubblikati fil-Quarterly Review tal-Bank)
Ċentru għas- MISCO Vacancies Monitoring Services - fuq bażi kontinwa
Servizzi Finanzjarji
Jista' l-Ministru jispjega għaliex il-quarterly review tal-Bank Ċentrali March 2002, li janalizza l-aħħar tliet xhur tas-sena li għaddiet, għadu ma ġiex ippublikat?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpelant li m'hemm xejn, la fil-liġi u lanqas fil-prattika, li tirregola d-data ta' ħruġ tal-Quarterly Review tal-Bank Ċentrali. Il-Quarterly Review ta' Marzu dejjem jittardja xi ftit. Dan għaliex fl-ewwel xhur tas-sena il-Bank Ċentrali jalloka l-parti l-kbira tar-risorsi li għandhom x'jaqsmu ma' l-analiżi ta' l-ekonomija u l-kitba tar-rapport, għall-preparazzjoni tar-Rapport Annwali tal-Bank li l-ħruġ tiegħu hu marbut bil-liġi u jrid ikun ippreżentat fil-Parlament kmieni fix-xahar ta' April. Għalhekk il-Quarterly Review ta' Marzu qatt ma jitlesta qabel ma jiġi ppublikat ir-Rapport Annwali. Għalhekk, per eżempju, fis-sena 2000 ġie ppublikat fit-tielet ġimgħa ta' Mejju u fis-sena 1997 il-Quarterly Review ta' Marzu ħareġ kważi fl-aħħar ġimgħa ta' Mejju.
Jien infurmat li l-Quarterly Review ta' Marzu 2002 qiegħed f'idejn l-istampatur. Għalhekk sal-ġingħa d-dieħla mistenni jkun f'idejn il-pubbliku.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex it-tender għal alternattiva iktar nadifa għall-incineratur ta' St. Luke's qed tiġi posposta kull darba?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li d-Dipartiment tal-Kuntratti għadu jistenna mingħand id-Diviżjoni tas-Saħħa rakkomandazzjoni definittiva dwar liema offerent għandu jingħata il-kuntratt imsemmi minnhu.
Jista' l-Ministru jikkonferma li billi l-gvern ikkommetta ruħu li ma joħroġx aktar bonds u stocks tal-gvern matul din is-sena finanzjarja, bosta korporazzjonijiet pubbliċi u parastatali -inkużi wħud li mistennija jiġu privattizzati fil-ġejjieni qarib - qegħdin iduru fuq banek kummerċjali, l-aktar dawk fejn għad għandu influwenza l-gvern, biex jissellef miljuni kbar għall-ħtiġijiet kapitali u rikurrenti tagħhom? Il-gvern ser jagħti l-letters of comfort u garanziji meħtieġa f'ċirkustanzi bħall-dawn? Liema huma dawn il-kumpaniji? X'inhu l-ammont totali li s-settur pubbliku u parastatali qed jipprova jissellef għall-ħtiġijiet urġenti tiegħu? Dan kollu ser iżid il-long term debt exposure tas-settur bankarju malti?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li ma teżisti l-ebda konnessjoni bejn il-fatt li l-Gvern din is-sena ma pproġettax li joħroġ stocks ġodda u xi self li jista jkollhom bżonn jirrikorru għalih entitajiet pubbliċi.
Il-policy li l-Gvern jaddotta meta tinħass il-ħtieġa li tingħata garanzija bankarja hi waħda bbażata fuq skrutinju kontinwu. Din kienet il-policy addottata wkoll mill-Amministrazzjoni preċedenti u m'hemmx xi ammont stabbilit għall-iskopijiet imsemmija mill-Onorevoli Interpellant.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta' karozzi, vannijiet u nġenji oħra li l-Ministeru u d-Dipartimenti, Entitajiet eċċ li jaqgħu taħt id-dekasteru tal-Ministeru, kellu mikrija jew le, matul is-sena li għaddiet? X'kienet is-sitwazzjoni għas-snin 2000, 1999, 1998 u 1997 separatament?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li jien m'iniex sodisfatt li l-utilita' ta' l-informazzjoni dettaljata fuq firxa ta' ħames snin mitluba fil-mistoqsija Nru. 31799 tiġġustifika li nordna li din għandha tinġabar.
Għalhekk sakemm ma ningħatax raġuni 'l għala qed tintalab, ma nara l-ebda skop li tinġabar l-informazzjoni.
Billi l-financial intelligence unit f'Malta issa ilu xi żmien li twaqqaf, jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra meta Malta mistennija tissieħeb fl-EGMONT Group of Financial Intelligence Units?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-Board tal-Financial Intelligence Unit bħalissa qiegħed fil-proċess li jimpjega l-istaff permanenti tiegħu fosthom id-Direttur. Għaldaqstant, peress li r-rappurtaġġ ta' transazzjonijiet suspettati għall-finijiet ta' money laundering għadu qiegħed isir lill-Pulizija, l-FIAU għadu ma huwiex operattiv għall-finijiet ta' l-Egmont Group. L-Egmont Group għandu kundizzjoni li biex FIU isir membru irid ikun operational. Dan ifisser li l-Unit ikun qiegħed jirċievi u jiproċessa informazzjoni. Peress li l-applikiazzjonijiet għas-sħubija fl-Egmont Group għalqu f'nofs April li għadda, Malta ma tistax tissieħeb din is-sena. Dan pero ma jfissirx li Malta ma tistax tikkopera ma FIUs li huma membri tal-Egmont Group. Tajjeb wieħed jinnota, infatti, li Malta ilha tipparteċipa bħala osservatur fil-laqgħat ta' dan il-Group għal dawn l-aħħar tliet snin. Fil-fatt Malta ser tipparteċipa fil-laqgħa li jmiss ta' l-Egmont Group fil-bidu ta' Ġunju f'Monaco.
Jista' l-Ministru jgħid min kienu l-membri tan-negotiating team fil-privatizzazzjoni tal-Maltapost?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-membri tan-Negotiating Team kienu
Is-Sur Emanuel Ellul
Is-Sur Ivan Falzon
Is-Sur Mario Mizzi
Is-Sur John Portelli
Dawn kienu mgħejunin min uffiċjali u avukati min dawn id-ditti
Mamo TCV
Schriha, Attard Montalto, Galea & Associates
Maltapost plc
MIMCOL
Jista' l-Ministru jagħti dettalji dwar l-OECD Model Agreement on Exchange of Information in tax matters li rriżulta mill-OECD global forum working group on effective exchange of information li kien co-chaired minn Malta?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-OECD Model Agreement on Exchange of Information huwa dikument pubbliku u kopja tiegħu huwa riprodott fuq il-website ta' l-OECD http://www.oecd.org/pdf/M00028000/M00028528.pdf.
Jista' l-Ministru jgħid jistax il-VAT department jagħmel kuntatt mad-diriġenti tal-kumpaniji li d-dettalji qed jintbagħtu separatament peress li qegħdin jikkontestaw parti mill-kont li ġew mitlubin iħallsu lid-dipartiment?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li ma naħsibx li għandi nagħti nformazzjoni konfidenzjali. Jekk l-Onorevoli Interpellant ikun awtorizzat mit-taxpayers allura r-risposta tingħata lilu privatament. Jekk irid jista jmur id-Dipartiment u jkun jista' jinqeda minn hemmhekk.
Jista' l-Ministru jgħid peress li l-familja li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament ma rċevietx il-ħlas lura tal-VAT fuq l-ewwel propjeta tagħhom, jista' l-Ministru jara li jsiru l-arranġamenti meħtieġa ħalli li ħlasijiet dovuti jsiru bl-aktar dewmien?
Jekk fl-affermattiv meta?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li kull talba għar-rifużjoni tal-VAT inħallsa fuq ix-xiri ta' l-ewwel propjeta għandha ssir lill-Awtorita' tad-Djar li tħaddem din l-iskema.
B'riferenza għat-tweġiba mogħtija għal mistoqsija parlamentari tiegħi nru. 33103, jista' l-Ministru jgħid jekk il-flus mitluba lura minn passiġġieri barranin tħallsux kollha? Kien hemm xi każ fl-2001 jew fl-ewwel tliet xhur ta' din is-sena fejn it-talba ġiet rifjutata? Jekk fl-affermattiv, għaliex?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-flus mitluba lura minn passiġġieri barranin ma tħallsux kollha. Bejn id-dati msemmija kien hemm 298 każ fejn ma tħallsux għar-raġunijiet li jidhru hawn taħt:
Riċevuti mhux preżentati/mhux fiskali 13
Ammont mitlub taħt il-minimu (Lm100) 86
Bla isem jew kunjom 22
Bla numru tal-passaport 48
Indirizz mhux komplut 85
Talba fuq oġġetti eżenti 25
Data fuq l-irċevuta barra d-dati taż-żjara 12
Talba fuq oġġetti kkunsidrati barra l-iskema 7
Total 298