Kemm fil-fatt huwa n-numru ta' tmiem tar-raba' u xagħri propjeta tal-Gvern Malti llum?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li l-informazzjoni li qed jitlob l-Onorevoli Interpellant s`issa qatt ma kienet tinżamm. Din l-informazzjoni tista` tinġabar billi tiġi investigata kull għalqa u art xagħri li għandu l-Gvern; eżerċizzju li kif zgur japprezza kulhadd jikkonsma ammont ta` żmien sostanzjali.
Bdiewa u raħħala — Reġistrazzjoni ta' l-art u rziezet
Question
Għaliex matul din is-sena reġa ma ġie reġistrat l-ebda progress vis-a-vis it-talbiet tal-bdiewa, raħħala eċċ, sabiex jirreġistraw taħt isimhom ir-raba' u l-irziezet li jokkupaw illum? Kemm-il applikazzjoni kien hemm fil-fatt u kemm kien id-dħul tal-Gvern minn dawn il-formalitajiet li ġew introdotti sentejn ilu?
Response (BORG, TONIO)
Il-proċess biex dawn l-applikazzjonijiet jiġu iċċekjati u vverifikati huwa wieħed kemmxejn ikkumplikat u jieħu ż-żmien. Sal-lum it-Taqsima Proprjeta` tal-Gvern ħadet ħsieb iddaħħal l-informazzjoni ta` kull applikant ġo sistema kkomputerizzata u imbagħad, b`mod gradwali ħarġet l-applikazzjonijiet li saru f`kull lokalita` għall-iskrutinju tal-pubbliku biex kull min ried jagħmel oġġezzjoni seta` jagħmel dan. Fil-fatt nista` nikkonferma li l-aħħar stadju tal-proċess ta` skrutinju għall-lokalitajiet kollha ta` Malta u Għawdex tlesta fl-aħħar ta` Ottubru li għadda. Sadanittant it-Taqsima Proprjeta` tal-Gvern, wara li kkonfermat li l-art mitluba ma kinitx fuq proprjeta` privata ħadet ħsieb biex l-art li fuqha saru l-applikazzjonijiet tiġi kollha kemm hi rreġistrata f`isem il-Gvern ta` Malta taħt l-Att dwar ir-Reġistrazzjoni ta` Artijiet. Dan il-proċess ta` reġistrazzjoni, li tlesta f`Settembru li għadda, kien proċess neċessarju għall-iskop tal-Iskema. Sadanittant ukoll id-dipartiment ried jieħu ħsieb jibda jiftaħ il-files relattivi li fihom jiddaħħlu l-applikazzjonijiet għal skop ta` pproċċessar u fil-fatt sal-aħħar tas-sena ser ikunu infetħu mal-ħamest elef file. Fis-sajf li għadda beda b`mod gradwali l-ipproċessar innifsu ta` l-applikazzjonijiet fil-lokalitajiet ta` Marsaxlokk, Wied il-Għajn, B`Bugia, Mosta, Swieqi, Żurrieq u Siġġiewi. F`dawn il-lokalitajiet kien hemm 1,068 applikazzjonijiet. Dan l-ipproċessar jinkorpora ġo fih is-soluzzjoni ta` numru ta` kwistjonijiet, inklużi applikazzjonijiet fuq xulxin, oġġezzjonijiet li saru, applikazzjonijiet fuq raba` mikrija lill-terzi, verifikazzjoni jekk l-applikazzjoni taqax fuq art li tkun tajba għall-bini jew li l-Gvern għandu bżonnha għal xi proġett u spezzjonijiet fuq il-post biex wieħed jikkonferma li l-art qed tinħadem. Wara li jiġu solvuti dawn il-materji, jiġi deċiż x`art tkun tista` tinkera, issir il-pjanta uffiċjali, jiġi ffirmat il-kuntratt ta` kiri u imbagħad jiġu updated r-records tal-proprjeta`. Fil-fatt sa issa kien hemm 59 applikazzjoni li ġew irrifjutati, u mat-290 każ fejn l-applikanti intalbu jiċċaraw il-pożizzjoni għaliex jew l-art kienet diġa` mikrija jew inkella fuqha kien hemm iżjed minn applikazzjoni waħda. Imbagħad hemm 20 każ fejn il-kuntratt tal-kiri ser ikun iffinalizzat il-ġimgħa d-dieħla. Dwar l-oħrajn għad irid isiru investigazzjonijiet mit-Taqsima Proprjeta` tal-Gvern.
Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm vetturi fil-garage tal-pulizija li huma, għat-tiswija u kemm ilhom jistennew sabiex jitranġaw? Kemm hemm vetturi li m'għadhomx jaħdmu, u kemm hemm vetturi ta' terzi li huma miżmuma fuq ordni tal-qorti?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi fil-preżent hemm 19-il vettura għat-tiswija fil-garage tal-Pulizija. Kif ġa kelli l-okkażżjoni nispjega ż-żmien sabiex issir it-tiswija jiddependi ħafna fuq l-ammont ta` tiswijiet meħtieġa. Infurmat ukoll illi hemm 68 vettura oħra li huma meqjusa bħala unservicable. Minn dawn 64 ġew mibjugħa b`sejħa għall-offerti li għalqet fis-6 ta` Novembru ta` din is-sena. Dwar l-aħħar parti tal-Mistoqsija, infurmat li hemm 13-il vettura li qed jinżammu fuq ordni tal-Qorti.
Infakkar ukoll lill-Onor. Interpellant li matul din is-sena in-numru ta` vetturi fil-Korp tal-Pulizija żdied b`7 muturi u 33 vettura oħra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien s-serqiet rapportati bejn Jannar u Ottubru ta' din is-sena. Kemm ġew rapportati li nsterqu flus u deheb? Kemm fil-fatt ġew rapportati serqiet mid-djar residenzjali?
Response (BORG, TONIO)
Dwar in-numru ta` każi irrappurtati lill-Pulizija ta` serq u ta` serq minn residenzi bejn Jannar u Ottubru 2002, nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġibiet li jien tajt għall-Mistoqsijiet Parlamentari Numri 31608, 33274, 32899, 33173, 34977, 34979, 35392, 35394, 36655 u 36657.
Dwar kemm ġew irrappurtati li insterqu flus u deheb fl-istess perijodu ninsab infurmat kif ġej:-
Flus Maltin - Lm514,854
Flus Barranin - Lm 39,038
Ġojjelli - Lm168,819
L-informazzjoni rigward il-valur ta` oġġetti misruqa huwa kif ġie irrappurtat lill-Pulizija.
Jista' l-Ministru jgħid jekk qedx isiru patrols aktar spissi fl-inħawi tal-housing estate ta' taż-Żwejt minħabba rapporti li wasluli mingħand residenti dwar problemi ta' serq u traffikar ta' drogi fl-inħawi?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi kemm l-Pulizija tad-Distrett kif ukoll dawk tal-Mobile Squad, jagħmlu ronda kemm fil-lokalita` imsemmija mill-Onorevoli Interpellant kif ukoll fit-toroq l-oħra.
Xatt f'tas-Sliema — Kamra ħdejn il-venda tal-linja
Question
Jista' il-Ministru jgħid f'hiex ser tkun tikkonsisti kamra tal-ġebel li qed tinbena fix-Xatt f'tas-Sliema ħdejn il-venda tal-karozzi tal-linja? Jista' jgħid jekk din għandhiex il-permess meħtieġa ta' l-Awtoritajiet kompetenti? Jista jgħid minn min qed tinbena?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi il-kamra li ġiet indikata mill-Onor. Interpellant ser tintuża sabiex tipprovdi fejn ser jitpoġġew makni tal-biljetti u faċilitajiet ancillari, inkluż canopy. Din il-kamra se jkollha finishing bil-panelling ta` l-injam biex jiblendja ma` l-ambjent marittimu tax-Xatt ta` Tas-Sliema. Fil-fatt din il-kamra qed tinbena mill-Awtorita` dwar it-Trasport ta` Malta skond il-permess ta` Żvilupp PA1404/02.
Jista' il-Ministru jgħid kemm intefgħu offerti għall-għoti b'ċens temporarji ta' sit f'Pembroke għall-formazzjoni ta' neighbourhood centre (ADV No: 153)?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi kien hemm offerta waħda għall-għoti b`ċens temporanju ta` sit f`Pembroke għall-formazzjoni ta` Neighbourhood Centre (Advert No. 153).
Jista' l-Ministru jikkonferma li parti mis-suffett jew saqaf fil-bini l-ġdid tal-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija ċeda? Jista' l-Ministru jgħid x'kienet ir-raġuni u għaliex ċeda meta l-bini huwa ġdid? Saru r-riparazzjonijiet? Jekk iva, kemm ġiet tiswa l-ispiża tat-tiswija.
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi ma jirriżultax li ċeda xi parti mis-suffett jew saqaf tal-kumpless il-ġdid fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija. Hemm problema fil-waterproofing tas-soqfa, b`konsegwenza li meta tagħmel ix-xita partijiet mis-soqfa joqtru u kien hemm fejn ixxarrab is-suffett. Din il-problema qed tkun segwita mill-periti tad-Dipartiment tal-Bini u Inġinerija, fit-Taqsima tax-Xogħolijiet fil-Ministeru għall-Ambjent, li kienu responsabbli minn dan il-proġett. Għalhekk għal aktar tagħrif tekniku, nissuġerixxi lill-Onorevoli Interpellant jirreferi lill-Ministru ikkonċernat.
Jista' l-Ministru jara li tlett iklieb li qegħdin ikunu ta' periklu għal pubbliku li jkun għaddejjin minn fejn il-makna tat-tarmac fit-triq li mir-Rabat tagħti għaż-Żebbuġ, Għawdex, jitneħħew?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi fuq rapport li kellha nhar it-22 ta` Novembru 2002, il-Pulizija ta` Għawdex qed tieħu l-azzjoni meħtieġa, bl-għajnuna ta` l-S.P.C.A.
B'riferenza għal mistoqsija parlamentari 36561 u r-risposta li hemm mogħtija, jista' l-Ministru jinnota li l-periklu għadu hemm sal-lum u li l-ebda rimedju ma sar sabiex l-istess ħofra fit-triq tiġi mimlija?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi wara li ħareġ l-Avviż ta` Infurzar numru ECF142/02, saru żewġ method statements sabiex is-sit li rrefera għalih l-Onor. Interpellant jitreġġa lura għal l-istat li kien. Wieħed mill-method statements sar mill-Kunsill Lokali ta` l-Għarb filwaqt li l-ieħor minn sid l-għar. L-Awtorita` taqbel ma` dawn il-method statements u issa jridu jiġu implementati. Infurmat ukoll li x-xogħol irid isir mill-Kunsill Lokali ta` l-Għarb.
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-boundary walls għoljin tal-ġebla franka li qegħdin jinbnew bħala ħitan ta' l-għelieqi bħala parti mil-bini tat-triq mis-Salini sa' San Pawl tat-Tarġa (eżatt taħt San Pawl tat-Tarġa) humiex koperti bil-permessi tal-MEPA.
B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari numru 37109, billi l-Onor. Interpellant mhux interessat ikun jaf meta l-Kummissarju tal-Pulizija ġie nfurmat bid-deċiżjoni tal-PSC, jista' il-Ministru jgħid meta tat id-deċiżjoni tagħha il-PSC?
Response (BORG, TONIO)
Kif diġa` spjegajt fit-Tweġiba tiegħi għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 37109, il-Kummissarju tal-Pulizija kien ġie infurmat bid-deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku fit-18 ta` Settembru 2002. Tagħrif dwar meta ittieħdet din id-deċiżjoni ma hux disponibbli la minn naħa tal-Korp tal-Pulizija lanqas minn naħa tal-Ministeru ta` l-Intern u l-Ambjent. Għaldaqstant nissuġerixxi lill-Onorevoli Interpellant jitlob dan it-tagħrif lill-Ministru ikkonċernat.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari numru 37117 jista' il-Ministru jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra ittra jew il-korrispondenza li l-manifatturi tal-makna, mertu tal-mistoqsija preċedenti, ma humiex ser ikomplu jipprovdu spare parts? Min huma l-manifatturi?
Response (BORG, TONIO)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta` l-ittra li rrefera għaliha l-Onor. Interpellant.
Faċilita' Korrettiva ta' Kordin — Każi ta' mard fost il-ħabsin
Question
Jista' il-Ministru jgħid jekk fil-Faċilita' Korrettiva ta' Kordin jeżistix protokoll miktub dwar proċeduri f'każi ta' mard fost il-ħabsin? Jekk fl-affermattiv, jista' l-Ministru jqiegħed dan il-protokol miktub fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (BORG, TONIO)
Nassumi li l-Onorevoli Interpellant qiegħed jirreferi għal mard infettiv.
Jekk dan hu il-każ, ninsab infurmat illi ġewwa l-Faċilita` Korrettiva ta` Kordin jintuża l-istess protocol għal mard infettiv bħal ma juża il-Ministeru tas-saħħa. F`każi bħal dawn dejjem jiġu ikkonsultati il-konsulenti relevanti tad-dipartiment tas-saħħa.
Billi waqt it-tluq tat-tellieqa tal-yachts li saret fl-24 ta' Settembru 2002 is-segretarju parlamentari għal l-isports deher fuq il-mezzi tax-xandir jispara senter taż-żewġ fil-pubbliku, jista' il-Ministru jgħid jekk is-segretarju parlamentari kellux il-permessi neċessarji mill-pulizija to use a firearm u biex jispara fil-pubbliku? Jista' il-Ministru jgħid jekk is-segretarju parlamentari kienx kopert minn insurance bħal ma jrid ikollhom dawk kollha li jużaw arma tan-nar waqt l-isport? Jista' il-Ministru jgħid ukoll kemm tressqu persuni l-qorti din is-sena għaliex użaw arma tan-nar mingħajr permess u/jew insurance u x'weħħlu f'kull każ? Jekk kien hemm permessi jista' il-Ministru jpoġġihom fuq il-Mejda tal-Kamra flimkien ma dawk li ħarġu fl-istess jum u ta' qabel?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi minn stħarriġ li għamlet il-Pulizija irriżulta illi s-senter li intuża fil-Yacht Club sabiex jagħti is-sinjal tat-tluq tal-Middle Sea Race, huwa reġistrat mal-Pulizija f`isem is-segretarju tal-Yacht Club u jintuża` għal dan l-iskop. Bħal ma jsir f`attivitajiet bħal dawn, il-munizjon użat kien blank, li bħal ma jaf l-Onorevoli Interpellant huwa differenti minn dak użat minn persuna li tkun qed iddur għal kaċċa jew sport ieħor fejn jintuża munizzjon live.
Infurmat ukoll illi bejn Jannar u Ottubru ta` din is-sena, kien hemm 83 persuna li nqabdu jduru għal kaċċa u/jew iġorru arma tan-nar mingħajr liċenzja. Minn dawn 18 kienu liberati, 44 weħlu multa, 3 ngħataw sentenza sospiża, filwaqt li 18 għad għandhom il-każ tagħhom pendenti quddiem il-Qorti.
Jista' il-Ministru jgħid jekk fil-ftehim li Malta għamlet mal-UE jistax isir insib fuq l-ispeċi li ser insemmi: Alwett, Pluvieri, Venew, Birwin, Mlievez, Malvizzuni, gamiem u summien?
Response (BORG, TONIO)
Il-ftehim ma’ l-UE huwa bażat fuq il-prinċipju li l-kaċċa u l-insib iridu isiru f’parametri li huma konformi ma’ kaċċa u insib sostennibli. Għalhekk l-insib li juża metodi li ma jidiskriminawx bejn speċi jew li juża metodi li jmorru kontra dan l-ispirtu m`humiex permissibli. Din m’għandix x`taqsam mad-direttivi biss, iżda hija ukoll prinċipju tal-konvenzjoni ta’ Berna, li l-amministrazzjoni Laburista kienet stqarret li taqbel miegħu.
Rigward l-insib għall-Gamiem (Turtle dove), s-Sumien (Quail) u l-Malvizz (Song Thrush) dan huwa permissibli.
L-insib li jsir għall-Alwetta (Skylark) isir permezz ta’ l-użu ta’ recordings. Dan il-mod ta` nsib huwa illegali skond ir-regolamenti li huma fis-seħħ aktar minn għaxar snin. Għalhekk l-Alwett jista` jiġi kkaċċjat biss iżda mhux minsub.
Fil-każ tal-Veneww (Lapwing) meta jintasab dan ukoll isir permezz ta’ recordings jew inkella Veneww ferut. Dan il-mod ta` l-insib mhux permessibli, u għalhekk f`pajjiżna il-Venew jista` jiġi kkaċċjat biss iżda mhux minsub.
Fil-każ ta’ l- insib għall-Malvizzuni (Thrushes), dan ma jsirx b`mod tradizzjonali u l-informazzjoni provduta minn kaċċaturi stess juri li l-Malvizzuni meta jpassu fil-ħarifa huma kkaċċjati u mhux minsuba.
Fir-rigward ta’ l-insib għall-Birwin (Dotterel), l-Onorevoli Interpellant għandu jkun jaf li dan l-għasfur huwa għasfur protett skond ir-regolamenti u ilu protett għal dawn l-aħħar 12 il-sena. Għaldaqstant l-kaċċa u l-insib tiegħu m`huwiex permess.
Jista' l-Ministru jaġġornani dwar il-mistoqsija parlamentari 29899 dwar is-shooting range fil-Mellieħa.
Response (BORG, TONIO)
L-appell mir-rifjut tal-applikazzjoni PA 4430/98, dwar is-shooting range fil-Mellieħa ġie aġġornat għas-27 ta` Novembru 2002 biex tingħata d-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell dwar l-Ippjanar.
Jista' il-Ministru jgħid għaliex fil-ftehim li sar bejn Malta u l-Unjoni Ewropea n-nassaba jridu jirreġistraw il-mansab tagħhom? Dan ifisser illi kull mansab se jkollu bżonn permess mill-MEPA u li kull nassab 'il quddiem irid ikollu titolu ta' l-art li fuqha jsir l-insib? Hemm ħsieb illi 'l quddiem ma jinħarġux permessi ġodda għall-imnasab u jistax nassab ikollu aktar minn mansab wieħed?
Response (BORG, TONIO)
Kull nassab liċenzjat ser ikollu obbligu li jindika l-inħawi ta` fejn jinsab il-mansab tiegħu. Ma qed tiġi introdotta l-ebda miżura oħra marbuta mat-titlu jew permess tal-mansab.
Billi kullħadd jaf illi ġo bajja li hemm bejn il-Ġnejna u l-bajja ta' Għajn Tuffieħa qed ikun hemm ħafna persuni jgħumu mingħajr malji u anki qed isiru ħafna attijiet oxxeni u ndiċenti, jista' il-Ministru jgħid kemm tressqu persuni din is-sena fuq dan l-abbuż lampanti?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi matul l-ewwel disa` xhur ta` din is-sena kien hemm żewġ persuni li tressqu quddiem il-Qorti fuq akkużi li neżgħu għarwenien jew ma kienux lebsin xieraq fil-post imsemmi mill-Onorevoli Interpellant.