Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #30294 Sitting 664 2001-12-07 Oral · Final From: JEAN PIERRE FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Intern

Bini Illegali

Question

B'riferenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari nru. 9469 li kienet ingħatat fis-17 ta' Novembru 1997 (fl-Amministrazzjoni Laburista). Jista' jagħti l-aħħar dettalji fir-rigward ta' bini illegali fi Triq it-Turretta, Santa Venera?

Response (BORG, TONIO)

Minħabba d-dewmien li t-tlett każi dwar l-iżvilupp illegali msemmi, kienu qed jieħdu fil-Qrati tal-Maġistrati, ġie deċiż fl-1999 illi l-azzjonijiet legali li kienu pendenti jiġu rritirati mill-Qorti sabiex jinħarġu avviżi tat-Twettieq taħt l-Att Nru. 1 ta` l-1992 dwar l-Ippjanar ta` l-Iżvilupp. B`riżultat ta` din id-deċiżjoni, wieħed mill-persuni nvoluti ddeċieda li jikkopera u neħħa l-iżvilupp illegali huwa stess (ECF 928/99). Fiż-żewġ każi l-oħra, l-okkupanti eżerċitaw id-dritt tagħhom skond il-liġi u applikaw sabiex l-illegalita` tiġi rregolarizzata. F`każ minnhom (ECF 991/99), id-DCC ħarġet permess (PA 2558/98) sabiex il-ħajt eżistenti jinbidel m`ieħor iżjed xieraq f`għoli t`erba` filati, bil-pilastri u ħadid 'ferro battuto', fejn ukoll kellu jitħalla iżjed wiesgħa bħala passaġġ pubbliku. Pero` l-applikant qed jikkontendi li l-permess maħruġ lilu huwa validu għal minimu ta` tlett snin u għaldaqstant għandu dritt li jagħmel ix-xogħol meta jkun konvenjenti għalih u matul il-validita` tal-permess. Min-naħa tagħha l-Awtorita` ta` l-Ippjanar tesiġi illi l-ħajt preżenti għandu jitneħħa malajr kemm jista` jkun, u dan skond l-avviż li nħareġ. L-applikant, jekk irid, jieħu ż-żmien kollu li għandu bżonn sabiex jibni dak li għandu u skond il-permess. Għaldaqstant l-każ huwa inkluż fil-lista ta` l-azzjoni diretta, liema azzjoni tittieħed appena jinstab iż-żmien opportun. Il-każ li jifdal (ECF 991/99) ser jiġi trattat bl-istess mod hekk kif il-permess PA 6676/99 li ġie approvat riċentament, jinħareġ. L-Awtorita` ta` l-Ippjanar ser tibqa` ssegwi l-każ sakemm jiġi mitmum skond il-liġi.
Leg 9 PQ #30298 Sitting 664 2001-12-07 Oral · Final From: JEAN PIERRE FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' vetturi li l-pulizija ġabret mit-toroq ta' Santa Venera fl-1999 u fis-Sena 2000?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi n-numru ta` vetturi li l-Pulizija neħħiet mit-toroq ta` Santa Venera fis-snin 1999 u 2000 kien ta` 38 u 43 rispettivament.
Leg 9 PQ #30243 Sitting 663 2001-12-07 Oral · Final From: JOSEPH M. SAMMUT To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-din il-Kamra kemm jinqata' mill-paga ta' kull uffiċjal tal-pulizija għall-fond tal-pulizija? Kemm hu l-bilanċ preżenti ta' dan il-fond? X'sar bil-flus f'dawn l-aħħar sentejn? Kemm se tingħata l-familja ta' Roger Debattista, l-pulizija li nqatel waqt il-qadi ta' dmirijietu, minn dan il-fond?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-membri tal-Korp tal-Pulizija iħallsu kontribuzzjoni kull tlett xhur u mhux tinqatalhom mill-paga. Din il-kontribuzzjoni tvarja skond il-grad u titqassam kif ġej: Grad Ammont Imħallas Lm Mutual Help Lm General Fund Lm Police Association Lm Officers` Mess Lm Kuntistabbli / Surġent 6.00 1.50 3.00 1.50 xejn Spettur 9.00 1.50 3.00 1.50 3.00 Supretendent 9.30 1.50 3.00 xejn 4.80 Ass. Kummissarju 10.05 1.50 3.00 xejn 5.50 Deputat Kummissarju 10.05 1.50 3.00 xejn 5.50 Kummissarju 10.05 1.50 3.00 xejn 5.50 Il-bilanċ preżenti tal-general fund huwa ta` Lm7,672.54. Minn dawn il-fondi, fost affarijiet oħra, jiġu finanzjati għotjiet lill-familjari ta` membri u ex membri tal-Korp u ċioe` titħallas is-somma ta` Lm1,350 lill-familja ta` membru tal-Korp li jmut waqt li jkun għadu jservi fil-Korp tkun xi tkun il-kawża tal-mewt tiegħu, jew Lm670 fil-każ ta` ex membru tal-Korp li jkun baqa` jħallas il-kontribuzzjonijiet ta` Lm6 fis-sena. Jiġu finanzjati wkoll attivitajiet soċjali u sportivi għall-membri tal-Korp u t-tfal tagħhom, kif ukoll għal ex membri tal-Korp. Minn dan il-fond, il-familja ta` Roger Debattista ingħatat is-somma ta` Lm1,350. Ma dan wiehed irid iżid li l-Kabinett iddeċieda illi jħallas somma kapitali lil armla tal-ex kuntistabbli Debattista liema somma ġiet ikkonsenjata lilha diġa. Apparti dan, l-armla tirċievi pensjoni tar-romol kemm taħt l-Att dwar is-sigurta soċjali kif ukoll taħt l-ordinanza tal-Pulizija, pensjoni speċjali għal familjari ta' min imut fil-qadi ta' dmirijietu.
Leg 9 PQ #30247 Sitting 662 2001-12-06 Oral · Final From: CHARLES BUHAGIAR To: Ministeru ta' l-Intern

PA

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopji ta' l-istudji dwar id-djar u l-faċilitajiet komunitarji li saru mill-PA?

Response (BORG, TONIO)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra 4 kopji ta` l-istudju dwar id-djar u l-faċilitajiet komunitarji li saru mill-PA. Aktar kopji ta` dawn il-policy papers jistgħu jittieħdu direttament mill-webpage ta` l-Awtorita` ta` l-Ippjanar (www.pa-malta.org).
Leg 9 PQ #30248 Sitting 662 2001-12-06 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Intern

Qawra — Fuego

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'passi ħadet il-pulizija dwar l-inċidenti fil-Fuego fil-Qawra fl-aħħar żminijiet? X'passi ħa l-Ministeru dwar l-istess inċidenti?

Response (BORG, TONIO)

Tweġiba tingħata f'seduta oħra
Leg 9 PQ #30109 Sitting 661 2001-12-06 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Intern

Talba Pendenti

Question

Jista' l-Ministru jinvestiga jekk huwiex possibli li tiġi rimedata t-talba pendenti TL/G/10/01? Jekk fl-affermattiv meta?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi din l-applikazzjoni tkun tista` tiġi konkluża meta l-applikant jagħmel ix-xogħol rikjest mill-konsulent inkarigat minnu stess.
Leg 9 PQ #30110 Sitting 661 2001-12-06 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Intern

Talba Pendenti

Question

Jista' l-Ministru jinvestiga jekk huwiex possibli li tiġi rimedata t-talba pendenti TL/V/16/01? Jekk fl-affermattiv meta?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi din l-applikazzjoni ġiet ipproċessata u l-liċenzja ilha lesta sabiex tinġabar sa mid-19 ta` Ottubru 2001, pero` l-applikant naqas li jmur jiġbor il-liċenzja mill-Għassa ta` San Ġiljan.
Leg 9 PQ #30235 Sitting 660 2001-12-05 Oral · Final From: ANGELO FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi l-posizzjoni tal-Pulizija fir-rigward tal-każijiet fejn hemm reati ta' qtil li sejrin jiġu preskritti u li sallum għadu ma tressaq ħadd suspettat bil-każi konċernati u jidhirlux l-Ministru li għandu jkun hemm pjan serju u spedjanti li b'xi mod jsiru l-isforzi kollha legali u investigattivi biex jinġiebu l-ħatjin il-qorti?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-Pulizija tibqa` tinvestiga u ssegwi kull tagħrif ġdid li jista` jinkiseb f`kull każ ta` delitt li min wettqu ikun għadu mhux magħruf. L-Onorevoli Interpellant għandu jkun jaf illi l-każijiet ta` omiċidji mhux solvuti, jibqgħu jiġu nvestigati b`mod attiv mid-Dipartiment ta` l-Investigazzjoni kriminali, li huwa responsabbli mill-investigazzjoni ta` delitti serji. Niġbed ukoll l-attenzjoni ta` l-Onor. Interpellant għall-artikolu 692 tal-Kodiċi Kriminali li jipprovdi li l-perijodu ta` preskrizzjoni ma jibdiex igħodd meta l-ħati ma jkunx magħruf.
Leg 9 PQ #30185 Sitting 658 2001-12-04 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Intern

Akkademja tal-Pulizija

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari nru. 29018, jista' jgħid il-Ministru jekk sarux l-intervisti ta' dawk li applikaw biex jidħlu fil-Korp tal-Pulizija? Jekk iva, jista' jgħid kemm daħlu? Minn dawk li daħlu kemm għandhom bejn it-18 u 21 sena? Minn liema lokalita' ġejjin ir-rekluti l-ġodda?

Response (BORG, TONIO)

L-intervisti ta` dawk li applikaw biex jidħlu fil-Korp tal-Pulizija saru bejn il-25 ta` Ottubru 2001 u s-6 ta` Novembru 2001. In-numru ta` applikanti biex jidħlu bħala kuntistabbli fil-Korp tal-Pulizija kien ta` 229, 122 irġiel u 107 nisa. Minn dawn : 55 raġel u 41 mara għaddew mill-intervista. 27 raġel u 34 mara m`għaddewx mill-intervista. 20 raġel u 22 mara kienu assenti. 12-il raġel u 7 nisa ma kienux eliġibbli. 8 irġiel u 3 nisa ma baqgħux interessati u rtiraw l-applikazzjoni. B`kollox 72 applikant kienu assenti, jew instabu mhux eliġibbli, jew ma baqgħux interessati. Bħalissa dawk li għaddew qed jagħmlu l-eżami mediku. Minn dawk li għaddew mill-intervista hemm 45 raġel u 29 mara li għandhom bejn it-18 u l-21 sena. Il-lokalitajiet li ġejjin minnhom l-applikanti li għaddew huma kif ġej: Lokalita` Irġiel Nisa Attard 1 2 B`Bugia 2 0 B`Kara 6 4 Fgura 2 0 Floriana 1 0 Għargħur 1 0 Kerċem (Għawdex) 1 0 Victoria (Għawdex) 3 1 Xagħra (Għawdex) 1 0 Nadur (Għawdex) 3 0 Għajnsielem (Għawdex) 1 0 Kalkara 1 1 Luqa 1 1 Mosta 1 3 Mqabba 1 0 Paola 2 2 Pembroke 1 0 Pieta` 2 0 Qormi 3 3 Safi 2 0 San Ġwann 3 1 Siġġiewi 2 2 San Ġiljan 1 0 San Pawl il-Baħar 1 0 Santa Luċija 2 0 Santa Venera 1 0 Tarxien 1 1 Żabbar 1 3 Żebbuġ 3 0 Żejtun 2 0 Żurrieq 2 0 Dingli 0 1 Żebbuġ (Għawdex) 0 1 San Lawrenz (Għawdex) 0 1 Gżira 0 1 Marsascala 0 1 Naxxar 0 2 Rabat 0 5 Senglea 0 1 Sliema 0 2 Valletta 0 1 Xgħajra 0 1 TOTAL 55 41
Leg 9 PQ #30186 Sitting 658 2001-12-04 Oral · Final From: HELEN D'AMATO To: Ministeru ta' l-Intern

Imġarr — Xogħol f'Garaxx

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk waslux rapporti l-għassa ta' l-Imġarr dwar xogħol li qed isir f'garaxx bejn Triq Romeo Cali u Triq San Pietru l-Imġarr (Malta)? Jekk fl-affermattiv, x'passi ttieħdu?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-Pulizija kellha xi rapporti anonimi li kien qed isir xi xogħol kif imsemmi mill-Onor. Interpellant. Dawn l-ilmenti ġew investigati, fejn irriżulta li kien qed isir xogħol fuq xi vetturi ta` sid il-garaxx stess. Peress illi l-identita` ta` min ċempel ma kienitx magħrufa, il-Pulizija ma setgħatx tistwixxi passi quddiem il-Qorti kontra s-sid talli dejjaq lill-ġirien.
Leg 9 PQ #30187 Sitting 658 2001-12-04 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Intern

Xogħol ta' Outreach

Question

Nirreferi l-Ministru għat-tweġiba tal-Viċi Prim Ministru għall-mistoqsija parlamentari nru. 29517? La l-aġenzija SEDQA sabet li l-akbar problema fiż-żona ta' Paceville hi l-konsum eċċessiv ta' alkohol minn żagħżagħ taħt l-eta' ta' sittax (16) il-sena, jista' jgħid jekk huwiex sodisfatt bix-xogħol tal-pulizija li ma qabdux biżżejjed sidien tal-ħwienet tax-xorb f'din l-aħħar sena li qed jbiegħu ix-xorb alkoholiku lil tfal taħt l-eta'? X'qed isir mill-pulizija meta jaraw dawn iż-żgħażagħ taħt l-eta' fis-sakra fit-triqat ta' Paceville u fit-triqat ta' postijiet oħra ta' divertiment?

Response (BORG, TONIO)

Bħal ma jista` japprezza l-Onor. Interpellant, fix-xogħol tal-Pulizija, wieħed qatt ma jista` jistrieħ u joqgħod fuq ix-xogħol li jkun sar biss. Ghalhekk ninsab infurmat illi l-Pulizija kienet u ser tibqa` tagħmel spezzjonijiet fil-ħwienet sabiex ma jkunx hemm abbużi. Dwar l-aħħar parti tal-Mistoqsija, hija l-proċedura stabbilita, illi fejn il-Pulizija tosserva persuna li ma tkunx fi stat li tieħu kura tagħha nnifisha minħabba li tkun taħt l-influwenza ta` xorb spirituż, din il-persuna tittieħed fl-eqreb għassa tal-Pulizija u jiġi mogħti l-assistenza meħtieġa.
Leg 9 PQ #30202 Sitting 658 2001-12-04 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru ta' l-Intern

PA

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk kienxu hemm xi applikazzjoni quddiem l-Awtorita' ta' l-Ippjanar għal xi xogħol f'Baċir No. 1? X'kien dan ix-xogħol u x'kien l-eżitu għal kull applikazzjoni?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li l-Awtorita` ta` l-Ippjanar għandha quddiemha applikazzjoni għal Master Plan għall-iżvilupp ta` Dock No. 1. L-iżvilupp jikkonsisti f`"Conversion and Rehabilitation" tal-bini eżistenti f`appartamenti u anke lokali kummerċjali. L-applikazzjoni għadha pendenti u għalhekk sa issa għad ma kienx hemm deċiżjoni.
Leg 9 PQ #30096 Sitting 655 2001-12-03 Oral · Final From: CHARLES BUHAGIAR To: Ministeru ta' l-Intern

Kera ta' Propjeta Esproprijata

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk l-iskema imħabbra fil-budget li tippermetti lil dawk li joqogħdu fi propjeta li kienet tal-Kurja li jixtru propjeta tagħhom tapplikax wkoll għal dawk il-persuni li jikru mingħand il-gvern propjeta li ġiet esproprijata mingħand il-kurja? Eżempju ta' dan hu l-każ li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament?

Response (BORG, TONIO)

L-Iskema imħabbra fil-budget ma tapplikax għal proprjeta` li nżammet mill-Knisja bħal fil-każ tal-fond imsemmi mill-Onorevoli Interpellant. Dan il-fond jinsab imniżżel f`Annex 1 u ma jirriżultax li ġie esproprijat.
Leg 9 PQ #30156 Sitting 655 2001-12-03 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Intern

Ex-Kummissarju tal-Pulizija — Mobile Phone

Question

Jista' l-Ministru jgħid kem kien il-kont ta' ħlas tal-mobile phone ta' l-ex kmmissarju tal-pulizija min Ottubru 1998 sa Ottubru 2001, xahar b'xahar?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi mir-rekords disponibbli t-tagħrif hu kif ġej:- Sena Ammont (Lm) 1998 424.87 1999 895.35 2000 1,231.39 2001* 556.74 * Sa Ottubru
Leg 9 PQ #30053 Sitting 654 2001-12-01 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari nru. 29948?

Response (BORG, TONIO)

Bħalissa m`hemm l-ebda membru tal-Korp tal-Pulizija li fiċ-ċertifikat tal-kondotta tiegħu jidhru xi reati kriminali. Hemm iżda 90 persuna minn 1,750 membru tal-Korp li qabel ma ġew reklutati kienu nstabu ħatja ta` xi reat (delitt) li minnhom 71 (78%) kienu reati relatati mat-traffiku u sewqan. Id-19 l-oħra jinkludu reati bħal feriti ta` natura ħafifa, manifattura ta` logħob tan-nar bla permess, żamma ta` snieter bla permess, ferita ta` natura gravi (persuna waħda), serq ta` cable tal-elettriku, u serq ta` inqas minn Lm10 (persuna waħda) serq t`użu ta` vettura (persuna waħda). Minħabba t-trapass taż-żmien jew il-pieni inflitti u bis-saħħa tad-dispożizzjonijiet tal-Ordinanza taċ-Ċertifikati tal-Kondotta (Cap 77) l-ebda wieħed minn dawn id-90 reat ma jidhru fil-fedina penali li jiġi rilaxxata taħt l-istess Cap 77. Għalhekk ma hux sew li tingħata l-identita` ta` dawn il-persuni li għall-finijiet tal-liġi għandhom kondotta nadifa. Hemm 58 membri tal-Korp, li wara li daħlu Pulizija, ikkommettew reat (delitt/crime). Minn dawn 33 (63%) kienu reati relatati mat-traffiku u sewqan. Il-25 l-oħra jinkludu feriti ta` natura ħafifa, ġarr ta` mus, ġarr ta` senter kontra l-liġi u ksur tar-regolamenti tal-kaċċa, ħsara volontarja, falsifikazzjoni ta` timbru (każ wieħed), xogħol ta` bini mhux skond il-permess u attruppament (każ wieħed). Anki f`dawn il-każijiet, ir-reati kollha, minħabba t-trapass taż-żmien jew il-pieni inflitti, ma jidhrux fil-fedina penali rilaxxjata taħt il-Cap 77, u għalhekk ma hux ġust li nagħti l-identita` tagħhom. Fil-każijiet kollha ta` reati kommessi wara l-reklutaġġ, ittieħdu passi dixxiplinarji, inklużi passi quddiem il-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku.
Leg 9 PQ #30074 Sitting 654 2001-12-01 Oral · Final From: CHARLES BUHAGIAR To: Ministeru ta' l-Intern

Ċittadinanza Doppja

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hux possibbli li persuna ta' wieħed u għoxrin sena imwielda l-Awstralja minn ġenituri li t-tnejn huma ċittadini Maltin, dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament tikkwalifika għal ċittadinanza doppja?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li l-persuna li dwarha qed jistaqsi l-Onor. Membru kienet saret ċittadina ta` Malta meta twieldet. Għalhekk jekk hija għexet l-Awstralja jew x`imkien ieħor barra minn Malta għal perijodu ta` mill-anqas sitt snin, hija tikkwalifika awtomatikament biex iżżomm żewġ ċittadinanzi, dik Maltija u dik Awstraljana. Iżda, jekk ma għexitx l-Awstralja għal sitt snin, hi ma tikkwalifikax awtomatikament. Fil-fatt, skond il-liġi Maltija, tista` tapplika biex takkwista mill-ġdid iċ-ċittadinanza Maltija li tilfet meta għalqet id-dsatax-il sena permezz ta` reġistrazzjoni.
Leg 9 PQ #316 Sitting 653 2001-11-30 Written · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru ta' l-Intern

Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhu l-impieg mad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili tal-persuna li d-dettalji tagħha qed nibgħat separatament? Meta ġie impjegat u kif? Jekk dan mhux impjegat x'inhi r-raġuni li din il-persuna spiss tidher qed issuq il-karozza GVN398 ta' dan id-dipartiment anki għall-qadi personali?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-persuna indikata ma hijiex impjegata mad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, iżda tattendi f`dan id-Dipartiment in konnessjoni ma` xogħol fuq it-telekomunikazzjoni meta jitqabbad mill-kumpanija li tforni dan il-materjal lid-Dipartiment. Ta`dan is-servizz isir ħlas lill-kumpanija u mhux lill-individwu. Ix-xogħol li għamel l-individwu huwa konness mal-mezzi ta` radios li jinsabu fil-vetturi tad-Dipartiment, u għalhekk jista` jkun li kien hemm drabi fejn dan kellu jsuq xi vettura.
Leg 9 PQ #29981 Sitting 653 2001-11-30 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija

Question

Jista' l-Ministru b'referenza għall-PQ 29831 jikkunsidra li jżid in-numru ta' pulizija sabiex ikun hemm aktar kontroll partikolarment fil-ħinijiet li qed ikun qed jiffrekwentaw żgħażagħ u studenti taħt it-18 il-sena?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-Pulizija diġa` qed tieħu ħsieb, sabiex ikun hemm preżenza ta` Pulizija fl-inħawi ta` Paċeville, anki l-Ħadd wara nofsinhar.
Leg 9 PQ #30027 Sitting 653 2001-11-30 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru ta' l-Intern

Spiżerija — Propjeta tal-Gvern

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-kamra li hemm fi Triq il-Mediterran, Pembroke fit-triq li hemm quddiem l-ispiżerija li tagħti lejn l-ixtajta u li bħalissa hija okkupata hijiex propjeta tal-Gvern u allura min qed jokkupa għandux il-permessi meħtieġa?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-kamra li hemm ftit il-ġewwa mit-triq li twassal għax-xatt ta` Pembroke fil-fatt hija tal-Gvern u skond ir-records tat-Taqsima Proprjeta` tal-Gvern mhix mikrija. Qed isiru l-investigazzjonijiet neċessarji sabiex jinbdew proċeduri ta` żgumbrament kontra min qed jokkupa din il-kamra illegalment.
Leg 9 PQ #30060 Sitting 653 2001-11-30 Oral · Final From: CHARLES BUHAGIAR To: Ministeru ta' l-Intern

PA — Kumitati u Kummissjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jagħti l-ismijiet tal-membri li hemm fuq il-kumitati u kummissjonijiet fl-Awtorita' ta' l-Ippjanar, inkluż tal-Bord tal-Appell?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.