Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 10 PQ #24780 Sitting 514 2007-04-17 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

MTA — Postijiet vakanti

Question

B'riferenza għat-tweġiba għal mistoqsija parlamentari 24198 dwar segment leader għall-Gozo Unit, jista' l-Ministru jgħid x'qed isir biex il-vakanza timtela'?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat illi l-internal call għall-Head tal-Gozo Unit għadha kif ħarġet.
Leg 10 PQ #24782 Sitting 514 2007-04-17 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

Bajja tal-Mellieħa

Question

Jista' l-ministru jgħid x'inizjattivi ttieħdu sena b'sena fil-bajja ta' l-Għadira, l-Mellieħa mis-sena 2003 sal-lum biex tisbieħ din il-bajja u tilqa' aħjar lill-ħafna li jmorru fiha? Jista' jgħid x'kienet in-nefqa kull sena fuq il-proġetti msemmija?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

L-Awtorità tat-Turiżmu ta' Malta ħadet ir-responsabbiltà ta’ beach monitoring mis-sajf ta’ l-2006 li primarjament tikkonsisti f’superviżjoni tal-bajja kif ukoll xogħol ta’ sand sifting. Ninsab infurmat illi n-nefqa għal dan ix-xogħol kienet tammonta għal Lm 4,238. Barra minn hekk it-taqsima tat-tindif tax-xtut fi ħdan il-Ministeru tieħu ħsieb it-tindif regolari ta’ din il-bajja. It-tindif ta’ l-alka jkompli għaddej fix-xhur tax-xitwa minbarra li jsir ġbir ta’ skart kuljum inkluż il- weekends fix-xhur tas-sajf. Ninsab infurmat illi l-ispiża approssimattiva ta’ dan ix-xogħol tlaħħaq Lm 99,513 li minnhom Lm 48,370 huma spejjeż ta’ makkinarju u Lm 51,143 huma pagi u overtime tal-ħaddiema.
Leg 10 PQ #24783 Sitting 514 2007-04-17 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

Turiżmu f'Malta

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-ministeru u/jew l-Awtorita' Maltija tat-Turiżmu għamlux analiżi tar-raġunijiet li għalihom matul is-sena 2006 ġew 73,000 anqas turisti mis-sena 2005 mir-Renju Unit, Ġermanja u Franza? Jista' jpoġġi l-analiżi, jekk saret, fuq il-mejda tal-Kamra?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

L-Awtorità tat-Turiżmu ta' Malta tagħmel analiżi kontinwa ta’ kif tkun sejra l-industrija tat-turiżmu f’pajjiżna. Din l-analiżi ssir sabiex tiggwida l-Awtorità fil-ħidma tagħha. Din il-ħidma qed twassal sabiex it-tnaqqis li semma l-Onor Interpellant qed jinbidel f’żieda. Il-Ministeru għat-Turiżmu u Kultura u l-Awtorità tat-Turiżmu ta' Malta minn żmien għal żmien jikkumentaw fuq l-andament tas-settur u jagħtu l-analiżi tagħhom. Ma naħsibx li jkun prudenti li mmorru lil hinn minn hekk u nippublikaw rapporti interni.

Safar

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 23184 u jgħid jekk żdidietx in-nefqa fuq is-safar mill-2005 għall-2006 u f'każ affermattiv, kemm kienet iż-żieda fuq l-ispiża tas-safar mill-2005 u l-2006 globalment? Jista' jgħid x'kienet ir-raġuni ta' din iż-żieda u jekk kienx hemm l-approvazzjoni ta' l-uffiċċju tal-prim ministru għat-tali spiża? Jista' jgħid min approva s-safar ta' matul l-2006?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat illi kien hemm żieda ta' Lm 74,879.02 fin-nefqa fuq is-safar tal-Ministeru għat-Turiżmu u Kultura u d-dipartimenti u entitajiet kollha li jaqgħu taħtu. Ir-raġuni għal din iż-żieda kienet li l-Awtorita' tat-Turiżmu għalqet l-uffiċini tagħha barra minn Malta u għaldaqstant l-uffiċjali ibbażati f'Malta kellhom jagħmlu s-safar meħtieġ. Dan l-eżerċizzju issarraf fi tnaqqis ta' Lm 500,000 mill-ispejjeż ta' l-Awtorita'. L-approvazzjoni tal-budget ta' l-Awtorita' sar mill-Parlament, u s-safar kien inkluż. L-approvazzjoni tas-safar matul l-2006 tal-Ministeru u l-entitajiet saret kif ġej: Ministeru - Segretarju Permanenti Awtorita' tat-Turiżmu ta' Malta - Executive Chairman (Jannar sa Awissu) - CEO (Settembru sa Diċembru) Heritage Malta - CEO (Jannar sa Settembru) - Chairman (Ottubru sa Diċembru) Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali - Acting Superintendent Kunsill Malti għall-Kultura u l-Arti - Kap Eżekuttiv Fondazzjoni Ċentru għall-Kreattivita' ta' San Ġakbu - Chairman/General Manager Orkestra Nazzjonali - Chairman Teatru Manoel - Chairman Dar il-Mediterran għall-Konferenzi - Chairman u l-Bord
Leg 10 PQ #24767 Sitting 513 2007-04-16 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

Każ dwar ittra.

Question

Jista' l-Ministru jgħid xi tweġibiet ta għall-mistoqsijiet imqajma fl-ittra tal-persuna li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat illi kien hemm konverżazzjoni permezz tat-telefon bejn is-Segretarjat tal-Ministeru għat-Turiżmu u Kultura u l-persuna li bagħtet l-ittra li għalija qed jirreferi l-Onor interpellant. Ninsab ukoll infurmat illi l-persuna ikkonċernata tkelmet ma' l-uffiċjal fi ħdan l-Awtorita’ Maltija għat-Turiżmu li huwa responsabbli mill-qasam speċifiku imsemmi fl-ittra. Barra minn hekk, ittieħdu ukoll il-passi meħtiega sabiex il-kwistjoni imqajma fl-ittra tiġi riżolta fl-iqsar żmien possibli u mill-informazzjoni li għandi l-ewwel fażi tax-xogħol in kwistjoni tlestiet.
Leg 10 PQ #24771 Sitting 513 2007-04-16 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

MTA — Self catering accomodation

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex is-settur ta' l-akkomodazzjoni self-catering tħalla barra mill-portal il-ġdid li nidiet l-Awtorita' Maltija tat-Turiżmu f'Diċembru li għadda? Meta se jiddaħħal dan is-settur biex ma jibqax jitlef negozju kif qed jiġrilu mindu tħalla barra?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat illi l-ewwel fażi tat-tagħrif fuq stabbilimenti self-catering fil-portal ta' l-Awtorita' tat-Turiżmu issa tlestiet. Il-portal issa jinkludi lista ta' l-istabilimenti self-catering liċenzjati. Il-lista tinkludi dettalji bħan-numru tat-telefon, e mail u fax. Aktar 'il quddiem, dawn ukoll se jidaħħlu fis-sistema ta' online booking tal-portal, simili għall-dik tal-lukandi.
Leg 10 PQ #24813 Sitting 513 2007-04-16 Oral · Final From: JOSÈ HERRERA To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

Malta Tourism Authority — E Booking Portal

Question

Jista' l-Ministru jispjega kif ingħatat l-ordni biex tiġi allokata l-iżvilupp tas-sit elettronika tal-Malta Tourism Authority magħruf bħala E Booking Portal? Jista' jgħid għaliex ma ġietx maħruġa tender? Lil min ingħatat din l-ordni biex jiżviluppa l-E Booking Portal? X'verifiki għamlet il-Malta Tourism Authority qabel ma ngħatat l-allokazzjoni? U kemm ġiet tiswa din l-ordni diretta?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Nirreferi l-Onor. Interpellant għar-risposti li ngħataw għall-Mistoqsijiet Parlamentari Numru 23507 u 23668. Barra minn hekk, ninsab infurmat li minħabba n-natura speċjalizzata tax-xogħol involut, u l-urġenza tal-proġett intalbet l-awtorizzazzjoni tal-Ministru tal-Finanzi għall-approvazzjoni ta’ direct order wara proċess dettaljat tal-għazla kif spjegat fir-risposti ndikati.
Leg 10 PQ #24924 Sitting 513 2007-04-16 Oral · Final From: ROBERT ARRIGO To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

Sliema — Slielem max-Xatt

Question

Jista' l-Ministru jinfurmani d-data meta se jkunu f'posthom is-slielem li jkunu max-xatt kollu f'Tas-Sliema? Jekk dawn se jkunu b'rung ieħor biex jiffaċilitaw it-tlugħ u l-inżul tan-nies, kemm se jitwaħħlu? Min hu responsabbli fi ħdan il-Malta Tourism Authority għal dawn is-slielem, u kemm hemm nies jaħdmu f'kull grad f'din it-taqsima?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Għandi pjaċir ninforma lill-Onor interpellant illi numru konsiderevoli tas-slielem max-xatt f'Tas-Sliema diġa twaħħlu f'posthom u illi l-kumplament tax-xogħol ser jitkompla fil-ġimgħat li ġejjin. Dan ix-xogħol beda għal nofs Marzu u qed isir min żewġ ħaddiema fil-grad ta' General Hand fi ħdan id-Dipartiment tat-Turiżmu. Dawn is-slielem twaħħlu b'tali mod illi l-pubbliku jkollu aċċess għall-baħar iktar komdu. Ta' min jinnota li Ta' Sliema huwa wieħed mill-postijiet fejn l-aktar hemm slielem u railings imwaħħlin, kif ukoll li ser jitwaħħlu sellum u railing ġodda fejn kien hemm ix-Chalait . F'dan ir-rigward nirreferi lill-Onor interpellant għall-istqarrija għall-istampa li l-Ministeru għat-Turiżmu u Kultura diġa kien ħareġ fuq dan is-suġġett fit-2 ta' April 2007.
Leg 10 PQ #24469 Sitting 512 2007-03-28 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

Host Families — Liċenzji

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhu n-numru ta' host families li bħalissa huma liċenzjati biex jospitaw barranin f'darhom? Kemm trid titħallas bħala liċenzja? Jista' jgħid ukoll kemm minn Settembru 2006 sa Frar 2007 sar spezzjonijiet fi djar hekk liċenzjati? Kemm instabu li kissru l-liċenzja? X'passi ttieħdu?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat illi sal-15 ta' Marzu 2007, 421 familja talbu u ngħataw liċenzja ta' host family sabiex jospitaw barranin f'darhom. Il-liċenzja għal dawk il-host families li jakkomodaw sa żewġ barranin f'daqqa hija ta' Lm20 fis-sena, filwaqt li għal dawk li jakkomodaw sa erba' barranin f'daqqa il-liċenzja hija ta' Lm40 fis-sena. Għal dawk f'Għawdex, minn din is-sena hemm tnaqqis ta' 25% fuq dawn ir-rati. Mit-18 ta' Settembru 2006 sa l-aħħar ta' Frar 2007, saru tmien spezzjonijiet fid-djar hekk illiċenzjati. Fl-ebda każ minnhom ma ġie osservat ksur ta' liċenzja.
Leg 10 PQ #24485 Sitting 512 2007-03-28 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

Turiżmu — Statistika

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk fl-istatistika dwar it-turiżmu għan-numru ta' bed nights u infiq fis-settur, l-Maltin li jqattgħu weekend breaks fil-lukandi jkunux inklużi fl-ammonti?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat illi l-istatistika maħruġa mill-Uffiċju Nazzjonali ta' l-Istatistika (NSO) tirreferi biss għal turiżmu internazzjonali u għaldaqstant ma tinkludix ċifri ta' turiżmu domestiku.
Leg 10 PQ #24603 Sitting 511 2007-03-27 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

Low Cost Carriers Policy

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi t-tour operator policy tal-gvern fil-kontest tal-low cost carriers policytiegħu?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Il-mod kif joperaw it-tour operators u kif jaħdmu il-low cost carriers huwa ferm differenti. Il-Gvern jagħraf id-differenzi fundamentali li jeżistu fl-operat ta' dawn iż-żewġ mudelli li jiġġeneraw it-turiżmu lejn Malta u għaldaqstant jaddotta strateġiji differenti li l-iskop tagħhom huwa li jimmassimizza r-ritorn għal Malta għal fondi investiti.
Leg 10 PQ #24604 Sitting 511 2007-03-27 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

Blue Flag Status

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'qed isir mill-gvern biex jikseb Blue Flag Status għall-bajjiet limitati li għandna, speċjalment fid-dawl ta' l-avvanzi li saru f'dan ir-rigward fi stati li ħarġu mill-ex Jugoslavja kif ukoll fit-Turkija?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li evalwazzjoni dettaljata ta’ kwalifikazzjoni għal status ta’ Blue Flag kienu saru dwar il-Bajja ta’ San Ġorġ f’San Ġiljan, tal-Perched Beach ta’ Buġibba u tal-Bajja tal-Mellieħa (Għadira). L-istatus ta’ l-applikazzjonijiet hu kif ġej:- Bajja ta’ San Ġorġ Kemm l-applikazzjoni, kif ukoll ir-rapport finali ġew sottometti lill-organizzazzjoni magħrufa internazzjonali. Qed nistennew konferma tal-għotja ta’ l-istatus. Perched Beach ta’ Buġibba L-applikazzjoni sħiħa għandha tiġi sottomessa din is-sena wara l-esperjenza tas-sajf u ta’ l-ewwel sena sħiħa ta’ operazzjoni. Bajja tal-Mellieħa Dan is-sajf ser naħdmu fuq programm li għandu jwassalna biex din il-bajja fil-futur tikkwalifika għal status ta’ Blue Flag.
Leg 10 PQ #24605 Sitting 511 2007-03-27 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

Qasam Turistiku

Question

Jista' l-Ministru jgħid xi studji regolari qegħdin isiru biex jiġi evalwat il-ħin kollu l-element kompetittiv ta' pajjiżna fil-qasam turistiku b'paragun ma' kompetituri oħra diretti minn tagħna?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat illi l-Awtorita' tat-Turiżmu twettaq numru ta' studji biex tiġi evalwata l-kompetittivita tad-destinazzjoni. Isir brochure analysis ta' tour operators ewlenin biex l-offerta ta' Malta tiġi mqabbla ma' dik tal-kompetituri. Barra minn hekk qed isir studju dwar tour operator profiling biex b'mod kontinwu tinġabar informazzjoni dwar żvillupi fl-istrateġiji tat-tour operators u l-impatti fuq id-destinazzjoni. Kull xahar issir analiżi biex il-performance tat-turiżmu f'Malta tiġi mqabbla mar-riżultati ta' kompetitutri fil-Mediterran. B'mod kontinwu isiru studji mat-turisti li jżuru Malta biex tinġabar informazzjoni dwar l-esperjenza tat-turist fid-destinazzjoni inkluż anke informazzjoni dwar il-kompetittivita ta' Malta fil-qasam ta' prezz, prodott u servizz.
Leg 10 PQ #24655 Sitting 511 2007-03-27 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

Turiżmu

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hux qed issir evalwazzjoni ta' l-effetti fuq pajjiżna lill-merger tal-first choice u Thomson? X'passi qed jittieħdu biex nilqgħu għal dawn l-effetti fuq it-turiżmu tagħna?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat illi l-għaqda bejn il-First Choice u Thomson qiegħda tkun evalwata f'dawn il-ġranet mill-Awtorita' Maltija tat-Turiżmu. L-Awtorita' miexja l-quddiem fil-pjani ma' dawn l-operaturi, mhux biss għal din is-sena, imma wkoll għas-snin li ġejjin.
Leg 10 PQ #24658 Sitting 511 2007-03-27 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

MTA — Online booking

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se jittieħdu l-passi meħtieġa biex fil-portal ta' l-awtorita' Maltija tat-turiżmu jidħol tagħrif u faċilitajiet għal booking on line għal stabbilimenti self-catering, għax bħalissa mhumiex hemm u qed jitilfu ħafna bookings u negozju?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat illi dawk il-kategoriji ta' akkomodazzjoni turistika li bħalissa mhumiex preżenti fuq il-portal ta' l-Awtorita' Maltja tat-Turiżmu se jiġu introdotti fil-ġimgħat li ġejjin, kif kien maħsub fil-pjan oriġinali ta' implimentazzjoni. Ix-xogħol fuq dan diġa' beda u qed jingħata prijorita' sabiex jitlesta fl-iqsar żmien possibli. Il-portal se jinkludi lista ta' l-istabbilimenti ta' l-akkomodazzjoni, mqassma skond il-kategorija, kif ukoll konnessjoni diretta permezz ta' link ma' l-indirizz tal-e mail u mas-sit elettroniku ta' l-istabbiliment. Hemm il-ħsieb li, aktar 'il quddiem, dawn ukoll jiddaħħlu fis-sistema ta' l-online booking tal-portal, simili għall-dik tal-lukandi.
Leg 10 PQ #24556 Sitting 510 2007-03-26 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

Safar

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 23184 u jgħid jekk żdidietx in-nefqa fuq is-safar mill-2005 għall-2006 u f'każ affermattiv, kemm kienet iż-żieda fuq l-ispiża tas-safar mill-2005 u l-2006 globalment? Jista' jgħid x'kienet ir-raġuni ta' din iż-żieda u jekk kienx hemm l-approvazzjoni ta' l-uffiċċju tal-prim ministru għat-tali spiża? Jista' jgħid min approva s-safar ta' matul l-2006

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

L-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.
Leg 10 PQ #24601 Sitting 510 2007-03-26 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

MTA — Marketing Plan

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Marketing Plan ta' l-MTA huwiex lest u jekk le, meta mistenni jitlesta?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Nassumi li l-Onor. interpellant qed jirreferi għall-pjan tal-2008 - 2010. Ninsab infurmat illi dan il-pjan mistenni li jkun lest f'Awissu ta' din is-sena.
Leg 10 PQ #24602 Sitting 510 2007-03-26 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

Charter Traffic

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma l-aħħar xejriet fiċ-charter trafficlejn pajjiżna? Dan żdied jew kiber? X'inhuma l-kummenti tal-ministeru dwar dan?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat illi fl-aħħar sena iċ-charter traffic naqas b'madwar 13% u dan jirrifletti ukoll trends internazzjonali. Għal dan is-sajf, iċ-charter traffic mhux mistenni jonqos bl-istess ritmu fil-fatt qed jiġi smat li ser jonqos b'madwar 7%. Tour operators jieħdu allokazzjonijiet fuq titjiriet bi skeda u din tiffaċilita aktar flessibilita' fl-operat. Barra minn hekk vjaġġaturi qed jużaw aktar minn qatt qabel titjiriet bi skeda u kumpanniji ta' l-ajru low fare. Dan minħabba li ħafna bookings qed isiru diretti mill-individwi mal-linji ta' l-ajru.
Leg 10 PQ #23768 Sitting 509 2007-03-21 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

Thomsons Airline

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li Thomsons qed iġibu żewġ titjiriet fil-ġimgħa minflok 20 titjira bit-turisti li kienu jġibu lejn pajjiżna fis-sajf?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

L-Onorevoli interpellant m’huwiex qed jagħmel riferenza ċara għal liema snin jew perjodi qiegħed jirreferi għalihom meta jsemmi t-titjiriet li jopera t-Thomson lejn Malta. Ninsab infurmat illi li joħrog mill-analiżi ta’ slots reġistrati fl-Ajruport huwa li Thomsons joperaw medja ta’ 4 titjiriet fil-ġimgħa matul is-sajf u ta’ 2 titjiriet fil-ġimgħa fix-xitwa permezz tal-linja tal-ajru tagħhom. Jirriżulta ukoll li t-titjiriet operati mill-linja tal-ajru ta’ Thomson’s Thomson Fly (qabel magħrufa bħala Brittannia ) qegħdin jonqsu, iżda dan it-tnaqqis huwa akkumpanjat minn żidiet sostanzjali ta’ seat allocations li Thomsons qegħdin jagħmlu mal-linja nazzjonali l-Air Malta. Ta’ min isemmi li madwar għoxrin sena ilu Thomsons kienu tassew joperaw numru kbir ta’ titjiriet permezz tal- Brittannia , iżda dak kien żmien meta d-dipendenza ta’ Malta fuq dan l-operatur kienet ferm akbar. Illum fis-suq Ingliż insibu numru ħafna akbar ta’ operaturi, fosthom speċjalisti, li żdiedu l- market share tagħhom. Dan minbarra l-fatt li l-profil tat-turist Ingliż lejn Malta qiegħed dejjem jinbidel, riżultat ta’ xejriet ġodda ta’ kif in-nies jivjaġġaw.
Leg 10 PQ #24399 Sitting 509 2007-03-21 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

Turiżmu u Kultura — Kiri ta' vannijiet u trakkijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm inkrew vannijiet u trakkijiet bid-driver u mingħajr, mill-ministeru u enti oħra li jaqgħu taħtu matul is-sena 2006 sal-lum, xahar b'xahar, u jgħid l-ispiża x'kienet f'kull każ u mingħand min saret il-kirja?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat illi l-kiri ta' vannijiet u trakkijiet matul l-2006 sal-lum kien kif jidher fit-tabelli li qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra. Ta' min jinnota li parti sostanzjali mill-ammont totali ta' Lm 93, 605.35 tikkonsisti fl-ispiża tal-kirja tal-makkinarju li jintuża għat-tindif tax-xtut.