Legislature:
Category:
Reset
Active:

Transport Malta – reduced hours

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk persuna li qegħda bir-reduced hours fi ħdan Transport Malta, tistax taħdem nhar ta' Sibt mid-dar u tieħu l-ħlas bħala overtime?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li dawk l-impjegati li jkun ingħatalhom permess sabiex jaħdmu sigħat imnaqqsa jkunu ntitolati għal ħlas ta’ sahra kemm-il darba huma jattendu għax-xogħol aktar mill-medja ta’ erbgħin (40) siegħa li normalment jaħdmu matul il-ġimgħa. Għalhekk dak li qiegħed jistaqsi dwaru l-Onor. Membru jista’ jseħħ biss jekk l-impjegat konċernat l-ewwel jaħdem erbgħin siegħa f’dik il-ġimgha partikulari.

Transport Malta – Grievances Board — Chairman

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min kien iċ-Chairman tal-Grievances Board ta' Transport Malta? Kif intgħażel dan iċ-Chairman? Kemm tħallas ta' dan ix-xogħol?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ċ-Chairman ta’ dan il-Bord kien Dr. Silvio Debono. Dr Debono ntgħażel abbażi tal-esperjenza u l-kwalifiki tiegħu f’dan il-qasam.

Transport Malta – Grievances Board — membri

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min kienu l-membri tal-Grievances Board ta' Transport Malta? Kif intgħażlu dawn il-membri? Kemm tħallsu ta' dan ix-xogħol, membru membru separatament? Jista’ jgħid x' karigi jokkupaw dawn il-membri fiċ-ċivil/awtorità jew f'kumpaniji privati?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-membri tal-Grievances Board ta’ Transport Malta kienu: Dr Silvio Debono Mr Joshua Zammit Dr Aron Mifsud Bonnici Il-membri ntgħażlu abbażi tal-esperjenza u l-kwalifiki tagħhom f’dan il-qasam.

Transport Malta — promozzjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ingħataw promozzjonijiet ġewwa Transport Malta, xahar b'xahar, minn Marzu 2013 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ jgħid f'liema grad kienu qabel ma ngħataw dawn il-promozzjonijiet kif wkoll f'liema grad jinsabu llum?

Response (MIZZI, JOE)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra, il-lista mitluba mill-Onor. Interpellant.

Skema għall-Konverżjoni għal-LPG — vetturi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hawn vetturi li daħlu għall-iskema tal-Konverżjoni għal-LPG sa minn meta din bdiet topera?

Response (MIZZI, JOE)

Ninsab infurmat li sa’ l-aħħar ta’ Diċembru 2016, l-ammont ta’ vetturi li daħlu għall-iskema tal-Konverżjoni għal-LPG huma s-segwenti: Sena Ammont 2013 61 2014 306 2015 250 2016 249

Karozzi bl-LPG – xogħlijiet minn installers

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk instabux karozzi fit-toroq Maltin li jaħdmu bl-LPG mingħajr ma sar xogħol fuqhom minn Installers awtorizzati? X’passi ttieħdu?

Response (MIZZI, JOE)

Ninsab infurmat illi meta vettura tiġi konvertita biex taħdem bl-LPG minn persuna awtorizzata mir-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma (REWS), din il-modifika tiġi nnotata fuq iċ-ċertifikat tar-reġistrazzjoni tal-vettura maħruġ minn Transport Malta. Ninsab ukoll infurmat illi mill-ispezzjonijiet li twettqu fuq vetturi fit-toroq Maltin mill-uffiċjali ta’ infurzar ta’ Transport Malta, ma nstabu ebda vetturi li ġew konvertiti biex jaħdmu bl-LPG u li ma kellhomx din il-modifika innotata fuq iċ-ċertifikat tar-reġistrazzjoni tagħhom.

LPG – installers mingħajr awtorizzazzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk instabux Installers tal-LPG tal-vetturi, mingħajr ma għandhom l-awtorizzazzjoni, u x’passi ttieħdu?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi l-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Reserved Parkings

Question

Jista' l-Ministru jgħid fejn ingħataw reserved parking lokalità b'lokalità, bejn l-1 ta' April 2013 u l-15 ta' Jannar 2017?

Response (MIZZI, JOE)

L-informazzjoni mituba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Il-Gżira – Is-Savoy — bus stop u bus shelter

Question

Jista’ l-Ministru jara li jiġi rranġat il-bus stop u l-bus shelter li hemm wara n-niżla tas-Savoy direzzjoni lejn il-Gżira u jerġa’ jiġi kif suppost?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ir-Request for Proposals li ħarġet Transport Malta fir-rigward ta’ installazzjoni ta’ Bus Shelters ġodda, fil-preżent qiegħed fi stadju ta’ aggudikazzjoni. Huwa ippjanat li ġaladarba jiġi identifikat il-kuntrattur il-ġdid jibda il-proċess ta’ twaħħil ta’ bus shelters li fosthom hemm il-bus shelter imsemmi f’ din il-Mistoqsija.

Il-Qawra – Front — globi

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'qed iżomm lill-Ministeru milli jerġgħu jinxtegħlu mill-ġdid il-globi li hemm madwar il-front ta' Buġibba u l-Qawra? Filwaqt li wieħed jifhem li l-manutenzjoni trid issir, jista' jieħu l-passi meħtieġa biex dawn il-globi jinxtegħlu fl-iqsar żmien possibbli?

Response (MIZZI, JOE)

Jien infurmat li d-dwal li għad hemm fil-post, saret il-manutenzjoni meħtieġa tagħhom u nxtegħlu. Għal dawk l-arbli li tneħħew, u oħrajn li jridu jinbidlu, ħarġet tender biex isiru oħrajn ġodda u b'hekk jinbidlu l-arbli dekorattivi kollha tul il- promenade . Fit- tender ġew inklużi wkoll partijiet mill- promenade li qabel ma kellomx fanali tad-dawl dekorattivi.

Iż-Żurrieq – proċess biex Triq Wied Babu tingħaqad ma’ Vjal l-Indipendenza

Question

Jista’ l-Ministru jgħarraf lil din il-Kamra jekk matul din is-sena hux se jseħħ il-proċess sabiex Triq Wied Babu tingħaqad ma’ Vjal l-Indipendenza fiż-Żurrieq?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-Mistoqsija tieghu lill-Ministru kkonċernat.

Birkirkara – Triq Fleur-de-Lyds u Triq l-Indjana — żebgħa tal-box square

Question

Jista’ l-Ministru jgħid hemmx il-ħsieb li terġa’ tinżebagħ il-box square fl-intersection bejn Triq Fleur-de-Lys u Triq l-Indjana f’Birkirkara?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-refreshing ta’ din il-box junction qiegħda fuq il-lista ta’ xogħlijiet li jridu jsiru minn Transport Malta. Dawn ix-xogħlijiet isiru skont prioritajiet nazzjonali, fondi pubbliċi u l-proċess tal-akwist.

Mosta – roundabout

Question

B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 30360 fejn il-Ministru talabni nirreferi l-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat, jista' l-Ministru jirrispondi l-istess mistoqsija ladarba kienet Transport Malta li talbet lill-MEPA, illum PA, sabiex mal-awtorizzazzjoni tal-permess ta' żvilupp l-istess PA timponi fuq Lidl il-kundizzjoni li bl-ispiża tiegħu huwa jibni r-roundabout li rreferejt għaliha fil-mistoqsija parlamentari? Jista' jgħid x'passi qed tieħu Transport Malta sabiex tara li r-roundabout li ntalbet fil-fatt issir, u dan sabiex f’dik it-triq ikun hemm aktar sigurtà?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari 30360. Addizzjonalment ninfurmah li r-rwol konsultattiv ta’ Transport Malta fuq kwalunkwe’ applikazzjoni għal permess ma jagħtix lill-istess Awtorita’ setgħat eżekuttivi. L-Awtorita’ ta’ l-Ippjanar, bħala l-entita’ li ħarġet il-permess u bħala l-entita’ li tinforza l-permess għandha s-setgħat eżekuttivi flimkien mal-Kunsill Lokali li huwa risponsabbli minn din it-triq.

Mosta – Triq il-Kostituzzjoni – restaurants li joħorġu mwejjed u siġġijiet f’parking bays

Question

Jista’ l-Ministru jieħu l-passi permezz ta’ Transport Malta (TM) sabiex issir evalwazzjoni rigward il-possibbilità li fi Triq il-Kostituzzjoni l-Mosta ssir speed camera u traffic calming measures ladarba l-istess TM approvat applikazzjoni sabiex restaurants joħorġu siġġijiet u mwejjed f’parking bays fl-istess triq?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor.I nterpellant illi talbiet għal Speed Cameras għandhom jiġu sottomessi lil LESA. Fir-rigward għal Traffic Calming Measures, it-talba għandha tiġi sottomessa mill-Kunsill Lokali u jindika x’tip ta’ miżuri qiegħed jipproponi.

Toroq residenzjali – veloċità massima

Question

Jista’ l-Ministru jieħu l-passi sabiex issir reevalwazzjoni rigward kemm għandha tkun il-veloċità massima tat-traffiku f’toroq residenzjali li qed ukoll ikunu wżati kemm minn mechanical wheelchairs ladarba dawn ma jistgħux jużaw il-bankini kif ukoll xi drabi minn ommijiet li jkollhom it-tfal tagħhom fi prams jew push chairs u dan bil-għan li t-toroq residenzjali jkunu aktar safe?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-veloċita’ massima f’toroq residenzjali tiġi evalwata każ, każ, a-bażi tal-policies eżistenti tal-Awtorita’.

Xemxija u l-Mellieħa — xogħlijiet

Question

B'referenza għal domandi preċedenti dwar il-proġett tat-TEN-Ts bejn ix-Xemxija u l-Mellieħa, billi skont dawn l-istess domandi din il-parti tat-triq mhux ser isir xogħol fuqha permezz ta’ dan il-proġett, jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk hux ser jintużaw fondi nazzjonali biex ikun jista' isir ix-xogħol meħtieġ f'dawn l-istess inħawi?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġibiet mogħtija għall-Mistoqsijiet Parlamentari 30326, 29316, 29030, 28939, 28879, 28755, 25905, 20473, 20171

Transport Malta – vacancy għal Assistant Maritime Enforcement Officer

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux minnu li Transport Malta ħarġet vacancy għal Assistant Maritime Enforcement Officer? Jista’ jgħid jekk din il-vacancy ingħatatx lill-persuna li għandha familjari tagħha, jaħdmu fl-uffiċċju taċ-Chairman ta' Transport Malta?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li din il-persuna ġiet ingaġġata permezz ta’ sejħa pubblika u għandha il-kwalifiki kif ukoll ir-rekwiżiti l-oħra kollha msemmija fis-sejħa maħruġa. Madanakollu mhux minnu li din il-pożizzjoni mtliet minn persuna li għandha familjari jaħdmu fl-uffiċċju taċ-Chairman ta' Transport Malta.

Transport Malta — promozzjonijiet

Question

B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 25481, jista’ l-Ministru jipprovdi l-lista tal-promozzjonijiet kollha li ngħataw u jindika liema minnhom kienu promozzjonijiet li ngħataw wara li kellhom jimtlew pożizzjonijiet vakanti ta' impjegati li tterminaw l-impjieg (replacement) u liema minnhom ingħataw minħabba ristrutturar fi ħdan l-Awtorità? Min huma l-persuni li ħadu dawn il-promozzjonijiet?

Response (MIZZI, JOE)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra, il-lista mitluba mill-Onor. Interpellant, bil-gradi rispettivi kif ukoll jekk il-ħatriet kienux għall-ragunijiet ta’ ristrutturar jew promozzjonijiet.

Transport Malta – ilmenti dwar it-toroq

Question

B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 21718, jista’ l-Ministru jgħid kif wasal għall-konklużjoni li min jagħmel l-ilment ma’ jipprovdix l-indirizz personali tiegħu meta dawn fil-maġġor parti tagħhom jibagħtu l-ilmenti permezz ta' e-mail jew b’ittra reġistrata?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li kif indika hu stess parti sostanzjali tall-ilmenti jintbagħtu permezz ta’ email. F’dan il-każ l-indirizz tal-persuna li tindika l-lokalita’minn fejn dan joriġina mhux bilfors tkun mniżżla f’email.