Legislature:
Category:
Reset
Active:

E-Europe fl-informatika — Twaqqif ta' public private partnerships

Question

Jista' il-Ministruj għid jekk hemmx xi ħsieb li jitwaqqfu xi PPP's - public private partnerships fil-kontest tal-E-Europe fl-informatika?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li fl-implimentazzjoni ta' proġetti relatati mat-teknoloġija ta' l-informazzjoni l-Gvern ma' jeskludix li jidħol f'arranġamenti ta' public private partnerships.

MIA — Inċident ta' ajruplan ta' l-Air Malta

Question

Jista' il-Ministru jgħid fiex waslet l-inkjesta li qed issir mill-Air Malta fuq l-inċident ta' l-ajruplan ta' l-Air Malta li ħabat ma' arblu fl-ajruport internazzjonali ta' Malta? Min huma l-membri/esperti maħtura biex jagħmlu din l-inkjesta u għandhomx żmien sakemm għandhom jikkonkludu din l-inkjesta?

Response (GATT, AUSTIN)

Jiena nfurmat li l-inkjesta interna mistennija tkun konkluża sas-16 ta' Marzu 2004.

Madliena — Triq il-Prekursur - Bozoz

Question

Jista' il-Ministru jinforma lill-korporazzjoni Enemalta biex jitwaħħlu d-dwal fi Triq il-Prekursur, fil-Madliena fejn diġax' jeżistu arbli tad-dawl u t-triq tinsab fid-dlam?

Response (GATT, AUSTIN)

Jiena nfurmat li t-twaħħil ta' lampi ġodda hija r-responsabilita' tal-Kunsill Lokali, issa li dan ix-xogħol ġie devolut lill-istess Kunsill.

Pembroke — Istallazzjoni ta' dawl ġdid

Question

Jista' il-Ministru jinformani jekk huwiex veru li l-korporazzjoni Enemalta mhix se tagħmel istallazzjonijiet ġodda ta' dawl f'Pembroke, f'zoni li huma mudlama ħdejn kumplessi sportivi u f'zoni residenzjali? Jista' jgħid jekk huwiex veru li ħafna mid-dawl f'Pembroke għadu ta' żmien l-Ingliżi u għalhekk il-kunsill ma jistax jistalla dawl ġdid hu?

Response (GATT, AUSTIN)

Jiena nfurmat li r-responsabilta' ta' twaħħil ta' lampi ġodda issa saret parti mir-responsabiltajiet tal-Kunsill Lokali bħala parti mill-proċess tad-Devoluzzjoni. Mhux minnu li ħafna mid-dwal tat-toroq għadhom ta' żmien ia-servizzi Ingliżi. Tibdil ta' bozoz jista' jsir mill-Kunsill Lokali b'koordinazzjoni ma' l-Enemalta.

Bordijiet u Kummisjonijiet — Perċentwal ta' nisa u rġiel

Question

Jista' il-Ministru jagħti l-perċentwali ta' nisa u rġiel fuq bordijiet u kummissjonijiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu għas-sena 2003? Jista' jagħti wkoll il-perċentwal ta' nisa u rġiel li jiċċerjaw dawn il-bordijiet u kummisjonijiet?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Kumpaniji parastatali — Ħaddiema

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk hux minnu li hemm ħaddiema minn kumpanija parastatali li ħadu somma ta' irtirar u wara ftit sabu impjieg ma' kumpanija parastatali oħra?

Response (GATT, AUSTIN)

Jiena nfurmat li ħaddiema li ġew offruti somma ta' rtirar tħallew fil-liberta li jsibu xogħol ieħor kemm fil-privat kif ukoll mas-settur pubbliku.

E-Europe 2005

Question

Jista' il-Ministru jgħid kif jinkwadra l-progress ta' pajjiżna fl-informatika fil-kontest tal-E-Europe 2005 mid-term review?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-progress ta' pajjiżna fil-kuntest ta' l-eEurope 2005 huwa wieħed tajjeb. Il-Gvern Malti kien l-ewwel, fost il-pajjiżi li ser jissieħbu fl-UE f'Mejju 2004, li ssottometta il-kwestjonarju dwar l-eEurope mid-term review. Fit-temi kollha msemmija fl-eEurope 2005 il-Gvern Malti rraporta r-riżultati ta' numru ta' proġetti li ġew jew qed jiġu attwati. Il-Gvern Malti esprima wkoll il-viżjoni tiegħu fuq numru ta' temi li ġew imqajjma f'dan il-"mid-term review".

Interopability between computers & third generation mobile phones

Question

Jista' il-Ministru jgħid kif qiegħed jilqa' il-gvern għall-isfida tal-interopability bejn il-computers u t-third generation mobile phones - (3G)?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Gvern qiegħed josserva l-iżviluppi kollha li qed iseħħu f'dan il-qasam u - kif għamel dejjem - jiżgura li jżomm it-teknoloġiji tiegħu konformi ma' l-ogħla standards ta' interoperabilita' kemm f'pajjiżna kif ukoll fuq bażi internazzjonali.

Access għall-informatika

Question

Jaħseb il-Ministru li f'pajjiżna huwa possibbli li l-access għall-informatika jkompli jonqos fil-prezz ħalli tkompli tingħeleb id-digital divide?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li meta mqabbla ma pajjiżi oħra Malta għandha prezzijiet kompetittivi ħafna għall-aċċess għall-informatika. Madankollu l-Gvern ser ikompli jara kif ikabbar l-aċċess għat-teknoloġija fosthom billi jistudja metodi alternattivi kif wieħed jiddetermina l-prezz għall-aċċess ta' l-Internet u kif għandu jkabbar l-aċċess tat-teknoloġija għal dawk li jifilħu l-inqas. Madankollu l-Gvern mhux bi ħsiebu li jintervjeni direttament f'dan il-qasam minħabba li dan issa huwa settur liberaliżżat.

Każ dwar servizz ta' dawl

Question

Jista' il-Ministru jispjega kif persuna li m'għandha l-ebda titolu fuq razzett setgħet tapplika u tingħata s-servizz tad-dawl u kif meta l-persuna li lilha jgħajjat l-istess razzett talbet li jitwaqqaf dan is-servizz, dan ma sarx? Id-dettalji qed jingħataw separatament.

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Ministeru għat-teknoloġija ta' l-informazzjoni — Kiri ta' affarijiet

Question

Jista' il-Ministru jgħid fil-preżent kemm hu n-numru ta' kirjiet ta' vannijiet, karozzi, trakkijiet, gafef, għamara, mobile phones, photocopiers, computers, pjanti, eċċ. li għandu l-ministeru u d-dipartimenti/entitajiet li jaqgħu taħt id-dekastru tal-ministeru? Kemm hi r-rata tal-kirja kull ġurnata f'kull każ separatament? Fil-preżent, kemm hi ċ-ċifra taż flus tal-kontijiet pendenti li l-ministeru u l-entitajiet għandhom iħallsu għal dawn il-kirjiet? Kemm kienet in-nefqa globali ta' dawn il-kirjiet matul is-sena li għaddiet? Jista' jinformani kemm kienet in-nefqa globali għal karozzi u għamara ġdida li nxtrat matul is-sena 2003?

Response (GATT, AUSTIN)

Peress li jidher li l-informazzjoni dettaljata li qed jitlob l-Onorevoli Membru fil-Mistoqsija tiegħu mhux se twassal għal xi titjib fl-amministrazzjoni pubblika ta' pajjizna jew għal xi benefiċċju relevanti ieħor, ma naħsibx li l-ħin estenziv li jinħtieġ f'kull Ministeru u Dipartiment sabiex tinġabar l-informazzjoni mitluba ikun ġustifikat u ċertament huwa ħin li jista jintuza aħjar. L-Onorevoli Membru għandu jikkunsidra jagħmel mistoqsija aktar iffokata u ristretta.

Malta Shipyards — Xogħol ta' tindif

Question

In vista li kumpanija privata ġiet imqabbda tagħmel xogħol fil-Malta Shipyards, jista' il-Ministru jgħid kemm ġew rekordjati siegħat idle mill-impjegati tal-Malta Shipyards u għax ma tqabbdux inaddfu huma flok tħallew ma jagħmlu xejn?

Response (GATT, AUSTIN)

Jiena nfurmat li l-arranġamenti għal tindif minn kumpanija privata huma ta' natura temporanja, sakemm ikun konkluz kuntratt mal-MIMCOL li għandha numru ta' ħaddiema taħt ir-responsabilita' tagħha. Meta ħaddiema mhux qed ikollhom xogħol kummerċjali qed jingħataw xogħol ieħor ta' maintenance.

Investigazzjoni fuq kuntrabandu

Question

Jista' il-Ministru jgħid u jikkonferma jekk il-persuna ndikata separatament kienx investigat mill-awtoritajiet matul dawn l-aħħar 12-il xahar fuq kuntrabandu u każ simili ta' żejt u dan fejn hemm involuti wkoll Cassar Shipyards?

Response (GATT, AUSTIN)

Napprezza jekk l-Onor. Interpellant jindika min huma l-'awtoritajiet' li għalihom qed jirreferi biex inkun nista nagħmel l-investigazzjoni neċessarja.

Ħal Lija — Qtugħ fil-provvista tad-dawl

Question

Jista' il-Ministru jgħid għaliex żoni ġewwa Ħal Lija kienu bla dawl għal aktar minn sittax (16) il-siegħa bejn il-5.15 ta' fil-għodu sa 9.40 ta' fil-għaxija nhar il-Ħamis 29 ta' Jannar 2004? Jista' jgħid ukoll għaliex mar id-dawl fl-istess inħawi darbtejn oħra fl-għaxar tijiem ta' qabel? Jaf il-Ministru li kien hemm ilmenti mal-Enemalta Corp. dwar ħsara li saret f'xi tagħmir domestiklu minħabba dan il-qtugħ jew meta reġa' ġie d-dawl? Kien hemm talbiet għal-kumpens?

Response (GATT, AUSTIN)

Jien infurmat li parti minn Ħal Lija kienet bla dawl fid-29/01/2004 minħabba ħsarat fuq is-sistema tal-High Voltage fis-substation ta' Lija St Andrew's fejn kellu jinbidel it-transformer u l-conncetors tiegħu. Fil-25/01/2004 u fil-28/01/2004 partijiet miż-żona effetwata fid-29/01/2004 kienu bla dawl minħabba overloading fuq is-sistema ta' vultaġġ baxx. L-Enemalta ma kellha l-ebda talba bil-miktub għall-kumpens.

Enemalta — Talbiet għall-kumpens

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm kien hemm talbiet għal kumpens mill-Enemalta minħabba ħsara li kkawżat minħabba qtugħ fl-elettriku fl-2003? Jista' jgħid kemm intlaqgħu minn dawn it-talbiet? X'tagħmir ġie affetwat?

Response (GATT, AUSTIN)

Jiena nfurmat li matul 2003 l-Enemalta rċeviet 4 talbiet għall-kumpens minħabba ħsara li ġiet ikkawżata minn qtugħ fl-elettriku. Minn fost dawn it-talbiet ma ġiet milqugħa l-ebda waħda. Normalment qtugħ fl-elettriku ma jaffettwa l-ebda 'appliances' jew tagħmir ieħor.

Ħ'Attard — Riħa tad-drenaġġ

Question

Jista' il-Ministru jivverifika minn fejn ġejja r-riħa qawwija tad-drenaġġ fl-inħawi ta' l-isptar Monte Carmeli, f'Ħ'attard u jara li tittieħed azzjoni sabiex dan l-inkonvenjent jiġi eliminat?

Response (GATT, AUSTIN)

Jiena nfurmat li r-riħa tad-drenaġġ fl-inħawi li semma l-Onor. Interpellant kien minħabba sadd fil-mejn tad-drenaġġ li ħiereġ mill-isptar Monte Carmeli li issa infetaħ.

WSC — Korsijiet għall-ħaddiema

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 3952, jista' il-Ministru ġentilment jgħid jekk il-korporazzjoni għas-servizzi ta' l-ilma tagħmilx internal courses għall-fitters jew pipe workers għall-ħaddiema tagħha? X'courses torganizza il-korporazzjoni għax-xogħol u taħriġ?

Response (GATT, AUSTIN)

Jiena nfurmat li l-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma għandha l-Istitut tat-Teknoloġija ta' l-ilma li jipprovdi programmi sħaħ ta' taħriġ lil impjegati tagħha kollha u oħrajn. Il-fitters tal-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma qed isirilhom taħriġ kemm bażiku u aġġornament kif ukoll avvanzat. Apparti minn on-the-job training qed isir kors ta' taħriġ fl-elettriku lill-fitters u taħriġ ieħor f'pipe laying u maintenance. Għadhom kif saru sensiela ta' workshops u konferenza immexxija minn esperti barranin fejn il-fitters tal-Kororazzjoni setgħu jipparteċipaw. Għadu kif sar Training Needs Analysis u se jitwettaq programm ta' taħriġ għal tlett snin li ġejjin fejn l-enfasi se tkun fuq multi-skilling. Apparti taħriġ fis-sena tagħhom l-impjeġati jistgħu igawdu minn taħriġ ieħor tekniku u ta' supervizjoni f'kull livell anke dak universitarju.

WSC — Investigazzjonijiet f'residenza privata

Question

Jista' il-Ministru jgħid fejn waslu l-investigazzjonijiet li qed tagħmel il-korporazzjoni għas-servizzi ta' l-ilma fir-rigward ta' l-inkonvenjent li dejjem qed jiżdied fil-fond li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament?

Response (GATT, AUSTIN)

Nirreferi l-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari 3072 (Novembru 2003). L-aħħar investigazzjonijiet li saru jindikaw li l-ilma li dwaru sar l-ilment ma kienx ġej mis-sistema tad-distribuzzjoni tal-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma iżda x'aktarx minn bir ta' terzi li hu viċin il-fond imsemmi.

Problema tad-drenaġġ f'residenza privata

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk hemmx xi żviluppi dwar il-problema tal-familja li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, minħabba d-dħul tad-drenaġġ fil-kamra tas-sodda, problema li ilha għaddejja għal dawn l-aħħar tliet snin?

Response (GATT, AUSTIN)

Nirreferu l-Onorevoli Interpellant għat-tweġibiet li ngħataw għall-Mistoqsijiet Parlamentari Nru 2090 u 3073.