Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra x'xogħol sar u kemm intefqu flejjes fit-tisbiħ tal-Promenade ta' Tas-Sliema u kemm dam biex dan isir?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li x-xogħol ta' tisbiħ fuq il-promenade ta' Triq it-Torri f'Tas-Sliema sar f'fażijiet kif jidher hawn taħt. Fost ix-xogħol estensiv li sar, insemmu l-pavimentar ġdid, railings, bankijiet, dwal dekorattivi u 'verges' bil-ħamrija fejn tħawwlu siġar u pjanti.
Bejn Ottubru 1999 - Ġunju 2000 tlestiet il-promenade minn ħdejn il-Fortizza sa fejn it-Torri fl-ewwel fażi tal-proġett.
Bejn Ottubru 2000 - Ġunju 2001 tlestiet it-tieni fażi minn fejn it-Torri sa faċċata tal-Kunvent tal-Karmnu. Permezz tax-xogħlijiet f'din il-fażi il-promenade kien aċċessibli kollu għal pubbliku fl-aħħar ta' Ġunju 2001.
L-uniċi xogħlijiet li ma tlestewx fit-tieni fażi kien ix-xogħol fuq il-kiosk tal-ħadid fondut f'Fond Għadir u l-area ta' madwaru, nkluż il-monument ta' tifkira. Dan ix-xogħol flimkien mar-restawr tat-Torri ta' San Ġiljan, pavimentar ta' madwaru u x-xogħol estensiv fuq il-playing field ta' fejn it-Torri , tlestew bejn Ottubru 2001 u Ġunju 2002.
In-nefqa fuq il-proġett li tinkludi kuntratti, materjal u overtime tal-ħaddiema kienet kif jidher hawn taħt:
1999 Lm 90,651.
2000 Lm 456,152.
2001 Lm 560,374.
2002 (sa 6/8/02) Lm 175,780.
------------------
TOTAL Lm1,282,957.
------------------
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra liema xogħol ta' tisbiħ sar sabiex jiġu msebbħa l-playing fields li hemm ġewwa t-torri u ġnien l-Indipendenza, Sliema u jistax jingħad kemm flejjes intefqu u jekk kienx hemm ukoll installazzjoni ta' sistemi ġodda ta' dawl?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li l-playing field ta' fejn it-Torri ġie 'upgraded' fuq disinn ġdid li kien jinkorpora 'play equipment' b'disinn modern u tapiti ta' 'safety material' kuluriti. Saret ukoll sistema ta' dwal dekorattivi ġodda. Ġiet ukoll irranġata l-latrina pubblika biex tinkludi faċilitajiet għal nies bi bżonnijiet speċjali.
Il-parti l-kbira tax-xogħol saret minn ħaddiema tat-Taqsima tax-Xogħlijiet inkluż ix-xogħol ta' pavimentar. Is-'safety material' sewa Lm17,564. Il-'play equipment' sar mid-Dipartiment tal-Manifattura u Servizzi u l-ħlas għalih sar mill-Kunsill Lokali ta' Tas-Sliema.
Il-playing field fi Ġnien Indipendenza ġie rranġat. Saret manutenzjoni tal-'play equipment' u ġew irranġati l-passaġġi. Twaħħlu wkoll dwal dekorattivi.
Dan ix-xogħol sar kollu minn ħaddiema fit-Taqsima tax-Xogħlijiet.
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra xi spejjeż intefqu u x'xogħol sar sabiex jinbidlu l-bankini fuq in-naħa residenzjali ta' Triq it-Torri Sliema?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li x-xogħol li sar fuq in-naħa residenzjali ta' Triq it-Torri, Sliema kien jikkonsisti f'bankini ġodda, rilokazzjoni tas-servizzi kollha u 're-surfacing' u 're-instatement' tal-wiċċ tat-triq bit-tarmak kif meħtieġ. Ix-xogħol sar in kollaborazzjoni mad-Dipartiment tat-Toroq fil-Ministeru tat-Trasport u Komunikazzjoni. In-nefqa fuq dan ix-xogħol kienet kif jidher hawn taħt:
L-Ewwel Fażi
Kurduna, servizzi u wiċċ ġdid tat-triq bit-tarmak
minn fejn il-Fortizza sa Fond Għadir Lm 52,233.
Pavimentar ġdid fil-bankini (minn ħdejn il-Fortizza sat-Torri) Lm 29,059.
'Reinstatement' tat-trinek (minn Fond Għadir sat-Torri) Lm 18,431.
Sar xogħol fuq il-bankini u servizzi minn ħaddiema
tal-Gvern (minn Fond Għadir sat-Torri)
It-Tieni Fażi (minn ħdejn it-Torri sa ħdejn il-Kunvent tal-Karmnu)
Sar xogħol fuq il-bankini u servizzi minn ħaddiema tal-Gvern
Pavimentar ġdid fil-bankini Lm 12,720.
'Reinstatement' ta' trinek Lm 5,709.
----------------
Valur Totali ta' xogħol bil-kuntrattur Lm118,152.
----------------
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm intefqu flus sabiex issir public convenience ġdida ħdejn Ferro Beach Sliema?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li l-latrina pubblika ħdejn Ferro Beach, Sliema kellha tinbena mill-ġdid għax dik li kien hemm kienet ta' ostakolu għall-veduta fuq il-promenade. Saret ukoll sistema ġdida tad-drenaġġ b'pompi ġodda u sentina taħt l-art. In-nefqa totali fuq ix-xogħol kollu kienet tammonta għal madwar Lm46,118.
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra x'xogħol ta' restawr sar fit-Torri ta' Tas-Sliema u kemm dam sabiex dan isir u kemm intefqu flejjes?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li x-xogħol ta' dan it-Torri beda f'Jannar 2001 u spiċċa fi Frar 2001. Ix-xogħol ikkonsista f'tibdil ta' ammont żgħir ta' ġebel li kien spiċċa għal kollox u kien ta' periklu għan-nies li jippassiġġaw regolarment f'dan il-post, tindif tal-faċċati minn tikħil ta' cement li kien sar fil-passat, tberfil tal-fili u tiswija ta' ħafna ġebel li ma kellux għalfejn jinbidel. Ix-xogħol ġie jiswa madwar Lm11,000.
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra liema ħidma twettqet u kemm intefqu flus fit-tkomplija tat-tisbiħ tax-xatt ta' l-Exiles f'Tas-Sliema?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li x-xogħol tat-tkomplija tat-tisbiħ tax-Xatt ta' l-Exiles f'Tas-Sliema kien jikkonsisti f'dan li ġej:
Ġunju - Lulju 2000 - Sar proġett konġunt ma' l-Awtorita' tat-Turiżmu li kien jikkonsisti f'tindif tax-xtajta u l-blat, pavimentar fil-passaġġi, railings u tined ta' l-injam u dwal dekorattivi. Il-materjal għal dan ix-xogħol inxtara mill-Awtorita' tat-Turiżmu u t-Taqsima tax-Xogħlijiet provdiet il-ħaddiema biex isir dan ix-xogħol.
Għal ħabta ta' Mejju ta' din is-sena reġa' nbeda xi xogħol fuq il-passaġġi li issa mistenni jitkompla f'Ottubru li ġej.
Jista' l-Ministru jgħid l-ammont ta' overtime li inħadem u x'ħin inħadem mis-senior technical officer li qiegħed fil-ministeru u li d-dettalji dwaru qegħdin jingħataw separatament fil-ġranet li ġejjien, kull ġurnata separatament: 23/10/01, 27/10/01, 6/11/01, 18/11/01, 21/11/01, 26/11/01, 30/11/01, 21/12/01, 22/12/01, 4/1/02, 8/1/02, 26/1/02, 5/2/02, 16/2/02, 23/2/02, 26/2/02, 17/3/02, 18/3/02, 6/4/02, 9/4/02, 23/4/02, 24/4/02, 11/5/02, 14/5/02, 29/5/02?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li l-ammont ta' overtime li nħadem mis-Senior Technical Officer imsemmi huwa kif jidher hawn taħt:
2001 2002
DATA SIGĦAT DATA SIGĦAT
23/10 5 04/01 4
27/10 8 08/01 4
06/11 6 26/01 8
18/11 0 05/02 2
21/11 5 16/02 8
26/11 5 23/02 8
30/11 5 26/02 4
21/12 0 17/03 0
22/12 0 18/03 2
06/04 8
09/04 2
23/04 5
24/04 2
11/05 8
14/05 2
29/05 5
Jista' l-Ministru jgħid meta hu maħsub li jerġa' jittella' ċ-ċint f'Sant Iermu biswit l-akkademja tal-pulizija fil-Belt?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li l-post imsemmi mill-Onorevoli Interpellant jaqa' taħt il-ġurisdizzjoni tal-Pulizija u għalhekk nitolbu jagħmel din il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija 34923, jista' jieħu l-passi kollha meħtieġa biex issir it-tindif meħtieġ fl-Exiles (fl-inħawi tal-kamra tas-sajjieda) peress li hemm numru ta' postijiet maħmuġa speċjalment bi fdalijiet ta' xogħol ta' kostruzzjoni li sar riċentament?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li t-tindif bejn l-Exiles u s-Surfside qiegħed isir kuljum fuq bażi regolari nkluż is-Sibtijiet u l-Ħdud fis-siegħat bikrin ta' filgħodu.
B'riferenza għall-avviż nru. 75/2002 imħabbar fil-gazzetta tal-gvern nru. 17, 236 bid-data ta' l-10/5/02 dwar xogħlijiet ta' drenaġġ fi Triq id-Deheb Fin, Qormi, jista' l-Ministru jgħid f'hiex jikkonsisti dan ix-xogħol u jekk sa llum tlestiex u jekk ma tlestiex, meta se jitlesta?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li dan ix-xogħol tlesta f'Lulju li għadda.
B'riferenza għall-avviż nru. 13/2002 kif ippublikat fil-gazzetta tal-gvern tad-29/1/02 dwar xogħlijiet tad-drenaġġ f'Ħaż-Żebbuġ, is-Siġġiewi, Ħal-Lija, u Ħal Qormi, x'inhuma x-xogħlijiet indikati u f'liema area huma f'Ħal Qormi? X-xogħlijiet saru?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li x-xogħlijiet li kienu maħsuba li jsiru f'Ħal-Qormi bl-avviż numru 13/2002 kienu fi Triq il-Biegħa u parti minn Triq 10 ta' Settembru, iżda peress li l-main tad-drenaġġ irid jgħaddi minn propjeta privata, u l-art għad mhix żviluppata, jridu jsiru 'easements' minn ġo din il-propjeta. Dawn qed isiru sabiex jitħaffef il-proċess.
Fil-fatt din l-estensjoni ma saritx, għalkemm kienet inkluża fil-kuntratt u l-kuntrattur ma tħallasx ta' dan ix-xogħol.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li jintbagħtu xi kunsillieri jżuru pajjiżi oħra biex jaraw kif taħdem "engineered landfill"? Liema kunsilliera mil-liema inħawi se jintbagħtu? Fejn se jintbagħtu? Liema "engineered landfills" se jżuru?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Nirreferi l-Onorevoli Interpellant għall-klawsola numru 1.1.43 tat-tender li ħareġ il-Gvern, imsejjaħ Integrated Solid Waste Management Project, u li bħalissa hemm konsultazzjonijiet dwaru ma' tliet konsozji. Din il-klawsola tirrikjedi li l-kuntrattur magħżul għandu, meta mqabbad mill-Gvern, jagħmel arranġamenti għal żjajjar f'pajjiżi oħra fejn metodi simili għall-immaniġġjar, trattament, proċessar u rimi ta' skart huma diġa' eżistenti. Dawn iż-żjajjar huma maħsuba għal dawk il-kunsilliera li huma nvoluti direttament max-xogħol ta' engineered landfill.
S'issa l-Kunsill Lokali tan-Naxxar biss wera x-xewqa li jżur faċilitajiet simili f'pajjiżi oħra, u l-ħsieb huwa li delegazzjoni minn dan il-Kunsill iżżur engineered landfill, landfill f'pajjiż ieħor u sit ta' Civic Amenity.
Jista' l-Ministru jgħid kemm il-ħaddiem ġie rrapurtat li ma kienx fuq xogħolu fid-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu f'dawn l-ewwel sitt xhur tas-sena? X'kien xogħolhom? X'passi ttieħdu?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li matul l-ewwel sitt xhur ta' din is-sena kien hemm 73 każ ta' ħaddiema li ma nstabux fuq il-post tax-xogħol.
Minn dawn il-ħaddiema hemm 47 li huma Industrijali, 17 ħaddiema Tekniċi, 7 Latrine Attendants u 2 kenniesa.
Sa llum 25 minnhom ma nstabux ħatja, 15 għad għandhom il-każ pendenti, 4 ingħataw twissija bil-miktub, 4 skolpaw lilhom infushom, 23 ingħataw twissija serja, wieħed weħel ġurnata sospensjoni u ieħor weħel ħamest' ijiem sospensjoni.
Nieħu l-opportunita' ta' din it-tweġiba biex nerġa' nirreferi wkoll għall-Mistoqsija Parlamentari numru 33829, u nispjega li ċ-ċifra preċiża ta' ħaddiema li bejn is-sena l-oħra u l-aħħar ta' Ġunju 2002 ma nstabux fuq il-post tax-xogħol hi ta' 257.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ilu li twaqqaf id-door numbering section? Kemm hemm nies jaħdmu f'din is-section? X'inhuma l-gradi ta' dawn l-impjegati? Taħt liema direttur taqa' din is-section?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li d-Door Numbering Unit twaqqfet fl-1995 u taqa' taħt ir-responsabbilta' tad-Direttur Ġenerali tax-Xogħlijiet. F'din il-Unit hemm jaħdmu sbatax-il ħaddiem u l-gradi tagħhom huma kif ġej:
1 Uffiċjal fi Grad 8
1 Technical Officer
1 Assistant Officer
6 Time-Keepers
1 Senior Tradesman
1 Meesenger II
4 General Hands
2 Lab. Drivers
Jista' l-Ministru jgħid kemm ħaddiema impjegati mal-gvern kienu involuti fix-xogħlijiet ta' tisbiħ li saru ta' Sliema, u San Ġiljan bejn Ottubru 2001 sa l-aħħar ta' Ġunju 2002? Kemm uffiċjali tekniċi kienu involuti f'dan ix-xogħol? Min huma u kemm thallsu kull wieħed f'overtime? Kemm il-direttur kienu involuti f'dawn ix-xogħlijiet? Kemm il-periti kienu involuti wkoll?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li n-numru ta' ħaddiema mpjegati tal-Gvern li ħadmu fuq ix-xogħol ta' tisbiħ li saru f'Tas-Sliema u San Ġiljan bejn Ottubru 2001 u l-aħħar ta' Ġunju 2002 kien jammonta għal 144.
Kien hemm tlett Diretturi mit-Taqsima tax-Xogħlijiet li kienu nvoluti f'dawn ix-xogħlijiet, filwaqt li n-numru ta' periti kien:
Disinn 2
Xogħol fuq is-sit 2
L-uffiċjali tekniċi nvoluti f'dan ix-xogħol u kemm tħallas kull wieħed minnhom f'overtime jidhru fil-lista li qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra.