Jista' l-Ministru jgħid fiex waslu t-tħejjijiet biex isir jogging track fil-Park ta' Ta' Qali kif kien tħabbar mill-Ministru preċedenti?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li wara li reġat ġiet eżaminata l-proposta li ssir jogging track kien deċiż li din ma ssirx u minflok ser jiżdiedu l-faċilitajiet għall-familji billi jitwaħħlu numru ta’ picnic tables ġodda u jsir titjib ieħor kif ikun il-bżonn.
San Pawl il-Baħar – materjal f’wiċċ il-baħar tul il-kosta
Question
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk l-istess ministeru, jew xi dipartiment/ awtorità li taqa' taħtu, b'mod partikulari l-Awtorità dwar l-Ambjent, irċevewx xi rapporti dwar materjal f'wiċċ il-baħar, matul il-kosta fl-inħawi ta' San Pawl il-Baħar? Jista' jagħti tagħrif dwar x'investigazzjonijiet saru dwar dan? X'irriżulta sa issa?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li wara li kien hemm xi indikazzjonijiet ta' materjal f’wiċċ il-baħar matul il-kosta fl-inħawi ta’ San Pawl il-Baħar, hekk kif irrappurtati fil-midja, Uffiċjali mid-Direttorat ta’ Akkwakultura marru fuq il-post biex jittieħdu numru ta’ kampjuni ta’ dan il-materjal. Dan sar sabiex id-direttorat ikun jista’ jara’ jsirux testijiet sabiex tiġi stabbilita il-kompożizzjoni kimika, li għandha tgħin biex ikun jista’ jiġi identifikat l-oriġini ta’ dan il-materjal. Ninsab informat li dan il-fenomenu jista’ jiġi kkawżat minn aġenti jew sustanzi diversi, inklużi fenomenu naturali u għalhekk qed jiġu riċerkati diversi tipi ta’ testijiet, inklużi wkoll il-laboratorji specċjalizzati li jagħmluhom. Huwa biss wara li jsiru dawn it-testijiet li wieħed ikollu l-indikazzjoni meħtieġa dwar minn fejn seta’ oriġina biex jittieħdu l-passi kollha meħtieġa, kif ukoll biex ikun żgurat li ma jkunx hemm repetizzjoni.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'tip ta' moniteraġġ jagħmel il-Ministeru għal dak li jikkonċerna t-tkabbir tal-ħut fil-fish farms madwar Malta u Għawdex?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-fish farms huma obbligati jagħmlu anali¿i regolari kemm tal-ilma ta' madwar il-farms, kif ukoll tal-qiegħ ta' taħt il-gaġeġ.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk kienx hemm rapporti ta' xi mard ġdid partikulari għal dak li jikkonċerna s-siġar tal-frott f'Malta Għawdex, matul din is-sena? Jekk iva, x'kien il-mard li fil-fatt instab, u x'passi ttieħdu mill-Ministeru dwar dan?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li matul din is-sena ma kienx hemm interċezzjonijiet u sejbiet ġodda ta’ mard fuq siġar tal-frott u lanqas kien hemm xi pesti emerġenti, kemm f’Malta kif ukoll f’Għawdex.
B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 26373, jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk għar-rigward l-irziezet imsemmija ġietx identifikata art fejn jistgħu jiġu rilokati, u jekk iva, x’passi u proċeduri qegħdin jittieħdu?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lil Onor. Interpellant li giet identifikata art fejn l-irziezet imsemmija fir-risposta għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 26373 jkunu jistgħu jiġu relokati. Din l-art tinsab fil-limiti tas-Siġġiewi. Fuq din l-art, il-Gvern kiseb permess ‘outline development’ u bħalissa qiegħed fil-proċess li jissottometti applikazjoni ‘full development’ għal dan il-proġett ta’ rilokazzjoni.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex fl-isteering committee għad-Dwejra li għadu kif twaqqaf wara tliet snin li tħalla mhux attiv, m’hemmx rappreżentant tal-Kunsill Lokali ta' San Lawrenz li fil-konfini tiegħu taqa' d-Dwejra? Jista' jgħid għaliex fuq dan il-kumitat, in-numru ta' Maltin fuqu huwa ferm akbar min-numru ta' Għawdxin meta se jieħu ħsieb sit f'Għawdex? Jista' jispjega għalfejn pereżempju hemm rappreżentant tal-MHRA u mhux tal-Gozo Tourism Association?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor Interpellant li l-kumitat inżamm iffukat fuq Awtoritajiet, Ministeri u Dipartimenti nazzjonali għal dan is-sit li huwa ta’ importanza nazzjonali u internazzjonali. Dan il-Kumitat ser ikollu konsultazzjoni mal-Kunsilli Lokali u entitajiet oħra, li huma meqjusa importanti ħafna sabiex jintlaħaq l-għan komuni tal-ħarsien u l-immaniġġjar ta’ dan is-sit ta’ wirt dinji.
Bid-dovut rispett, l-Onor. Interpellant għadu ma fehemx l-iskop ta’ dan il-kumitat. Għandu jiġi mgħarraf li s-sit tad-Dwejra huwa ddikjarat bħala sit Natura 2000. L-iskop ewlieni ta’ dan il-kumitat li huwa kkappeġġjat mill-Professur Timmy Gambin li jispeċjalizza fuq l-arkeologija Marittima huwa li jimplimenta l-management plan imħejjija mill-ERA u dan skont il-ligi.
Japprezza ukoll l-Onor. Interpellant li l-Kunsill ta’ San Lawrenz mhuwiex l-unika Kunsill Lokali f’Għawdex li jinkludi terittorju ta’ dan is-sit fil-konfini tiegħu. Japprezzax ukoll l-Onor. Interpellant li fiċ-ċirkostanzi huwa kollox irrelevanti u non sequitur kemm hemm Maltin jew Għawdxin fuq dan il-kumitat. Jgħarafx ukoll l-Onor. Interpellant li fuq dan il-kumitat diġa’ hemm rappreżentanza mill-Awtorita’ tat-Turiżmu u li ghalhekk dan is-settur huwa diġa’ ben rapprezentat. L-Interpellant għandu jkun jaf ukoll li dan non ostante ser issir laqgħa kordjali bejni u r-rappreżentanza tal-Kunsill Lokali ta’ San Lawrenz fuq il-kwistjoni biex jiġi deċiż jekk hux opportun ukoll li dan il-Kunsill ikollu rappreżentanza f’dan il-kumitat.
Ta’ Qali – Pitkalija – kaxxi ta’ ġarr ta’ prodotti agrikoli
Question
Jista’ l-Ministru jgħid meta hu mistenni li jibdew jintużaw kaxxi ġodda għall-ġarr ta’ prodotti agrikoli, mill-bdiewa għall-Pitkalija f’Ta’ Qali? Kemm kaxxi ġodda nxtraw matul dawn l-aħħar 12-il xahar, u kemm kaxxi ġodda oħra huma mistennija li jinxtraw matul it-12-il xahar li ġejjin?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li f'dawn l-aħħar 12-il xahar, jiġifieri minn Lulju 2015 sa Ġunju 2016, ġew mixtrija 71,146 kaxxa ġdida, li diġa’ qegħdin jintużaw. Wara sejħa għall-offerti gie ffirmat kuntrat għal perjodu ta' 3 snin, li permezz tiegħu jistgħu jinxtraw kaxxi kull meta jinħass il-bżonn.
B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 26253, billi mill-1 ta' Ottubru 2015, il-gwardjani lokali bdew jiġu amministrati mill-Gvern Ċentrali, jista' l-Ministru jassigura li dawn l-istess gwardjani jingħataw inkarigi marbuta ma' ġbir, jew rimi ta' skart?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor Interpellant li l-Ministeru huwa favur li r-rimi ta’ skart domestiku jiġi regolat skond dawn ir-regolamenti, kif ukoll huwa favur li każijiet ta’ littering għandhom ukoll jiġu nfurzati taħt dawn ir-regolamenti. L-prerogattiva tal-infurzar hija f’idejn il-Kunsilli Lokali filwaqt li l-immaniġjar tal-Gwardjani Lokali jaqa’ ukoll taħt il-Ministeru responsabbli mill-Gvern Lokali u ta’ dan nitlob lill-Onorevoli Interpellant biex jagħmel din il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat. Madanakollu l-Interpellant ghandu jkun jaf li bhalissa qed isir ir-ristrutturar tal-Awtorità magħrufa bħala ERA u li jien tajt direzzjoni politika ċara sabiex jigi msaħħaħ l-aspett ta’ infurzar ta’ din l-awtorità.
Jista’ l-Ministru jindika għal liema raġuni qed jerġgħu jiġu esperjenzati b'mod regolari rwejjaħ fiż-żona tal-Magħtab u jekk ġiex deċiż x'miżuri jridu jittieħdu biex ma' jkomplix jinħoloq skumdità kemm għar-residenti tal-madwar kif ukoll għas-sewwieqa li jkunu għaddejjin mill-istess żona?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Nitlob lill-Onor Interpellant jirefferi għat-tweġiba li ngħatat għal-Mistoqsija Parlamentari 26567.
Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 26656 li oriġinarjament kienet saret lill-Ministru għall-Ġustizzja u li issa ġiet riferuta lilu u ċjoè: Jista' l-Ministru jgħid jekk il-kunsilli lokali humiex obbligati li fil-konfini tal-lokalità tagħhom ikollhom bring-in sites? Jekk iva, jista' jgħid kemm huwa n-numru ta' bring-in-sites li kull lokalità f'Malta u Għawdex għandu jkollha u x'inhuma l-kriterji biex ġie stabbilit dan in-numru għal kull lokalità?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li m'hemm l-ebda provvediment fil-liġi li jobbliga kemm għandu jkun hemm bring-in sites f’kull lokalità f'Malta u Għawdex u għaldaqstant ma hemm l-ebda kriterji legali kif jiġi stabbilit in-numru ta’ bring-in sites għal kull lokalità.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 26655 li oriġinarjament kienet saret lill-Prim Ministru u li issa ġiet riferuta lilu u ċjoè: Jista’ l-Prim Ministru jgħid kemm hemm fondi disponibbli permezz tal-Environment Initiative Partnership Programme (EIPP) tal-Awtorità tal-Ippjanar?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li sa l-aħħar ta’ Mejju kien hemm €1,896,463.27 disponibbli fil-Fond tal-Environment Initiative Partnership Programme (EIPP).
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema huma x-xogħlijiet fil-Pitkalija li mistennija li jsiru matul din is-sena? Billi matul waħda mis-seduti parlamentari riċenti kien hemm indikazzjoni li l-istess Pitkalija tista' b'xi mod tiġi żviluppata għal użu differenti, jista' l-Ministru jindika x'tip ta' żvilupp ieħor jista' jsir fil-Pitkalija?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Il-Gvern huwa kommess li jkompli jtejjeb il-faċilitajiet tal-Pitkalija. Biex jagħmel dan bħalissa qed isir eżerċizzju ta’ titjib u immodernizzar tal-Pitkalija kif meħtieġ. Għal din is-sena l-Gvern ħaseb li jagħmel xogħol ta’ ristrutturar u titjib fl-infrastruttura tax-sheds tal-Pitkala. Biex isir dan, tnediet sejħa għall-offerti li tinkludi: bdil tal-art, irranġar tas-soqfa u bdil tax-sheeting tas-saqaf, irranġar tal-ħitan u rranġar tal-platforms. Din is-sejħa għall-offerti qiegħda fil-fażi tal-evalwazzjoni.
B’dawn ix-xogħolijiet u xogħolijiet oħra li għad iridu jsiru fil-pitkalija, il-Gvern qed iwettaq wegħda elettorali li jtejjeb l-operazzjoni tal-Pitkalija biex jassigura trasparenza, effiċjenza u titjib fil-prodott. Dan il-Gvern jemmen bis-sħiħ fil-Pitkalija u l-importanza tagħha għall-bdiewa, pitkala u xerrejja. Għalhekk inserraħ ras l-Onor. Interpellant li ma hemm l-ebda ħsieb li neliminaw dan il-lok iżda bil-kontra aħna qed naħdmu biex din tissaħħaħ għall-benefiċċju tas-settur fil-waqt li nħarsu ‘l quddiem lejn opportunitajiet li jikkumplimentaw ix-xogħol siewi li qed isir mill-bdiewa u l-pitkala billi inżidu iktar xogħol ta’ valur miżjud.
Jekk kien hemm xi ħadd li ma żammx kelmtu mal-bdiewa, pitkala u xerrejja kienet l-amministrazzjoni preċedenti li ilha twiegħed riforma fil-pitkalija sa mis-sena 2008 imma minn dan kollu ma sarx xejn jew ftit li xejn.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar f'liema parti ta' Burmarrad hu mistenni li jkun hemm masġar ta' siġar indiġeni, kif ġie rrapportat fuq ċertu mezzi tax-Xandir wara s-sessjoni ta' ‘Gvern li Jisma’’, dwar il-Ministeru? Jista' jagħti iktar tagħrif dwar ir-rapport ta’ “mini Buskett” kif ġie rrapportat illum, f’mezzi oħra tax-Xandir? Liema area hi mistennija li tinbidel f’hekk, u ma’ min saru l-konsultazzjonijiet s’issa? Minn min hu magħmul il-kumitat li qed jaħdem fuq dan il-masġar?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ngħarraf lill-Onor Interpellant li għadhom għaddejjin diskussjonijiet fuq il-proġett u għalhekk ma jkunx għaqli li niddelibera bħalissa. Għalhekk l-informazzjoni ser tingħata f’seduta oħra.
In vista tal-problema tal-light pollution f'Malta u Għawdex u tenut kont tar-riċerka ppubblikata x-xahar li għadda li tpoġġi lil Malta bħala wieħed mill-iżjed pajjiżi effettwati (per unit area) mil-light pollution, jista' l-Ministru jgħid x'passi konkreti qed jittieħdu minn dan il-Gvern sabiex jittaffew l-effetti ta' din il-problema li ġġib magħha ħela ta' enerġija kif ukoll impatti negattivi fuq l-ambjent?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fix-xhur li għaddew kien inbeda proċess mill-MEPA bi twaqqif ta’ Kumitat Konsultattiv fuq dan is-suġġett sabiex jitressqu proposti u linji gwida dwar dan. L-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi ser tkun qed tieħu passi minn naħa tagħha la darba jiġi konkluż ix-xogħol ta’ dan il-kumitat.
Jista' l-Ministru jgħid jekk in vista ta' riċerka ppubblikata fil-journal ‘Science Advances’ teżistix policy intiża sabiex jitnaqqsu l-effetti tal-light pollution li kull entità tal-Gvern (inkluż iżda mhux limitati għal dipartimenti, aġenziji Transport Malta, kunsilli lokali eċċ.) jistallaw biss dawl li jkun (i) tat-tip full cutoff; u (ii) b'CCT mhux iżjed minn 3000K?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ERA ser tkun qed tevalwa il-proposti li qed jiġu rreferuti f’din il-mistoqsija Parlamentari skond il-linji ta’ gwida li ha jittresqu mil-Kumitat Konsultattiv fuq dan is-suġġett, la darba jiġi konkluż ix-xogħol ta’ dan il-kumitat. Informazzjoni fuq dan il-kumitat ingħatat fir-risposta għall- Mistoqsija Parlamentari 26618.
Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi – għażla ta’ Kap Eżekuttiv
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk ħarġitx sejħa pubblika għall-għażla ta' Kap Eżekuttiv tal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi? Jekk iva, kemm-il kandidat applika għal tali sejħa?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lil Onor. Interpellant li l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi ħarġet sejħa pubblika għall-għażla ta’ Kap Eżekuttiv għall-istess Awtorita’. Din is-sejħa għalqet fl-4 ta’ April 2016, u applikaw ghoxrin kandidat.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux qed isir moniteraġġ tal-livell ta’ inkwinament fil-baħar f’żoni fejn hemm il-fish farms? Jista’ jgħid meta sar l-aħħar moniteraġġ f’kull żona u x’kienu r-riżultati?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-fish farms huma obbligati li jipprovdu regolarment analiżi li ssir minn entitajiet indipendenti dwar l-inkwinament lill-Awtorità tal-Ippjanar. Ninsab informat li d-Direttorat tal-Akkwakultura jagħmel moniteraġġ ta’ operatur wieħed u fuq is-South East Aquaculture Zone. L-aħħar riżultati tal-moniteraġġi li saru juru illi ma kienx hemm qbiż fil-livell tat-tniġġis imkejjel.
B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 26334, billi t-turf naturali li kien hemm fuq il-post fil-fatt kien ilu hemm għal numru ta’ snin mingħajr problema, jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar x’wassal biex issa l-ilma jiġi ddikjarat bħala mhux tajjeb għat-tisqija tat-turf? Jista’ jagħti tagħrif dwar jekk fil-fatt ingħatax tender għat-turf artifiċjali? Jekk iva kemm ser jiswa?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li kif qal tajjeb, it-turf naturali ilu hemm għal numru ta’ snin, iżda mhux mingħajr problemi.
Kif semmejna f’risposti preċedenti, fosthom fir-risposta għall-Mistoqsija Parlamentari nru. 26334, l-impatt antropoġeniku fuq it-
turf
tas-Salina huwa kbir hafna. Frekwentament, hemmhekk isiru festini ta’
birthdays
tat-tfal, fejn fost attivitijiet oħra li jagħmlu jkun hemm il-ġiri. S’intendi l-apparat li jgibu magħhom bħal siġġijiet, imwejjed u elf ħaġa oħra ma jonqsux. Bżieżaq u konfetti li jispiċċaw ġo l-ilma tal-funtana, u allura jinqabdu mil-pompa, huma ftit mill-problemi li l-ħaddiema tal-Park iridu jiffaċċjaw kuljum.
Il-miżuri li ħadet it-tmexxija tal-Park sabiex, minkejja dawn il-problemi li semmejna, iżommu t-
turf
f’kundizzjoni tajba jinkludu: żriegh ta’ żerriegħa ġdida kemm fis-sajf u anke fix-xitwa, qtugħ ta’ speċi invażivi, applikazzjoni ta’ fertilizzant u s’intendi, tisqija kuljum minn ġibja zgħira taħt il-funtana stess. Ir-riżultat ta’ dawn l-isforzi kollha, sfortunatament, mhumiex qed ikunu biżżejjed biex jegħlbu l-impatt antropoġeniku qawwi. Id-dehra tat-turf kif inhu llum mhiex dik mixtieqa. L-impatt tal-viżitaturi huwa wiehed qawwi wisq.
Għalhekk inħarget sejħa għall-offerti għal tqegħid ta’
turf
f’din iż-żona, liema offerti għadhom qed jiġu evalwati.
Billi fl-inħawi tal-Magħtab, Baħar iċ-Ċagħaq u anke fis-Salina u l-Qawra qed jaslu rwejjaħ kbar li jidher li ġejjin mill-inħawi tal-miżbla tal-Magħtab, u dan wara żmien twil li ma kien hemm l-ebda riħa ġejja minn dawk l-inħawi, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'inhi r-raġuni għal dawn l-irwejjaħ,u x'inhu jsir biex l-istess irwejjaħ jinqatgħu għal kollox, kemm minħabba r-riħa nnifisha, kif ukoll minħabba problemi ta' saħħa li jistgħu jinqalgħu?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat illi minn sniff testing li tagħmel kull ġimgħa l-Wasteserv fl-akwati tal-Magħtab, ikunu identifikati diversi sorsi ta’ rwejjaħ apparti rwejjaħ mill- engineered landfill tal-Għallis. Għaldaqstant, l-ilmenti mhux dejjem neċessarjament ikunu qed jirreferu għall-irwejjaħ mill-miżbla.
Fil-perjodu tas-sajf, anke minħabba s-sħana u r-riħ isfel li ġeneralment jolqot il-pajjiż, kemm l-irwejjaħ mil-borża s-sewda hekk kif titwassal fil-kumpless tal-Maghtab, kif ukoll mill-
engineered landfill
tal-Għallis, jiżdiedu. Minħabba f’hekk, il-Wasteserv qed tieħu numru ta’ miżuri biex ittaffi dan l-inkonvenjent, fosthom żieda fid-
daily cover
u użu ta’ sistema ta’
odour neutraliser
. Dan apparti il-moniteraġġ li jsir permezz ta’
sniff testing.
Ladarba l-impjant tat-trattament tal-iskart tal-
Malta North
tiġi kkumissjonatha u mogħtija f’idejn il-Wasteserv, l-iskart fil-borża s-sewda ser jiġi ttrattat qabel ma jintrema fl-Għallis u allura l-irwejjaħ mistennija li jitnaqqsu b’mod konsiderevoli.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il razzett liċenzjat għat-trobbija tal-baqar hawn f’dawn l-gżejjer li preżentement qegħdin fl-abitat? Jista’ jindika kemm-il-wieħed se jiġi mċaqlaq mill-abitat? Jista’ jindika wkoll kemm-il razzett hemm ġewwa l-Fgura, Ħal Tarxien, il-Gudja, Ħal-Għaxaq, Wied il-Għajn u ż-Żejtun?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor Interpellant li n-numru ta’ rziezet liċenzjati għat-trobbija tal-baqar, li preżentament jinsabu fl-abitat (jew fil-viċin tal-abitat) u li għandhom il-ħtieġa li jiġu rilokati huma 4. Dawn jinsabu f’dawn il-lokalitajiet: Tarxien, Birgu, Għaxaq u Msida. Hemm razzett ieħor, li jinsab ġewwa l-Fortizza f’Ħaż-Żabbar (mhux fl-abitat), li hemm bżonn li jiġi rilokat ukoll.