Legislature:
Category:
Reset
Active:

San Pawl il-Baħar – Skola Primajra – numru ta’ tfal

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta’ tfal, skont il-klassi li jattendu fiha (sena skola stima), sena b’sena, li preżentement qed jattendu l-Iskola Primarja ta’ San Pawl il-Baħar? Kif inhuma maqsuma skont in-nazzjonalità dawn it-tfal?

Response (BARTOLO, EVARIST)

L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Campus il-ġdid tal-MCAST

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm sewa (fi spiża kapitali) il-Campus il-ġdid tal-MCAST u jgħid kemm qed jattendu fih studenti f’din is-sena skolastika?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li l-Campus il-ġdid tal-MCAST sewa (fi spiża kapitali) €18,513,361.98 u fih jattendu 6,725 student.

Proġett Esplora — spiża

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm sewa (fi spiża kapitali) il-proġett Esplora?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li l-infieq kapitali għall-proġett Esplora s’issa kien ta’ €17,561,259.53. Dan l-ammont, iżda, ma jinkludix kontijiet li għadhom ma waslux għand il-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija sal-lum.

Persuni li waqfu jirreġistraw mill-ewwel parti tar-reġistru

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm persuni waqfu jirreġistraw mill-ewwel parti tar-reġistru tax-xogħol mal-Korporazzjoni Jobsplus tul is-sena 2016? Kemm persuni gew maqtugħa fl-istess perjodu u kemm irtiraw?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li skont l-informazzjoni li għandha l-Jobsplus, in-numru ta’ persuni li waqfu jirreġistraw mill-ewwel parti tar-reġistru tax-xogħol minn Jannar sa Diċembru 2016 kien ta’ 4,775 persuna (unique). Fl-istess perjodu kien hemm 865 persuna oħra li ġew maqtugħa (unique) filwaqt li 53 persuna irtiraw.

Persuni ta’ sess femminili li bdew jaħdmu

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm persuni ta’ sess femminili li bdew jaħdmu fis-sena 2016? Kemm minnhom kienu ġodda u kemm minnhom irritornaw lura għad-dinja tax-xogħol? Kemm ġew impjegati full-time u kemm minnhom part-time?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li skont l-informazzjoni li għandha l-Jobsplus, in-numru ta’ nisa (persuna tingħadd darba biss) li bdew jaħdmu fis-sena 2016 kien ta’ 30,418. Minn dawn in-nisa kien hemm 8,467 li qatt ma ħadmu qabel, filwaqt li 6,757 irritornaw lura fid-dinja tax-xogħol (b’perjodu ta’ inattività tal-anqas ta’ sena). It-tabella ta’ hawn taħt turi t-tip ta’ xogħol ta’ dawk in-nisa li qatt ma ħadmu u ta’ dawk li rritornaw lura fid-dinja tax-xogħol: Nisa Impjieg Full Time Impjieg Part Time Total Nisa li qatt ma ħadmu qabel 4,883 3,584 8,467 Nisa li rritornaw lura fid-dinja tax-xogħol (b’perjodu ta’ inattività tal-anqas ta’ sena) 2,893 3,864 6,757

Laqgħat tal-Presidenza tal-Unjoni Ewropea preseduta mill-Ministru

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il laqgħa se tiġi preseduta minnu tul il-Presidenza tal-Unjoni Ewropea? Kemm minnhom se jsiru f’pajjiżna u kemm barra? Jista’ jindika n-natura tagħhom?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li matul il-Presidenza Maltija tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, huwa previst li: Barra minn Malta, ser nippresjedi erba’ laqgħat Ministerjali: - il-laqgħa tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea tal-Edukazzjoni, Żgħażagħ, Kultura u Sport, li ser issir fis-17 ta’ Frar 2017, fi Brussel; - is-sezzjonijiet tal-edukazzjoni, żgħażagħ u sport tal-laqgħa tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea tal-Edukazzjoni, Żgħażagħ, Kultura u Sport, li ser issir fit-22 u 23 ta’ Mejju 2017, fi Brussel; - il-laqgħa tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea tal-Impjiegi, Politika Soċjali, Saħħa u Affarijiet tal-Konsumatur, li ser issir fit-3 ta’ Marzu 2017, fi Brussel; - il-laqgħa tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea tal-Impjiegi, Politika Soċjali, Saħħa u Affarijiet tal-Konsumatur, li ser issir fil-15 ta’ Ġunju 2017, fil-Lussemburgu. F’Malta, ser nippresjedi laqgħa waħda u konferenza Ministerjali: - il-laqgħa Informali tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea tal-Impjiegi, Politika Soċjali, Saħħa u Affarijiet tal-Konsumatur flimkien mal-Ministru għall-Familja u s-Solidarjetà Soċjali u mal-Ministru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili, li ser issir fit-3 u 4 t’April 2017, f’Malta. - Konferenza Ministerjali dwar l-Edukazzjoni li mistennija li ssir fit-30 ta’ Mejju 2017.

LSA – każ ta’ persuna

Question

Jista’ l-Ministru jara li tiġi kkuntattjata l-persuna li d-dettalji tagħha qegħdin jingħataw separatament, minħabba problema fuq LSA?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-persuna kkonċernata ġiet ikkuntattjata u l-każ ġie diskuss.

FTS — uffiċjali, persons of trusts u konsulenti li siefru fuq impenji ta’ xogħol

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta’ uffiċjali, persons of trusts u konsulenti fil-Fondazzjoni għall-Iskejjel t’Għada (FTS) li siefru fuq impenji ta' xogħol, bl-ammont ta’ ġranet li damu barra minn Malta, bil-kariga li huma jokkupaw, il-pajjiż fejn sar dan l-ivvjaġġar u jindika l-laqgħat li attendew għalihom minn Marzu 2013 sa Diċembru 2016?

Response (BARTOLO, EVARIST)

L-informazzjoni dwar l-uffiċjali, persons of trusts u konsulenti fil-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta’ Għada (FTS) li siefru fuq impenji ta' xogħol minn Marzu 2013 sa Diċembru 2016 qed tingħata lill-Onorevoli Interpellant separatament. Peress li l-files relattivi jinsabu għand l-Internal Audit and Investigations Department (IAID), l-FTS ma għandhiex informazzjoni dwar l-ammont ta' ġranet li damu barra u n-natura tal-laqgħat li attendew għalihom.

Community Work Scheme — ħaddiema

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta’ ħaddiema li huma ngaġġati fuq il-Community Work Scheme minn Marzu 2013 sa Diċembru 2016? Jista’ l-Ministru jelenka l-entità li tħaddimhom u t-terminu taż-żmien fil-kuntratt rispettivament?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Nixtieq ngħarraf lill-Onor. interpellant li skont il-protezzjoni tad-data u skont dak li huwa ta’ interess pubbliku, l-ismijiet tal-parteċipanti ma jistgħux jingħataw. Barra minn hekk nirreferi lill-Onorevoli interpellant għal-mistoqsija parlamentari 25228 fejn il-lista ta’ entitajiet li qegħdin assenjati magħhom il-parteċipanti tal-Comunity Work Scheme tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra. L-individwi qegħdin assenjati mal-kumpanija fuq bażi indefinita.

Skejjel tal-Gvern — tqassim ta' tablets lill-istudenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm tqassmu tablets għall-użu tal-istudenti fl-iskejjel tal-gvern fl-2013, 2014, 2015 u fl-2016 rispettivament? Jista' jgħid f'liema skejjel tqassmu dawn it-tablets?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li fl-2014 ingħataw 16-il tablet (Microsoft) lill-iskola sekondarja ta' Pembroke - kulleġġ Santa Klara. L-NGO Save A Life Foundation taw 13-il iPad lill-iskola primarja tal-Belt kulleġġ San Ġorġ Preca. Fis-snin 2013 sa 2015 ma ngħatawx tablets mill-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol. L-uniċi tablets li kienu ntużaw mill-iskejjel f'dawn is-snin kienu mislufa minn entitatijiet privati, li pparteċipaw għall-proġett pilota wara sejħa ta’ interess. Il-proġett pilota seħħ bejn Marzu 2014 sa Marzu 2015. It-tablets kollha ġew mgħoddija lura lill-entitajiet privati wara Marzu 2015. Minn Diċembru 2016 sa Jannar 2017 tqassmu t-tablets lill-istudenti kollha tar-Raba' Sena fl-iskejjel tal-Istat, Indipendenti u tal-Knisja. L-informazzjoni dwar f’liema skejjel u kemm tqassmu tablets hija kif tidher fit-tabella li tqiegħdet fuq il-Mejda tal-Kamra bi tweġiba għal mistoqsija parlamentari 30072.

MCAST – studenti – kors tal-media studies

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta’ studenti li qed jattendu l-kors ta’ media studies fl-MCAST? Kemm minnhom qed jintbagħtu għal xi taħriġ ma’ xi media house? Kemm ilhom jintbagħtu studenti ma’ dawn il-media houses? Jista’ jikkonferma li fil-fatt l-istudenti qed jintbagħtu biss mal-ONE u mal-PBS? Jekk iva, x'inhi r-raġuni għal dan?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li fil-kors tal-media fl-Istitut tal-Arti Kreattiva fi ħdan l-MCAST hemm total ta' 246 student maqsumin bejn 56 fit-tielet livell, 116 fir-raba' livell u 74 li qegħdin jagħmlu l-baċellerat. Huma biss 44 student, jiġifieri l-istudenti tat-tieni sena tar-raba' livell li jintbagħtu għall-placements. Din hija l-ewwel darba li studenti tal-media ħa jmorru fuq work placement bħala parti mill-kors tagħhom. Il-placements, li għadhom qed jiġu finalizzati, huma varji, imma jinkludu biss lill-istazzjon pubbliku, il-PBS, bħala stazzjon televiżiv. L-istudenti tal-media għamlu wkoll taħriġ mal-PBS f'Novembru li għadda fil-Junior Eurovision.

Skejjel – nurses jew professjonisti mediċi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm skejjel li għandhom nurse jew professjonisti mediċi oħra permanenti biex jamministraw mediċini lit-tfal b’kundizzjonijiet ta’ saħħa bħall-epilessija, dijabete, ADHD, eċċ.?

Response (BARTOLO, EVARIST)

B’referenza għal din il-mistoqsija, ninsab infurmat li ma kien hemm l-ebda tibdil fis-sitwazzjoni fl-iskejjel f’dan ir-rigward minn kif spjegat fit-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 25750.

Proġett ta’ għoti ta’ tablets lill-istudenti

Question

B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 28269, jista’ l-Ministru jgħid kemm mill-4000 tablet tqassmu lit-tfal u jaqsam l-informazzjoni skont f’liema skejjel tqassmu?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li rendikont ta’ kemm tqassmu tablets u f’liema skejjel tqassmu hu kif muri fit-tabella li qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. S'issa tqassmu 4407 tablet.

Qasam tal-avjazzjoni — ħaddiema

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm persuni jaħdmu fil-qasam tal-avjazzjoni f’Diċembru tas-snin 2012, 2013, 2014, 2015 u 2016 u jaqsam l-informazzjoni skont il-kategoriji rispettivi fil-qasam tal-avjazzjoni?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li skont l-informazzjoni li għandha l-Jobsplus, it-tagħrif dwar kemm kien hemm ħaddiema jaħdmu full time u part time bħala xogħol ewlieni fil-qasam tal-avjazzjoni fl-aħħar ta’ Diċembru tas-snin 2012, 2013, 2014, 2015 u Ġunju 2016 (l-aħħar ċifri ppublikati), hu kif muri fit-tabella t’hawn taħt, kif se nsemmi: Kolonna A - Turi kemm kien hemm persuni jaħdmu fil-qasam tat-Tiswija u Manutenzjoni tal-Inġenji tal-Ajru u Vetturi Spazjali; Kolonna B - Turi kemm kien hemm persuni jaħdmu fis-Servizzi ta' Trasport bl-Ajru. Qasam tal-Avjazzjoni Kolonna A Kolonna B Settur fil-qasam tat-Tiswija u Manutenzjoni tal-Inġenji tal-Ajru u Vetturi Spazjali Servizzi ta' Trasport bl-Ajru Diċembru 2012 756 1,279 Diċembru 2013 757 1,343 Diċembru 2014 777 1,392 Diċembru 2015 813 1,625 Ġunju 2016 803 1,630

Fondazzjoni għall-Iskejjel t’Għada – ħlas f’konsulenzi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ħallset flus f’konsulenzi l-Fondazzjoni għall-Iskejjel t’Għada (FTS) minn Jannar 2008 sal-lum, xahar b’xahar, u lil min ħallsithom?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant hija kif muri fit-tabella li qiegħda tiġi mpoġġija fuq il-Mejda tal-Kamra. (Korrezzjoni: Ara Dokument PL 8366 li tpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra f'Seduta 475 nhar it-Tnejn 30 ta' Jannar 2017)

Fondazzjoni għall-Iskejjel t’Għada – pagi, allowances u perks

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ħallset flus f’pagi, allowances u ħlasijiet bħala perks lill-impjegati tagħha l-Fondazzjoni għall-Iskejjel t’Għada (FTS) minn Jannar 2008 sal-lum, xahar b’xahar, u lil min ħallsithom?

Response (BARTOLO, EVARIST)

L-informazzjoni mitluba qiegħda tingħata lill-Onor. Interpellant separatament u b’mod kunfidenzjali.

Skejjel — Assenteiżmu

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’kien in-numru ta’ ġenituri li tressqu l-qorti għaliex naqsu li jibagħtu t-tfal tagħhom l-iskola mill-2004 sad-data li fiha tkun imwieġba din il-mistoqsija? Minn liema lokalità kienu? X’servizzi hemm sabiex jitnaqqas l-assenteiżmu fl-iskejjel tagħna?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-Dipartiment għas-Servizzi għall-Istudent ma jistax jipprovdi l-informazzjoni mitluba mis-sena 2004 minħabba li l-informazzjoni li ntalbet bdiet tinġabar minn dan id-Dipartiment mis-sena skolastika 2009-2010. In-numru ta’ ġenituri li tressqu l-Qorti għaliex naqsu li jibgħatu lit-tfal tagħhom l-iskola mis-sena skolastika 2009-2010 sas-sena skolastika 2015-2016 huma kif ġej: Totali Totali Sena Skolastika 2009-10 Skejjel tal-Gvern 1,145 Primarji 272 Sekondarji 873 Skejjel tal-Knisja 7 Primarji 5 Sekondarji 2 Skejjel Indipendenti Xejn Primarji 0 Sekondarji 0 Sena Skolastika 2010-11 Skejjel tal-Gvern 1,760 Primarji 378 Sekondarji 1382 Skejjel tal-Knisja 8 Primarji 4 Sekondarji 4 Skejjel Indipendenti 2 Primarji 0 Sekondarji 2 Sena Skolastika 2011-12 Skejjel tal-Gvern 1,609 Primarji 407 Sekondarji 1202 Skejjel tal-Knisja 10 Primarji 1 Sekondarji 9 Skejjel Indipendenti 3 Primarji 1 Sekondarji 2 Sena Skolastika 2012-13 Skejjel tal-Gvern 1,398 Primarji 369 Sekondarji 1029 Skejjel tal-Knisja 10 Primarji 4 Sekondarji 6 Skejjel Indipendenti Xejn Primarji 0 Sekondarji 0 Sena Skolastika 2013-14 Skejjel tal-Gvern 1,595 Primarji 405 Sekondarji 1190 Skejjel tal-Knisja 13 Primarji 6 Sekondarji 7 Skejjel Indipendenti 1 Primarji 0 Sekondarji 1 Totali Totali Sena Skolastika 2014-15 Skejjel tal-Gvern 1,294 Primarji 475 Sekondarji 819 Skejjel tal-Knisja 27 Primarji 3 Sekondarji 24 Skejjel Indipendenti 2 Primarji 2 Sekondarji 0 Sena Skolastika 2015-16 Skejjel tal-Gvern 1147 Primarji 379 Sekondarji 768 Skejjel tal-Knisja 31 Primarji 12 Sekondarji 19 Skejjel Indipendenti 10 Primarji 5 Sekondarji 5 Servizzi Provduti fl-Iskejjel tal-Istat Is-Servizz ta’ Ħidma Soċjali huwa pprovdut fil-Kulleġġi kollha sabiex jitnaqqas l-assenteiżmu fl-iskejjel tal-Istat. Il-ħaddiema soċjali joffru servizz effettiv ta’ ħidma soċjali lill-istudenti kollha ta’ età obbligatorja b’sapport għall-edukazzjoni u l-iżvilupp personali tagħhom. Il-ħaddiema soċjali flimkien mas-social support workers jintervjenu fl-ambjent edukattiv, familjari u soċjali tal-istudent. Prijorità tingħata lill-interventi bikrin ma’ studenti li jfallu l-iskola abitwalment u ma’ oħrajn li jinsabu f’riskju li jfallu l-iskola kmieni. Qed isiru wkoll interventi ma’ studenti li minħabba s-sitwazzjoni personali, familjari jew soċjali tagħhom ma jistgħux jiżviluppaw il-potenzjal edukattiv tagħhom. Dan is-servizz jingħata b’kollaborazzjoni mal-iskejjel kif ukoll mal-professjonisti u servizzi fid-Direttorati tal-Edukazzjoni b’mod speċjali mas-Servizzi Edukattivi Psiko-Soċjali fi ħdan il-Kulleġġi rispettivi li jinkludu: · Servizz Psikoloġiku fl-Iskejjel · Servizz ta’ Counselling · Servizz ta’ Gwida għal Karrieri · Servizz ta’ Psikoterapija · Servizz ta’ Ħidma Soċjali fl-Iskejjel · Safe School Programme li jinkorpora s-Servizz għall-Protezzjoni tat-Tfal, is-Servizz kontra l-Ibbuljar u s-Servizz kontra l-użu ta’ Sustanzi Abbużivi (dawn is-Servizzi huma provduti wkoll lill-iskejjel tal-Knisja u Indipendenti) · Il-Prefetti ta’ Dixxiplina fil-Kulleġġi · Youth Workers · Servizz Għożża Din il-kollaborazzjoni hija essenzjali minħabba d-diversi raġunijiet li jwasslu għal assenteiżmu tal-istudenti fosthom problemi familjari, problemi ta’saħħa fiżika jew/u mentali, l-ibbuljar, abbuż ta’ sustanzi abbużivi kif ukoll abbuż fiżiku, emozzjonali jew traskuraġni fost oħrajn. Minħabba dawn ir-raġunijiet biex jingħata sapport ħolistiku lill-istudent u l-familja tiegħu issir ukoll ħidma kollaborattiva ma’ servizzi u professjonisti barra d-Direttorati tal-Edukazzjoni fosthom mal-Foundation for Social Welfare Services u s-Servizzi tas-Saħħa Mentali fil-Komunità.

Persuni b’diżabilità fuq bażi full-time u part-time

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta’ persuni b’diżabilità li jaħdmu fuq bażi full-time u fuq bażi part-time? Kemm hemm persuni b’diżabilità li għandhom impjieg mal-Gvern?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li sa l-aħħar ta’ Ottubru 2016, in-numru ta` persuni b`diżabilità li kienu jaħdmu fuq bażi full-time kien ta` 2,151, filwaqt li dawk li kienu jaħdmu fuq bażi part-time kien ta` 613. Minn dawn 1,047 persuna kellhom impjieg mal-Gvern.

Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol — person of trust u position of trust

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 29923 u jgħid kemm-il person of trust u position of trust, elenkati separatament hemm fil-Ministeru tiegħu sal-jum li fih tkun imwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li fil-Ministeru tiegħi hemm tmien persuni f’position of trust u 41 person of trust. Ma’ dawn hemm inkluż dawk li ġew ingaġġati għall-Presidenza ta’ Malta.

Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol – membri tal-bordijiet għar-reklutaġġ

Question

Jista’ l-Ministru jagħti rendikont tal-persuni li ġew appuntati bħala membri tal-bordijiet għall-reklutaġġ fi ħdan il-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol minn Marzu 2013 sa Diċembru 2016?

Response (BARTOLO, EVARIST)

L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.