Jista' l-Ministru jgħid kemm kien il-prezz li jħallsu l-bdiewa għall-varjeta' Sante din is-sena u kemm kien ta' l-Alpha? Kemm kien il-prezz taż-żriegħ għal xkora Alpha għall-bdiewa u kemm kien għal xkora Sante ta' dan l-istaġun?
Response (ZAMMIT, NINU)
Din is-sena l-bdiewa se jieħdu ħlas ta' Lm11.30-il qantar kemm għall-patata esportata Alpha kif ukoll Sante' bħal ma ħabbart fl-Imnarja.
B'riferenza għall-prezz tal-patata taż-żriegħ, nirriferi l-Onor. Interpellant għat-tweġibit li kont tajt s-sena li għaddiet u ta' qabilha għall-mistoqsijiet numri 26996 u 18535 fejn kont fakkart li t-Taqsima għas-Servizzi Agrikoli u Żvilupp Rurali hi risponsabbli mill-importazzjoni ta' l-Alpha biss. Din inbiegħet bħas-sena ta' qabel bil-prezz ta' Lm9.25 kull xkora ta' 50kgs. Rigward il-varjetajiet l-oħrajn kollha dawn ikunu mpurtati mill-aġenti rispettivi tagħhom.
Jista' l-Ministru jgħid jekk f'Settembru u Jannar li ġejjin, hux se jerġgħu jitnaqqsu l-levies tal-biedja? Jekk fl-affermativ, jista' jipprovdi lista tat-tnaqqis?
Response (ZAMMIT, NINU)
Nista' nikkonferma li f'Settembru li ġej se titnaqqas biċċa żgħira mill-levies fuq dawk il-prodotti li fl-1 ta' Lulju ma tneħħitx parti mill-levy. F'Jannar tas-sena d-dieħla titneħħa biċċa oħra mill-levies fuq prodotti agrikoli. Lista ta' prodotti li fuqha se titneħħa il-levy tiġi ppubblikata fuq il-Gazzetta tal-Gvern.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex ma sar xejn sabiex ġew sostitwiti l-eluf ta' kaxxi (dugħ) mkissra sabiex il-bdiewa jkollhom aċċess aktar f'dawn il-jiem tas-sajf?
Response (ZAMMIT, NINU)
Nirriferi l-Onor. Interpellant għat-tweġiba li tajt għal PQ 34588.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhija r-raġuni li hemm bdiewa qed jiġu preferuti jdaħlu ħaxix u frott loose meta qed jiksru l-kundizzjonijiet stabilliti skond iċ-ċirkulari li nħarġet is-sena l-oħra mid-direttur tal-Pitkalija?
Response (ZAMMIT, NINU)
Jien infurmat li l-uniku frott loose li kien qed jidħol fil-Pitkalija kien id-dulliegħ. Minn nhar it-Tnejn 15 ta' Lulju 2002, m'hux aktar permess li jidħol dulliegħ jekk mhux fil-kaxxi tad-dugħ. Jekk l-Onor. Interpellant għandu d-dettalji tal-bdiewa li qed jallega li huma preferuti li jdaħħlu ħaxix loose nitolbu jgħaddili dawn id-dettalji biex inkun nista' ninvestiga.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija 32844, jista' jikkonferma li bis-sħubija ta' Malta fl-UE prodotti ta' l-ikel bi prezzijiet orħos fis-swieq internazzjonali ma jitħallewx jiġu importati f'pajjiżna?
Response (ZAMMIT, NINU)
Nissuġerixxi lill-Onor. Interpellant jistenna sakemm jiġu konklużi n-negozjati ma' l-Unjoni Ewropeja dwar Kapitlu 7 Agrikoltura.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhija r-raġuni li qed jiġu diskussi proposti għall-ħinijiet ġodda fil-Pitkalija u cioe, li l-bdiewa jibdew jdaħlu l-biegħa fit-3.00 ta' fil-għodu flok fit-8.30am?
Response (ZAMMIT, NINU)
Naħseb li l-Onor. Interpellant qed jisma' ħafna ħrejjef u jirrepetihom meta jistqarr li l-bdiewa ser idaħħlu l-biegħa fit-3:00 ta' filgħodu! Il-Ministeru ta' l-Agrikoltura u Sajd ifforma 'Steering Committee for the Pitkali Change Management Program' sabiex isiru xi riformi neċessarji fil-Pitkalija. F'dan il-kumitat hemm rappreżentanti tal-bdiewa, pitkala, il-GRTU, konsumaturi u uffiċjali tal-Ministeru.
Waħda min dawn it-tibdiliet hija fil-ħinijiet tad-dħul tal-bdiewa u xerrejja. Qatt waqt xi waħda min dawn il-laqgħat ma kien propost li l-bdiewa jibdew jdaħlu l-biegħa fit-3:00 ta' filgħodu.
Fil-fatt min-nhar it-tnejn 15 ta' Lulju 2002 sa nhar il-Ħamis 26 ta' Settembru 2002 il-bdiewa kollha ser ikunu jistgħu jidħlu fil-Pitkalija kull nhar ta Tnejn u nhar ta' Ħamis fis-7:00 ta' filgħodu. Dawn il-ħinijiet ser ikunu bi prova.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhija r-raġuni li wara l-10.00 am l-bdiewa mhux isibu kaxxi (dugħ) għall-ħaxix u frott frisk?
Response (ZAMMIT, NINU)
Bħal ma jaf sewwa l-Onor Interpellant, il-Pitkali Crates Ltd hija kumpanija magħmula mill-Pitkala, FCCS u l-għaqdiet tal-Bdiewa. Id-Dipartiment ta' l-Agrikoltura ta l-post minn fejn topera l-Pitkali Crates Ltd bla ħlas. Id-Dipartiment jieħu ħsieb wkoll il-ġbir tal-ħasil tal-kaxxi u jgħaddihom lill-istess Pitkali Crates Ltd.
Id-Dipartiment ta' l-Agrikoltura ma jindaħal xejn fl-amministrazzjoni ta' din il-kumpanija. Jekk il-Bdiewa għandhom xi lment dawn għandhom jagħmluhom lir-rappresentanti tagħhom li huma tnejn fil-Pitkali Crates Ltd.
Jista' l-Ministru jgħid jistgħux jittieħdu passi biex jiġi studjat x'wassal biex l-ispieri fil-Wied tal-Marfa qed jispiċċaw bla ilma u hekk l-uċuh tal-għalieqi fl-inħawi qed jinxfu u jmutu u l-bdiewa huma nkwetati ħafna dwar il-futur tagħhom? Jekk sar xi studju, jista' jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (ZAMMIT, NINU)
Qed issir ħidma mid-Dipartiment ta' l-Agrikoltura, sew ma' l-Awtorita' dwar ir-Riżorsi u sew b'survey fil-post, bil-għajnuna tal-bdiewa milquta, biex tkun stabbilita l-kawża ta' dan in-nuqqas mhux tas-soltu, ta' ilma fl-ispejjer tal-Marfa.
Jista' l-Ministru jaġġorna mistoqsija parlamentari 32677 (Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' serqiet rapportati mill-ministeru u/jew dipartimenti, korporazzjonijiet eċċ, li jaqgħu taħt id-dekasteru tal-ministeru bejn Jannar, Frar u Marzu ta' din is-sena? X'valur, x'oġġetti eċċ, ġew misruqa? X'passi ttieħdu? Jista' jinformana wkoll bin-numru ta' serqiet li saru matul is-sena li għaddiet 2001) u jinformana x'inhi s-sitwazzjoni wara l-ewwel sitt xhur tas-sena?
Response (ZAMMIT, NINU)
Jien infurmat li bejn April u Ġunju ta' din is-sena kienet rappurtata serqa waħda. Din kienet ta' 7 balal tiben mill-mixtla ta' San Vinċenz de Paul b'valur totali ta' Lm14.00.
Rigward is-sitt palmiet misruqa aktar kmieni din is-sena, ġie deċiż li ssir talba skond ir-Regolamenti Finanzjarji Avviż Legali 83/1999, biex dawn il-palmiet jiġu written off.
Jista' l-Ministru jgħid kemm tneħħew siġar fl-Imdina b'konsegwenza tal-proġett ta' riabilitazzjoni? X'tip ta' siġar kienu? Kemm kellhom snin u meta tneħħew? Għaliex f'kull każ ma kienx hemm l-ispetturi/uffiċjali tad-dipartiment ta' l-agrikoltura?
Response (ZAMMIT, NINU)
Jien infurmat li n-numru tas-siġar li tneħħew fl-Imdina b'konsegwenza tal-proġett kienu erba' Oleander Nerum. Tlieta minn dawn is-siġar kellhom 10 snin, u waħda 5 snin. Dawn is-siġar tneħħew fil-bidu ta' Ġunju bil-parir ta' uffiċjali mat-Taqsima għas-Servizzi Agrikoli u Żvilupp Rurali wara li saret spezzjoni.
Billi dan l-aħħar tħabbar li ġew imsebbħa w irranġati l-ġonna u postijiet ta' rikrejazzjoni f'Tal-Fukla - Attard,
Patri Redent Gauci - Fgura, Binja Vilhena - Floriana, Hal-Dmikki - Għaxaq, Bini tal-Gvern - Kirkop, Bini tal-Gvern - Pieta, Palazz l-Aħmar - Santa Venera, Il-Habs L-Antik - L-Isla u San Pietru - Zabbar, jista l-Ministru jghid jekk dawn il- postijiet humiex aċċessibli skond il-ligi dwar l-Opportunitajiet Indaqs?
Response (ZAMMIT, NINU)
Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ġonna msemmija huma responsabbilta tal-Kunsilli Lokali rispettivi.
Jista' l-Ministru jinvestiga għaliex il-bdiewa fl-inħawi ta' l-Aħrax fil-Mellieħa qed isofru nixfa fir-raba' tagħhom minħabba li l-ispejjer ta' l-ilma nixfu kompletament, xi ħaġa li mhux soltu tiġri?
Response (ZAMMIT, NINU)
L-ispejjer u l-ilma ta' taħt l-art (aquifer) huma responsabbilta' ta' l-Awtorita' Maltija għar-Riżorsi, nissuġġerixxi lill-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa n-numru tal-varjetajiet ta' annimali u tjur li hemm għall-użu tal-programm edukattiv ngħożżu l-biedja fil-farm esperimentali? Kemm kien in-numru ta' studenti li matul l-ewwel xhur tas-sena attendew għal dan il-programm? Kemm minnhom fil-livell primarju u kemm fil-livell sekondarju?
Response (ZAMMIT, NINU)
Jien infurmat li l-varjetajiet ta' annimali li jintużaw fil-programm ta' żjarat edukattivi li jsiru fiċ-Ċentru tar-Riċerka u Żvilupp fl-Għammieri huma papri, tiġieġ, dundjani, ponijiet, il-gendus Malti, baqar tal-ħalib, ċriev, llama, nagħma (ostrich), mogħoż, xadin, nagħaġ, mogħoż nani, rhea u diversi tipi ta' għasafar u ħamiem.
Tajjeb li l-Onor Interpellant ikun jaf li dawn iż-żjarat, li jsiru b'kooperazzjoni mad-Dipartiment ta' l-Edukazzjoni, ma jittrattawx dwar annimali biss, iżda jinkludu wkoll lecture ta' madwar siegħa dwar diversi aspetti ta' l-agrikoltura, xogħol prattiku fis-serra, u għall-istudenti l-kbar, żjara edukattiva fil-laboratorji tax-xjenza agrikola.
In-numru ta' studenti li attendew għal dawn iż-żjarat matul l-ewwel ħames xhur ta' din is-sena kien:
Primarji : 3,126
Sekondarji : 424
Total : 3,550
Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa f'ċifra ta' flus f'safar ministerjali u dipartimentali tal-ministeru għax-xhur ta' Jannar, Frar, Marzu April u Mejju ta' din is-sena?
Response (ZAMMIT, NINU)
Jien infurmat li n-nefqa f'safar ministerjali u dipartimentali tal-Ministeru ta' l-Agrikoltura u s-Sajd bejn Jannar u Mejju ta' din is-sena kienet tammonta għal Lm 38,137.
Jista' l-Ministru jgħid fil-kuntest tas-sħubija ta' Malta fl-UE il-kuntratt ta' l-esportazzjoni tal-patata lokali, il-kundizzjonijiet u normi tal-proċeduri kif pratikati f' dawn l-aħħar snin inkluż it-tiġdied tal-kuntratt li sar fuq il-kuntratt eżistenti, huwa konformi mar-regoli kollha ta' l-UE? X'tibdil irid isir fil-proċeduri sabiex dan il-kuntratt kurrenti jkun skond in-normi tar-regoli kif pratikat fil-UE?
Response (ZAMMIT, NINU)
Preżentement l-esportazzjoni tal-patata ssir abbażi ta' kuntratt ma' l-importatur ewlieni fl-Olanda. Dan il-kuntratt kien ingħata wara sejħa internazzjonali għal offerti. Meta jintemm il-kuntratt is-sena d-dieħla, se jkunu l-aġenti
lokali u għaqdiet ta' produtturi, permezz ta' kuntratti ma' importaturi barranin, li se jieħdu f'idejhom l-esportazzjoni tal-patata. Il-Gvern ma jistax jibqa' jopera bħala operatur u bħala regolatur fl-istess ħin. Dan irid isir nidħlu jew ma nidħlux fl-Unjoni Ewropea diment li rridu nkomplu nsaħħu s-suq stabbilt jew infittxu swieq oħra. U dan anki minħabba l-i
standards
ogħla ta' prodotti li qed jimponu
supermarkets
kbar fl-Unjoni Ewropea.
Għal dan l-iskop, il-Ministeru diġa' beda jaħseb biex iħarreġ uffiċjali biex il-proċess kollu tat-tkabbir u esportazzjoni jkompli jilħaq l-istandards mistennija. Il-ħidma tal-Ministeru għandha tiżgura dħul xieraq għall-bdiewa Maltin u Għawdxin.
Fid-dawl tal-liġi li għaddiet dan l-aħħar mill-Parlament kontra l-moħqrija ta' l-annimali, jista' l-Ministru jgħid jistax id-dipartiment tal-veterinarji jinvestiga ċerti entertainers li f'parties tat-tfal qed iqassmu lit-tfal żgħar 'flieles' li jispiċċaw jinħaqru f'idejn dawn it-tfal?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ninforma lill-Onor Interpellant li it-Taqsima tal-Ikel u Attivita' Veterinarja għandha poter taħt il-liġi kontra l-moħqrija ta' l-annimali li tinvestiga u tieħu azzjoni legali kontra kull persuna li tagħmel xi moħqrija fuq kull tip ta annimal u f'kull ċirkustanza. Sadanittant, it-Taqsima ta' l-Ikel u Attivita' Veterinarja ma rċeviet l-ebda rapport ta' każijiet simili kif imsemmija mill-Onor. Interpellant. Għaldaqstant, nitolbu biex jekk għandu xi informazzjoni jgħaddiha lit-Taqsima konċernata biex tiġi nvestigata minnufih.
Jista' l-Ministru jgħid hemmx il-ħsieb li agricultural field workers fis-servizz veterinarju li qed jagħmlu l-bovine ID tags jingħataw xi forma ta' danger money minħabba r-riskju li huma esposti għalih?
Response (ZAMMIT, NINU)
L-Agricultural Field Workers li qegħdin jagħmlu l-Bovine ID tags huma nies mħarrġa f'dan il-qasam u ilhom jagħmlu dan ix-xogħol żmien twil. Minbarra hekk it-tagging tal-bovini huwa parti mill-job description tagħhom.
B'riferenza għall-mistoqsija nru. 31487, jista' l-Ministru jwieġeb b'riferenza għar-rapporti/studju dwar l-impatt fuq is-settur tal-biedja u sajd bi sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea?
Response (ZAMMIT, NINU)
Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant.
Jista' l-Ministru jikkonferma li bis-sħubija ta' Malta fl-UE prodotti ta' l-ikel bi prezzijiet orħos fis-swieq internazzjonali ma jitħallewx jiġu importati f'pajjiżna?