B'riferenza għan-Newsletter "Il-pensjonant Jannar - Marzu 1999" fejn hemm rapportat li l-Għaqda tal-Pensjonanti kienu bagħtu memorandum lil Ministru għall-Politika Soċjali li kienet tinkludi sottomessjonijiet ta' l-għaqda biex jiġu kkonsidrati fit-tfassil tal-budget għas-sena 1999; u fid-dawl tal-fatt li dawn l-istess sottomissjonijiet huma riflessi fil-wegħdi elettorali tal-Partit Nazzjonalista (wegħdi 214, 215, 216, 218, 203, 204 u 205), jista' l-Ministru jgħarrafna għaliex il-Gvern Nazzjonalista sab diffikulta' iwettaq il-wegħdiet li kienu għamlu fil-programm elettorali tagħhom għax skond l-istqarrija li ħarġu l-Kunsill ta' l-Għaqda Nazzjonali tal-Pensjonanti, lanqas waħda mit-talbiet ta' l-għaqda ma ġiet milqugħa?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lil Onorevoli Interpellant li Gvern Nazzjonalista qatt ma sab diffikulta' fit-twettiq tal-wegħdiet tiegħu. Jekk qatt kien hemm prova ta' dan, kienu l-għexieren ta' emendi li Gvernijiet Nazzjonalista ġabu fis-seħħ biex jassiguraw mhux biss it-titjib fil-livell ta' għixien ta' Benefiċċjarji Soċjali, iżda wkoll li jara li jitneħħew ħafna anomaliji li f'ċerti każi kienu qed joħolqu nġustizzja soċjali lil dawk li huma l-aktar fil-bżonn. Hu propju fil-qasam tal-pensjonijiet li Gvernijiet Nazzjonalista ħadu passi biex jassiguraw titjib sostanzjali.
Jien ċert li l-Onorevoli Interpellant jaqbel miegħi li l-akbar miżura li qatt saret fil-qasam tal-pensjonijiet kienet dik li ġab fis-seħħ Gvern Nazzjonalista fl-1996 li biha estenda il-pensjoni taż-Żewġ Terzi lil kulħadd, inkluż dawk li rtiraw qabel l-1979.
L-Onorevoli Interpellant jaf li mmedjatament wara l-elezzjoni ġenerali ta' Settembru '98 ittieħdu passi biex intaffu sostanzjalment il-piż li kien ser ikollhom iġorru l-pensjonanti fil-ħlas ta' miżati fuq mediċini u fil-kontijiet tad-dawl u l-ilma.
Fl-aħħarnett, infakkar l-Onorevoli Membru li l-programm elettorali tal-Partit Nazzjonalista hu programm għal ħames snin, u mhux għal ftit xhur.
8.3.99
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx xi pjani tal-gvern biex il-Parlament jiddiskuti l-impatt ta' l-aġġornamenti ta' l-Avis tal-Unjoni Ewropea fuq l-ekonomija u s-soċjeta' Maltija u Għawdxija?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Bħal ma jaf l-Onor. Membru, il-Kumitat tax-Xogħol tal-Kamra jiddiskuti l-programm tax-xogħol parlamentari. Bħalma qed jiġu diskussi liġijiet finanzjarji urġenti li, kif kien dikjarat, qed joffru opportunita' biex tiġi diskussa l-qagħda ekonomika, kif talbet l-Opposizzjoni. Malli jitlesta dan ix-xogħol urġenti, jiġi diskuss fil-kumitat dwar ix-Xogħol tal-Kamra l-ħtieġa ta' dibattitu fuq is-suġġett imsemmi, li jista' jsir faċilment fil-Kumitat Permanenti dwar l-Affarijiet Barranin.
8.3.99
Jista' l-Ministru jagħti ċ-ċifri ta' dawk li qegħdin jirreġistraw miż-Żejtun, Ħaż-Żabbar u Wied il-Għajn għax-xogħol taħt Part 1 u Part 2, xahar b'xahar, minn Settembru sal-lum?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Membru.
8.3.99
Jista' l-Ministru jgħid meta u kif iridu japplikaw nisa li jkunu ħadmu tul ħajjithom sabiex jieħdu l-pensjoni ta' l-eta'?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lil-Onor. Interpellant li fil-każ ta' pensjoni ta' l-Eta', li hija pensjoni mhux kontributorja, persuna għanda tapplika ftit qabel ma tagħlaq l-eta' ta' sittin sena biex tirċievi l-pensjoni mill-eta' ta' sittin sena. Id-dritt għal din il-pensjoni jkun jiddependi minn test tal-Mezzi.
Mill-Mistoqsija ta' l-Onor. Membru, aktar naħseb li qed jirreferi għall- pensjoni kontriburorja għal Min Jirtira. Dan għaliex qed isemmi nisa li jkunu ħadmu u għalhekk ikkontribwew permezz tal-kontribuzzjoni tas-Sigurta' Soċjali. F'dan il-każ, dejjem kienet il-prassi li l-persuna assigurata tintalab li tagħmel it-talba sa tliet xhur qabel ma tilħaq l-eta' ta' irtirat. Dan isir biex id-Dipartiment f'dan iż-żmien jilħaq jiġbor l-informazzjoni kollha li tkun tinħtieġ biex tiġi kkalkulata r-rata ta' pensjoni dovuta u b'hekk din titħallas kemm jista' jkun ma' l-ewwel pagamenti ta' pensjonijiet li jkun hemm wara li tilħaq l-eta', ta' l-irtirat. It-talba trid issir fuq formola apposta li tinkiseb mill-Uffiċċji Distrettwali li għandu d-Dipartiment imxerrdin ma' Malta u Għawdex.
8.3.99
Dipartiment ta' l-Akkomodazzjoni Soċjali — Allokazzjoni ta' djar
Question
Jista' l-Ministru jindika kemm ġew allokati postijiet mid-Dipartiment ta' l-Akkomodazzjoni Soċjali bejn Settembru, 1998 u Jannar, 1999?
Response (GONZI, LAWRENCE)
L-informazzjoni li qed tintalab mill-Onor. Membru, kif ukoll informazzjoni aktar dettaljata, ser tingħata fis-Seduta Nru. 74 bi tweġiba għall-Mistoqsija Nru. 5104.
8.3.99
Jista' l-Ministru jgħid x'deċiżjonijiet se jittieħdu dwar il-benefiċċji soċjali tal-persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament peress li għadha ma ngħatatx il-benefiċċju għal Jannar 1999 u s'issa kulma għamel id-Dipartiment tas-Sigruta' Soċjali kien li bagħat għaliha u staqsieha jekk l-ex-raġel tahiex il-manteniment u hi wriet li ilu ħafna ma jagħtiha dan il-manteniment?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-persuna kkonċernata ġiet infurmata biċ-ċirkostanzi kollha tal-każ tagħha mid-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali.
Ta' min iżid li l-persuna in kwistjoni kienet naqset li tirraporta l-iżviluppi li kien hemm fil-każ tagħha u għalhekk baqgħet tieħu l-benefiċċju meta dan ma kienx dovut lilha.
3.3.99
Ministeru għall-Politika Soċjali — Bordijiet/kumitati
Question
Jista' l-Ministru jgħid liema huma dawk il-Bordijiet jew kumitati tat-tmexxija, eċċ tal-gvern u ta' entitajiet oħra pubbliċi li jaqgħu taħt il-Ministeru għall-Politika Soċjali li ġew mibdula mill-5 ta' Settembru 'il hawn? Min kienu l-membri qabel ma nbidlu? Min huma l-membri issa? X'remunerazzjoni qed jieħdu?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni li talab l-Onor. Membru.
3.3.99
Jista' l-Ministru jgħid xi pjanijiet hemm biex ħaddiema li kienu mal-gvern u li llum huma mpjegati ta' entitajiet pubbliċi, biex dawk li llum huma pensjonanti u li l-pensjoni tagħhom intradmet fuq il-paga ta' meta kienu mal-gvern, issir ġustizzja magħhom u jiġu mogħtija lilhom dak li hu ħaqqhom skond il-paga li kellhom fl-entita' pubblika rispettiva li kienu fiha qabel spiċċaw mix-xogħol?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nitlob l-Onor. Interpellant tirreferi l-Mistoqsija lill-Ministru għal-Finanzi, li taħtu taqa' r-responsabbilita' għad-Dipartiment tat-Teżor li jamministra l-pensjonijiet ta' l-impjegati tal-Gvern.
3.3.99
Jista' l-Ministru jgħid għaliex tneħħiet ir-"reserved" ta' persuna bi bżonnijiet speċjali (il-permess ilu madwar 10 snin) fi Triq il-Vitorja, Ħal Qormi qrib l-uffiċċju tal-kunsill lokali?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ir-Reserved Parking Area/Keep Clear Bays quddiem residenzi privati ta' persuni f'diżabilita' bħala regola tingħata jew titneħħa mill-Bord Għall-Kontroll tat-Traffiku fuq rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabilita'.
Mill-1 ta' Ottubru 1998 sas-17 ta' Frar 1999 il-Kummissjoni ma għamlet l-ebda rakkomandazzjoni biex titneħħa xi Reserved Parking Area/Keep Clear Bays minn quddiem xi residenzi privati ta' persuni b'dizabilita'.
3.3.99
Jista' l-Ministru jara li jsir xi ħaġa fil-każ tal-persuna, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, li għandu kera għolja ħafna meta hu għandu paga minima?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jien infurmat illi l-kera inħadmet skond il-kundizzjonijiet tal-ħarġa numru 56 tal-Awtorita' tad-Djar li għaliha applikat il-persuna indikata, u skond il-kuntratt li hi ffirmat. Is-sussidju ġia ġie rivedut iżda nstab li skond il-kundizzjonijiet, dan għandu jibqa' l-istess.
3.3.99
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il talba għandha quddiemha l-ETC minn ċittadini Maltin għax-xogħol? Jista' l-Ministru jgħid kemm minnhom huma rġiel u kemm nisa? Kemm minnhom għandhom anqas minn 30 sena? Kemm minnhom għandhom anqas minn 50 sena u aktar minn 30 sena? Kemm minnhom għandhom 'il fuq minn 50 sena?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Fix-xahar ta' Diċembru 1998, kien hemm 7,437 persuna tirreġistra għax-xogħol fuq l-ewwel Parti tar-reġistru. Minn dawn 6,430 kienu rġiel u 1,007 kienu nisa. Skond l-eta' kien hemm:
* 2,898 kellhom anqas minn 30 sena,
* 3,565 kellhom bejn it-30 u d-49 sena,
* 974 kellhom minn 50 sena 'l fuq.
3.3.99
Jista' l-Ministru jgħid kemm għandu fax machines kemm fil-ministeru kif ukoll fid-dipartimenti kollha li jaqgħu fir-responsabbilta' tad-dekasteru tiegħu dipartiment b'dipartiment?
Jista' l-Ministru jgħid x'ditta huma?
Meta nxtraw?
Kemm swew fi spejjeż?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra dokument li jipprovdi l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Membru.
2.3.99
Peress li x-xogħol ta' slum clearance fi Triq San Ġwann, Bormla issa beda, jista' l-Ministru jikkonferma li dan il-proġett kien diġa' ipproġettat u mfassal mill-Awtorita' tad-Djar fil-programm tagħha tas-sena l-oħra? Jikkonferma wkoll il-Ministru li fis-sajf tas-sena 1998 ittellgħet exhibition dwar dan il-proġett mill-Awtorita' tad-Djar fil-Każin tal-Banda San Ġorġ ta' Bormla?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Iva nikkonferma li l-proġett ta' Triq San Gwann, Bormla huwa inkluż fl-estimi ta' l-Awtorita' tas-sena l-oħra kif nikkonferma wkoll li l-esebizzjoni dwaru dehret fil-każin tal-Banda ta' San Ġorġ Bormla fis-Sajf ta' l-1998. Biss ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ewwel xogħol ta' kejl tal-bini affettwat minn dal-proġett inbeda fis-Sajf ta' l-1995 u l-pjanti bdew jitħejjew propju f'dak iż-żmien. Fil-fatt l-applikazzjoni lill-Awtorita' ta' l-Ippjanar kienet saret f'Marzu ta' l-1997, jiġifieri madwar sena u nofs wara. Dan qed ngħidu biex nuri li dal-proġett ilu ġej u fil-fatt l-ewwel tħejjijiet saru fil-leġislatura ta' bejn l-1992 u l-1996. Jibqa' l-fatt li l-proċess għat-twaqqiegħ beda issa, taħt dan il-Gvern, wara ħafna telf ta' żmien bla bżonn matul l-amministrazzjoni Laburista. Nappella lill-Onor. Membru biex ma noqgħodux nargumentaw dwar min kellu l-idea oriġinali u nieħu pjaċir ninnota li fuq il-ħtieġa ta' dan it-tip ta' proġetti fil-Kottonera, hemm qbil bejn iż-żewġ naħat tal-Kamra.
2.3.99
Jista' l-Ministru jgħid fiex waslet it-talba tal-persuna, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, sabiex tkun tista' tixtri l-appartament li tgħix fih?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jien infurmat li, skond ir-Reġistru Elettorali, l-persuna ndikata mill-Onor. Membru toqgħod f'appartament ieħor fl-istess inħawi u mhux f'dak imsemmi fid-dettalji mehmuża mall-Mistoqsija.
Ma jirriżultax li saret xi talba għax-xiri ta' din ir-residenza.
2.3.99
Jista' l-Ministru jgħid kemm se jibbenefikaw single parent families u familji oħra li qed jirċievu ċ-children's allowance permezz taż-żewġ emendi li tressqu fil-budget li ġie ppreżentat tliet xhur ilu, li proprju jikkonċernaw single parent families kif ukoll tibdil fil-liġi taċ-children's allowance?
Response (GONZI, LAWRENCE)
L-istima mill-ġdid ta' kull sena biex jiġi stabilit id-dritt tal-Allowance tat-Tfal skond id-dħul dikjarat għas-sena 1998 hi mistennija li titlesta għal-ħabta ta' Lulju ta' din is-sena f'liema xahar jiġi dovut l-pagament li jmiss wara r-reviżjoni imsemmija.
Għaldaqstant l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant ma tkunx tista' tinġabar f'dan l-istadju.
2.3.99
Jista' l-Ministru jgħid għaliex fil-kompożizzjoni l-ġdida tal-Kummissjoni għall-Avvanz tal-Mara ġew magħżula żewġ membri mill-qasam tal-criminology u mbagħad m'hemm, per eżempju, l-ebda social worker?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-komposizzjoni l-ġdida tal-Kummissjoni għall-Avvanz tal-Mara mhix ibbażata fuq rappreżentanza ta' professjonijiet differenti, iżda hi bbażata fuq il-kriterji li l-persuni magħżula jistgħu jagħtu kontribut fil-qasam tan-Nisa fis-Soċjeta. Jidhirli, pero', li l-Kummissjoni tinkludi membri li huma impenjati ħafna fl-oqsma soċjali ewlenin.
1.3.99
Jista' l-Ministru jgħid u jikkonferma hux veru li nħarġet care order fil-konfront ta' persuna minuri wara li naqas li jirritorna d-dar mill-iskola u li llum jinsab f'St Patrick's u li sal-lum il-ġenituri tiegħu għadhom imċaħda minn kull informazzjoni ta' dan kollu?
Ma jidhirlux il-Ministru li din il-care order li nħarġet f'Jannar ta' din is-sena trid tiġi minnufih diskussa mal-partijiet kollha, inklużi l-ġenituri?
Response (GONZI, LAWRENCE)
M'hinix dispost li nagħti informazzjoni dwar każijiet fejn l-aspetti personali huma assolutament kunfidenzjali u dan fl-aħjar interess tal-partijiet kollha involuti. Infakkar lill-Onor. Membru li l-liġi stess tipprovdi għar-rimedji kollha neċessarji f'każijiet bħal dawn.
1.3.99