Jista' il-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari 8234 u cioe' jista' jgħid x'se jsir mill-ħaddiema ta' Ħal Ferħ issa li l-istabiliment fejn jaħdmu se jagħlaq biex il-post jgħaddi għand sidien privati? X'tip ta' ftehim se jsir magħhom dwar l-impjieg preżenti tagħhom? Kif se jitħares l-impjieg tagħhom wara li Ħal Ferħ jagħlaq?
Response (GATT, AUSTIN)
Ġejt mgħarraf li fiż-żewġ laqgħat li l-Management ta' Ħal-Ferħ kellu mal-GWU, il-Union ġiet infurmata li l-ħaddiema ħa jibqgħu fuq il-kotba ta' Ħal-Ferħ u għalkemm il-kumpanija m'hiex se topera s-sajf li ġej il-ħaddiema ħa jingħataw l-leave akkumulat fix-xitwa u mbagħad jirrapurtaw għax-xogħol bħas-soltu.
Jista' il-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari 8235 u cioe' jista' jgħid fiex waslu t-trattattivi biex Ħal Ferħ jgħaddi għand kumpannija privata? Kemm hemm kumpanniji privati interessati f'Ħal Ferħ?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' il-Ministru jinvestiga żbroff kbir li hemm f'Pembroke biswit il-ground tal-football ta' Pembroke li ġieli nġabar f'għadira? Jista' jissewwa mill-iktar fis, la huwa ta' ħsara kbira għat-tfal u nies oħra, u anke fl-isfond li hemm lukanda ewlenija?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Enemalta/WSC — Qtugħ fis-servizz tad-dawl u l-ilma
Question
Jista' il-Ministru jgħid kemm hawn persuni u/jew azjendi li nqatgħalhom is-servizz tad-dawl u/jew ilma għax waqgħu lura fil-ħlasijiet?
Response (GATT, AUSTIN)
Mill-ewwel t'Awwissu sal-11 t'Ottubru 2004 in-numru ta' persuni u/jew ażjendi li nqatgħalhom is-servizz tad-dawl kien ta' 571 fil-waqt li ta' l-ilma kien ta' 96.
Jista' il-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari 7657 u cioe' jista' jgħid x'inhu sehem il-gvern fil-Malta Dairy Products? Kemm hu n-numru ta' ħaddiema mal-MDP u kif inhuma mqassma skond il-grad?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' il-Ministru jagħti informazzjoni dwar kemm kien hemm impjegati, maqsuma skond il-grad (inkluż it-top management) fil-Freeport sena b'sena sa mit-twaqqif?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' il-Ministru jgħid kemm kien l-infiq u d-dħul, sena b'sena, sa mit-twaqqif tal-Freeport? Jista' l-informazzjoni jaqsamha skond fejn sar l-infiq u fiex u jindika mnejn ġie kull dħul?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' il-Ministru jgħid x'wassal biex għal matul diversi jiem f'nofs Ottubru kien hemm ħruġ qawwi ta' drenaġġ fit-triq li tieħu lejn il-bajja ta' San Ġorġ mis-Swieqi għal San Ġiljan, inħawi mimlija ristoranti u lukandi u fejn jinġemgħu ħafna nies lokali u barranin? Kemm damu ma saru t-tiswijiet meħtieġa?
Response (GATT, AUSTIN)
Jiena nfurmat li peress illi fl-inħawi msemmija hemm ħafna servizzi għaddejjin u peress illi d-drenaġġ kien ħiereġ mill-culvert tal-Maltacom, kien diffiċili biex jiġi identifikat fejn kienet il-problema.
Fil-fatt instab illi kien hemm sadd fil-mejn tad-drenaġġ fi Swieqi Road u d-drenaġġ beda jgħaddi għal ġo service trench tal-Maltacom u joħroġ minn ġo inspection box li hemm faċċata l-Intercontinental Hotel.
Wara tindif u anke survey bis-CCTV, issa dan il-ħruġ ta' drenaġġ waqaf u ttieħdu prekawzjonijiet biex ma jkunx hemm ripetizzjoni ta' dan l-iżbroff ta' drenaġġ.
Jista' il-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 7957 u cioe' jgħid matul l-aħħar sena kemm kien hemm ħaddiema ta' l-Air Malta li telqu minn mal-kumpannija u mhux irtiraw biż-żmien? F'liema oqsma telqu f'kull każ? Kemm ġew impjegati ħaddiema ġodda f'kull każ?
Response (GATT, AUSTIN)
Jiena nfurmat li mill-ewwel t'Ottubru 2003 in-numru ta' ħaddiema tal-Air Malta li telqu kienu ta' sitta u tmenin (86) li jikkonsistu -
Tlieta u sebgħin (73) minnhom ibbenifikaw mill-iskema tal-Boarding Out li qiegħda fil-ftehim kollettiv.
Sitta (6) irriżenjaw.
Erba' (4) utilliżżaw l-iskema tal-Early Retirement.
Tlieta (3) mietu.
Kif wieħed jista jara minn numru ta' hawn fuq il-ħaddiema kienu minn kull oqsma ta' xogħol, jigifieri -
Ħdax (11) il-persuna kienu jokkupaw grad eżekuttiv.
Disa' u tletin (39) kienu klerikali.
Tlieta u għoxrin (23) industrijali li l-parti l-kbira minnhom kienu ħaddiema tar-Rampa.
Sitt (6) persuni li rriżenjaw huma tlett Piloti, Skrivan, Engineer u Stewardess.
Tlett (3) Group Heads u Head (1) ibbenifikaw mill-iskema tal-Early Retirement.
Tlieta mietu.
Matul l-istess perjodu ta' żmien il-Kumpanija mpjegat sitt (6) Trainee Technicians u Chief Officer H.R. & Corporate Services fil-livell ta' Top Management.
Jista' il-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 7955 u cioe' jgħid jekk għal din is-sena t-tarzna hux se jkollha biżżejjed flus biex tħallas il-pagi tal-ħaddiema tagħha jew il-gvern hux se jkollu jgħaddilha iżjed flus biex ikollha mnejn tħallas il-pagi kollha tal-ħaddiema? Fil-każ li iva, kemm se jkollu jgħaddilha iżjed flus sa l-aħħar tas-sena?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamnetari 7956 u cioe' jgħid x'servizz ta' trasport bl-ajru hemm maħsub li jibda jopera bejn Malta u Għawdex wara li jieqaf is-servizz bil-helicopter ta' l-Air Malta?
Response (GATT, AUSTIN)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija Nru. 7956.
Ministeru għat-Teknoloġija ta' l-Informazzjoni — Konsulenti/kumpanniji ta' konsulenza
Question
Jista' il-Ministru jagħti lista ta' konsulenti jew kumpanniji ta' konsulenza, lokali jew barranin, li l-ministeru tiegħu, inkluż il-korporazzjonijiet pubbliċi kollha li jaqgħu taħtu, għamel jew jagħmel użu minnhom mit-13 ta' April, 2003 sal-lum? Fiex kienu jikkonsistu s-servizzi li ngħataw f'kull każ u kemm kienu l-ħlasijiet? Jista' jgħid kemm għad baqa' ħlasijiet li jridu jsiru?
Response (GATT, AUSTIN)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Kemm kien il-kont li l-Gvern ħallas lill-Enemalta għal-provvista tal-kurrent elettriku biex jinxtegħlu t-toroq ta' Malta matul is-sena 2003? Kemm kien il-kont għal-konsum fl-ewwel 6 xhur ta din is-sena, 2004? Kemm kien il-kont għal-konsum għall-provvista tal-kurrent eletriku li ħallas il-Gvern lill-Enemalta għall-użu fl-uffiċini u workships u stabbilimenti oħra kemm governattivi u dawk parastatali għall-istess perjodi?
Response (GATT, AUSTIN)
Jien nfurmat li l-kont ta' l-Enemalta għall-provvista tal-kurrent elettriku biex jinxteghlu t-toroq ta' Malta bejn Ottubru 2002 u Settembru 2003 kien ta Lm1,344,378.
Il-kont għall-konsum bejn Jannar u Ġunju tas-sena 2004 għadu qed ikun maħdum.
Il-konsum ta' l-elettriku minn uffiċini, workshops u stabbilimenti oħra Governattivi bejn Ottubru 2003 u Marzu 2004 kien ta' Lm3,932,420.
X'inhi eżattament il-ħatra tal-persuna indikata separatament il-lum fil-PBS? Jaħseb il-Ministru li għadu mhux fl-interess tal-poplu li jiżvela x'kien qed jiswa lit-taxpayer dan il-konsulent tal-PBS? Jista il-Ministru jħabbar ir-remunerazzjoni, u vantaġġi oħra li jieħdu l-memmbri tal-Bord Editorjali.
Response (GATT, AUSTIN)
Il-persuna ndikata kienet oriġinarjament ingaġġata bħala konsulent editorjali tal-Bord tad-Diretturi. Illum tokkupa wkoll il-pożizzjoni taċ-Chairperson tal-Bord Editorjali u dan wara r-riformi li saru fil-PBS.
Iż-żewġ pożizzjonijiet huma "full time". Iċ-Chairman tal-Bord Editorjali jitħallas l-istess bħaċ-Chairman tal-Bord tad-Diretturi. Kumplessivament, jiġifieri fiż-żewġ funzjonijiet tiegħu, il-persuna ndikata titħallas Lm684 fix-xahar u għandu rifużjoni tal-ispejjeż tat-telefon bħal membri tal-Bord tad-Diretturi.
Jista' il-Ministru, dment u sakemm dan ma jkunx ta' preġudizzju għall-industrija ċinematografika Maltija, jikkonferma li hemm il-possibbilta' serja li s-sequel tal-film Gladiator (i.e. Gladiator II) jinħadem Malta?
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 7436, jista' il-Ministru jwieġeb dwar Borg Street, Fleur-de-Lys, Birkirkara (qegħda Borg Street waħedha)?
Response (GATT, AUSTIN)
Jiena nfurmat li minn investigazzjoni li saret jirriżulta li l-bozoz f'Borg Street, Fleur-de-lys, B'Kara diġa' ġew devoluti u għalhekk jaqgħu taħt ir-responsabilita' tal-Kunsill Lokali.
Jista' il-Ministru jgħid għaliex ma tħallasx il-kont ta' l-ilma tal-Gozo Heliport bil-konsegwenza li l-water supply ġiet maqtugħa? Jista' jgħid għal kemm kien jammonta dan il-kont?
Response (GATT, AUSTIN)
Jiena nfurmat li l-kont ta' Lm12,430.42 thallas mill-MIMCOL permezz tac-cheque 8941 fil-5 t'Ottubru 2004.
Jista' il-Ministru jgħid x'inhu sehem il-gvern fil-Malta Dairy Products? Kemm hu n-numru ta' ħaddiema ma' l-MDP u kif inhuma mqassma skond il-grad?
Response (GATT, AUSTIN)
Il-Gvern permezz tal-MDC, għandu shareholding ta' 450,000 'B' Shares ekwivalenti għal 30% fil-Malta Dairy Products. L-informazzjoni l-oħra ma tistax tingħata minħabba s-sehem minoritarju tal-Gvern.
Jista' il-Ministrtu jara li jitneħħa l-inkonvenjent ta' irwejjaħ ta' drenaġġ li qed ikun hemm fiċ-Ċirkewwa, speċjalment matul il-lejl?
Response (GATT, AUSTIN)
Jiena nfurmat li l-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma ser tieħu passi biex il-manholes tad-drenaġġ fuq il-medda li hemm fiċ-Ċirkewwa jkunu siġillati. B'hekk jispiċċa l-inkonvenjent ta' rwejjaħ li hemm fl-inħawi.