Legislature:
Category:
Reset
Active:

MCCAA – Memorandum of Understanding

Question

B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 28919, tista’ l-Ministru tgħid, għal kull entità li hemm fi ħdan l-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur kienx sar xi Memorandum of Understanding, jew xi forma ta’ ftehim ieħor, ma’ awtoritajiet oħra? Jekk iva, tista’ għal kull entità, telenka meta ġie ffirmat tali ftehim u ma liema Awtorità?

Response (DALLI, HELENA)

Infurmata li m'hemm l-ebda Memorandum of Understanding, jew xi forma ta’ ftehim ieħor, bejn awtoritajiet oħra u l-entitajiet f’ħdan l-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur.

Direttur Ġenerali – talbiet għall-ħruġ ta’ interim measures

Question

B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 28918, tista’ l-Ministru tgħid kemm-il interim measure ħareġ id-Direttur Ġenerali (Kompetizzjoni) abbażi ta’ investigazzjonijiet li saru ex officio?

Response (DALLI, HELENA)

Infurmata li d-Direttur Ġenerali ma ħareġ l-ebda interim measure abbazi ta’ investigazzjoniet li saru ex ufficio.

Board of Governors — individwu

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament li qiegħed fuq il-Board of Governors hux l-istess individwu li ġie appuntat fuq it-Tribunal ta’ Appell għall-Kompetizzjoni u Konsumatur? Jekk iva, tarax li jista’ jkun hemm problemi ġaladarba dan l-individwu hu membru kemm tal-Board of Governors tal-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA) kif ukoll tal-istess Tribunal li allura jisma’ u jiddeċiedi appelli minn deċiżjonijiet meħuda minn direttorati f’ħdan l-istess MCCAA?

Response (DALLI, HELENA)

Ninforma lil Onor. Interpellant li l-isem tal-persuna tħalla fuq il-lista bi zvista. Bħalissa għaddej il-proċess biex jitneħħa l-isem minn fuq it-Tribunal.

Tribunal tal-Konsumatur – sottomissjonijiet b’mod elettroniku

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'qed iżomm milli tiġi introdotta l-faċilità li każ quddiem it-Tribunal tal-Konsumatur jiġi sottomess b'mod elettroniku, fejn kemm it-talba kif ukoll ir-risposta jkunu jistgħu jsiru b’mod elettroniku?

Response (DALLI, HELENA)

Infurmata li dan huwa proċess u qegħdin isiru l-konsultazzjonijiet neċessarji għall-implementazzjoni ta’ din il-facilità.

Tribunal għat-Talbiet tal-Konsumatur – andament tal-każ

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'qed iżomm milli l-Gvern jintroduċi sistema fejn wieħed jista' jsegwi l-andament tal-każ tiegħu quddiem it-Tribunal għat-Talbiet tal-Konsumatur b' mod elettroniku fuq website dedikata għal dan l-iskop, bħalma hemm diġà l-faċilità quddiem il-Qrati Ordinarji u fora oħra aġġudikattivi?

Response (DALLI, HELENA)

Infurmata li dan huwa proċess u qegħdin isiru l-konsultazzjonijiet neċessarji għall-implementazzjoni ta’ din il-facilità.

Kumitat Reġjonali għal Għawdex tal-MCESD — proposti

Question

B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 28674, tista’ l-Ministru tgħid, mill-proposti li ġew imressqa mill-Kumitat Reġjonali għal Għawdex tal-MCESD għal-Baġit 2017, kemm minnhom ġew inkorporati fil-baġit u kemm minnhom tħallew barra?

Response (DALLI, HELENA)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jagħmel din il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Kunsill għall-Affarijiet tal-Konsumatur – żieda fit-tariffi fit-trasport għat-tfal tal-iskola

Question

B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 28915, tista’ l-Ministru tikkjarifika għal liema kwistjoni qed tirreferi meta wieġbet li waħda mill-kwistjonijiet “tirreferi għal żieda fit-tariffi tas-servizz u t-tariffi fis-suq li huwa liberalizzat”?

Response (DALLI, HELENA)

Infurmata li l-frażi "Dwar is-suq liberalizzat" fir-risposta kienet qed tirreferi għal parti tad-domanda li kienet fuq il-vannijet tal-iskola.

MCCAA – żieda fit-tariffi għat-trasport għat-tfal tal-iskola

Question

B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 28887, tista’ l-Ministru tgħid kemm saru, jew qed isiru, investigazzjonijiet mill-Uffiċċju għall-Affarijiet tal-Konsumatur taħt id-dispożizzjonijiet imsemmija fil-mistoqsija parlamentari?

Response (DALLI, HELENA)

Infurmata li d-dispożizzjonijiet imsemmija huma ix-xogħol regolari ta’ kuljum li jsegwi l-Uffiċċju għall-Affarijiet tal-Konsumatur. Dan meta l-Uffiċċju jkun qed jittratta lmenti, mistoqsijiet ġenerali fuq prattiċi fis-suq kemm minn konsumaturi kif ukoll minn kummerċjanti, waqt spezzjonijiet fis-suq kemm fil-ħwienet u anke onlajn, kif ukoll waqt programmi ta’ informazzjoni fil-midja in ġenerali. L-għan tal-Uffiċċju hu li jinstab rimedju jew ftehim amikevoli mingħajr il-ħtieġa li jinbdew proċeduri amministrattivi jew kriminali, fin-nuqqas ta’ dan jiġu segwiti l-proċeduri relevanti skont il-leġislazzjoni miksura.

Awtorità għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur – rapport annwali

Question

Tista’ l-Ministru twieġeb mistoqsija parlamentari 28526 u ċjoè: B’referenza għall-paġna 9 tar-Rapport Annwali tas-sena 2015 tal-Awtorità għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur b’mod partikolari għas-sezzjoni ntitolata Main Operations, tista’ l-Ministru tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tad-deċiżjonijiet, anke f’format mhux kunfidenzjali, tal-wieħed u erbgħin każ li ġew riżolti?

Response (DALLI, HELENA)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra, d-deċiżjonjiet li ttieħdu mill-Uffiċċju fis-sena 2015 taħt regolament 17 tar-Regolamenti dwar il-Kontroll tal-Konċentrazzjonijiet [7] u l-artikolu 14(3) taħt l-Att dwar il-Kompetizzjoni [1]. Infurmata li fuq il-bqija tal-każijiet, l-Uffiċċju ma ħax deċiżjoni skont kif kontemplat fl-Att dwar il-Kompetizzjoni u għalhekk mhumiex suġġetti għal-pubblikazzjoni.

Uffiċċju tal-Kompetizzjoni – laqgħat ma’ intraprendituri żgħar u medji – spjegazzjoni tal-provvediment tal-Att dwar il-Kompetizzjoni

Question

Tista’ l-Ministru tgħid, minn Marzu 2013 sal-ġurnata li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, kemm-il laqgħa għamel l-Uffiċċju għall-Kompetizzjoni ma’ intraprendituri żgħar u medji sabiex jiġi spjegat lilhom il-provvedimenti tal-Att dwar il-Kompetizzjoni? Jekk dawn saru, tista’ tgħid meta dawn saru u ma’ liema setturi tan-negozju dawn saru?

Response (DALLI, HELENA)

Infurmata li l-Uffiċċju għamel numru ta’ laqgħat ma’ intraprendituri żgħar u medji iżda statistika dwar in-numru ta’ laqgħat m’hemmx.

Uffiċċju għall-Affarijiet tal-Konsumatur – FA Premier League – każ ta’ Delayed Screening of Premier League matches

Question

Tista’ l-Ministru tgħid meta l-Uffiċċju għall-Affarijiet tal-Konsumatur kiteb lil FA Premier League rigward il-każ tad-Delayed Screening of Premier League Matches? Tista’ tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta’ din il-korrispondenza?

Response (DALLI, HELENA)

Infurmata li waqt diskussjonijiet li kienu qegħdin isiru fil-bidu ta’ Awissu 2016 l-Uffiċċju għall-Affarijiet tal-Konsumatur talab lill-operatur ikkonċernat sabiex jgħaddi lill-istess Uffiċċju dikjarazzjoni uffiċjali mingħand il-Premier League li tikkonferma illi t-tibdil tal-prodott offrut mill-operatur ikkonċernat huwa riżultat ta’ tibdil fid-drittijiet tal-operaturi kollha fiż- Żona Ekonomika Ewropea fir-rigward tax-xandir tal-logħob tal-Premier League. L-informazzjoni dwar l-imsemmija dikjarazzjoni waslet mill-Football Association Premier League Limited fis-17 ta’ Awissu, 2016. Peress li f’din il-korrispondenza l-FA Premier League talbu li tinzamm kunfidenzjali, din l-informazzjoni ma tistax titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Abbuż ta’ kundizzjonijiet ta’ xogħol prekarju – każ ta’ individwu

Question

Tista’ l-Ministru tara li jiġi kkuntattjat l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament sabiex jiġi investigat każ ta' abbuż ta' kundizzjonijiet ta' xogħol prekarju?

Response (DALLI, HELENA)

Infurmata li l-persuna msemmija infurmata bil-każ tagħha.

Tribunal għal Talbiet tal-Konsumatur – ġurisdizzjoni — żieda

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk hemmx il-ħsieb li ġurisdizzjoni tat-Tribunal għal Talbiet tal-Konsumatur tiżdied sa €5,000 bħalma ġara xi xhur ilu fil-każ tat-Tribunal għal Talbiet Żgħar? Jekk iva, meta?

Response (DALLI, HELENA)

Infurmata li mhux biss hemm il-ħsieb imma anki r-rieda li l-ġurisdizzjoni tat-Tribunal għal Talbiet tal-Konsumatur tiżdied minn €3,500 għal €5,000. Bħalissa għaddejjin minn proċess ta’ konsultazzjoni interna sabiex nidentifikaw il-liġijiet li jridu jiġu emendati sabiex nagħtu lok għal din il-bidla.

Kunsill għall-Affarijiet tal-Konsumatur – Reversal Schedule — spiża

Question

B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 28913, tista’ l-Ministru tgħid fiex kienet tikkonsisti l-ispiża ta’ €256 intitolata Reversal Schedule?

Response (DALLI, HELENA)

Infurmata li reversal schedule jirreferi għal spejjeż mhux relatati mal-Kunsill għall-Affarijiet tal-Konsumatur u li bi żball klerikali (accounting error) ġew jidhru fuq il-Vot tal-Kunsill. Biex dan l-iżball ġenwin jitranġa u l-flus jidhru fuq il-vot korrett (u mhux tal-Kunsill) sar dak li jissejjaħ “ reversal entry ”.

MCCAA – Uffiċċju tal-Konsumatur – operaturi li joffru s-servizz tat-televiżjoni – bdil ta’ channel line ups

Question

B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 28916, tista’ l-Ministru tgħid jekk l-Awtorità ta’ Malta għall-Komunikazzjoni ġietx infurmata b’din id-deċiżjoni u jekk iva meta sar dan? F’dan ir-rigward, tista’ tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-korrispondenza?

Response (DALLI, HELENA)

Infurmata li l-Awtorità ta’ Malta għall-Komunikazzjoni kienet ġiet infurmata b’din id-deċiżjoni fis-7 ta’ Settembru 2011. Minħabba kunfidenzjalità din il-korrispondenza ma tistax titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Kunsill għall-Affarijiet tal-Konsumatur – żieda fit-tariffi fit-trasport għat-tfal tal-iskola

Question

B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 28915, tista’ l-Ministru tgħid kif il-Kunsill għall-Affarijiet tal-Konsumatur stabbilixxa li l-kwistjoni dwar iż-żieda fit-tariffi fit-trasport għat-tfal tal-iskola u l-kwistjoni dwar pompa tal-petrol lokali li ma tħallietx traħħas il-prezz tal-petrol u d-diesel f’Jannar 2015 ma jiksrux l-Att dwar l-Affarijiet tal-Konsumatur?

Response (DALLI, HELENA)

Kif diġà ġie indikat dawn il-kwistjonijiet huma relatati ma L-Att tal-Kompetizzjoni u mhumiex materja tal-Kunsill Għall-Affarijiet tal-Konsumatur.

Kunsill għall-Affarijiet tal-Konsumatur – każijiet li għandhom x’jaqsmu mal-Att dwar l-Affarijiet tal-Konsumatur

Question

B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 28915, tista’ l-Ministru tgħid jekk il-Kunsill għall-Affarijiet tal-Konsumatur jidħolx biss f’dawk il-każijiet li għandhom biss x’jaqsmu mal-Att dwar l-Affarijiet tal-Konsumatur?

Response (DALLI, HELENA)

Infurmata li l-Kunsill għall-Affarijiet tal-Konsumatur jiffunzjoni abbazi tal-poteri li tagħtih il-liġi fosthom l-att dwar l-Affarijiet tal-Konsumatur.

Kunsill għall-Affarijiet tal-Konsumatur — rapport

Question

B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 26738 u r-Rapport ta’ Ħidma tal-Kunsill tal-Affarijiet tal-Konsumatur, tista’ l-Ministru tgħid meta seħħet il-laqgħa mal-Awtorità tat-Turiżmu? Tista’ tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-minuti tal-laqgħa? Tista’ tgħid taħt liema liġi l-imsemmija Insolvency Provision hija regolata?

Response (DALLI, HELENA)

Infurmata li l-laqgħa ma’ L-Awtorita tat-Turiżmu seħħet fl-18 ta’ Settembru 2014. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-minuti tal-laqgħa kif ukoll il-provizzjonijiet ta’ Liġi relatata mal-insolvency Provision li gew fis-seħħ permezz ta’ Regolamenti tal-2016 dwar Fond għall-Insolvenza dwar Pakketti tal-Ivvjaġġar li jaqaw taħt L-Att tas-Servizzi tal Ivvjaġġar u tat-Turiżmu għall Malta Kap 409.

Kunsill għall-Affarijiet tal-Konsumatur — rapport

Question

B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 26738 u r-Rapport ta’ Ħidma tal-Kunsill tal-Affarijiet tal-Konsumatur, tista’ l-Ministru tgħid meta seħħet il-laqgħa bejn il-Kunsill, l-MCA u l-MCCAA riferuta f’sezzjoni 10 tar-rapport? Tista’ tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-minuti tal-laqgħa?

Response (DALLI, HELENA)

Infurmata li l-laqgħa seħħet fi 3 ta’ Ottubru 2014. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-minuti tal-laqgħa.