Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ġew imwettqa reati matul April 2005? Jista' jikklassifika r-reati? Jista' jgħid kemm ġew solvuti matul April 2005?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi matul April 2005 ir-reati li ġew irrapurtati lill-Pulizija kienu kif jidher hawn taħt, filwaqt li matul l-istess xahar kien hemm 73 persuna misjuba ħatja ta’ reati kriminali.
Reati rrapurtati lill-Pulizija matul April 2005
Abandonment of child1
Against morals/honour of family2
Arson6
Attempted offences105
Bodily harm82
Administration of Justice, etc2
Damage321
Drugs6
Frogery2
Fraud11
Homicide1
Illegal Immigration14
Prostitution3
Sexual offences8
Theft853
Threats and private violence5
Violation of places of confinement1
Violence against public officers4
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid għal liema raġuni l-maġistrat Consuelo Scerri Herrera ma ngħatatx staff biex tkun tista' tkompli l-ħidma siewja tagħha f'Għawdex bil-konsegwenza li l-kawżi li kien hemm fuq il-lista ġew differiti?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li l-Maġistrat Dr Consuelo Scerri Herrera dejjem ingħatat l-istaff li kellha bżonn biex taqdi d-dmirijiet tagħha fil-Qrati t'Għawdex u dan mir-riżorsi umani li jeżistu f'dawk il-Qrati.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari tal-kollega tiegħi l-Onor.Adrian Vassallo 11827 dwar fenek li ġie allegatament imqaxxar ħaj f'ħanut ġewwa Ħaż-Żabbar, jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk iż-żewġ persuni identifikati mill-pulizija ġewx arrestati u ntalbux jagħmlu statement? Jekk iva, meta ġew arrestati u liema uffiċjal tal-pulizija qed imexxi l-istħarriġ? Ladarba l-pulizija identifikat iż-żewġ persuni allegatament indikati f'dan l-att krudili, meta hemm il-ħsieb li jitressqu l-qorti? Billi l-maġġoranza tal-poplu Malti u Għawdxi jħobb l-annimali u każi bħal dawn mhux biss jistmerruhom iżda jkunu jixtiequ li ssir ġustizzja ma' dawk responsabbli, jista' jara li dan il-każ jingħata l-importanza li tixraqlu?
Possibbli l-Viċi Prim Ministru jwieġeb dawn il-mistoqsijiet waħda waħda?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat ill wara rapporti li dehru fil-gazzetti, il-Pulizija ta' Ħaż Żabbar kienet bdiet investigazzjoni. Fil-kors ta' din l-investigazzjoni, il-Pulizija kienet interrogat żewġ persuni li kienu suspettati li kienu involuti. Dawn iż-żewġ persuni ġew akkużati quddiem il-Qorti talli ġiegħlu annimal isofri uġiegħ, tbatija jew dwejjaq mingħajr bżonn meta sar il-qtil ta' annimal b'mod li ma kienx hemm l-inqas tbatija fiżika u mentali għall-annimal kif kien xieraq fiċ-ċirkostanzi. Il-każ tagħhom ġie deċiż nhar it-2 ta' Mejju 2005, fejn ġew liberati mill-akkużi miġjuba kontra tagħhom.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid fiex waslu l-investigazzjonijiet tal-pulizija dwar il-kwestjoni ta' allegati irregolaritajiet fil-ħruġ tal-visas liċ-Ċiniżi mill-Ambaxxata Maltija f'Beijing?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi t-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru 11550, għadha tgħodd.
Jista’ il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm għandu jkun il-complement ta’ uffiċjali u ħaddiema oħra fil-ħabs? Kemm fil-fatt hu llum? Jekk hemm nuqqas ta’ staff meta hu maħsub li dan jimtela? Kemm kienu dawk li bdew il-kors ta’ taħriġ għal uffiċjali tal-ħabs? Kemm minnhom temmew il-kors b’suċċess? Meta hu maħsub li jiġu ngaġġati t-TCOs li fis-27 ta’ Marzu li għadda temmew b’suċċess il-kors ta’ taħriġ għal uffiċjal tal-ħabs?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi fil-preżent l-istaff complement tal-Ħabs hu kif ġej:-
Direttur 1
Assistant Correctional Officer 3
Senior Correctional Officer 22
Correctional Officer 148
Trainees C.O. 38
Hemm ukoll 29 membru tal-Korp tal-Pulizija li huma assenjati xogħol fil-Ħabs, kif ukoll 4 impjegati ċivili.
In-nuqqas ta' staff ser jimtela' fil-ġranet li ġejjin billi t-trainees isiru tal-post.
Infurmat ukoll illi għal kors li rrefera għalih l-Onor. Interpellant kien hemm 45 trainees, li minnhom 38 temmew il-kors b'suċċess.
Jista’ il-Viċi Prim Ministru jinvestiga jekk it-terminazzjoni ta’ l-impjieg tas-segretarju eżekuttiv tal-kunsill lokali ta’ Ħaż-Żebbuġ, Malta sarx skond il-liġi u l-proċeduri stabiliti? F’liema laqgħa, u allura f’liema data ġie deċiż li jiġi terminat il-kuntratt tax-xogħol tas-segretarju eżekuttiv? X’kien l-eżitu tal-vot fuq ir-riżoluzzjoni tat-terminazzjoni? Meta fil-fatt kienet l-aħħar ġurnata tax-xogħol tas-segretarju eżekuttiv? Meta nħarġet l-ittra jew l-istruzzjoni ta’ terminazzjoni ta’ impieg kien diġa’ hemm riżoluzzjoni tal-kunsill? Jekk le, fuq liema awtorita’ aġixxiet is-sindku biex tittermina dan l-impjieg? Jekk it-terminazzjoni ta’ l-impieg ma seħħitx skond il-proċeduri stabiliti, x’passi se jieħu d-dipartiment tal-kunsilli lokali?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li l-kuntratt tas-Segretarju Eżekuttiv tal-Kunsill Lokali Żebbuġ (Malta) skada fl-1 ta' Mejju 2005 u sa issa ma ttieħdet ebda deċiżjoni fuq it-tiġdid jew le mill-Kunsill.
Jista’ il-Viċi Ministru jgħid jekk id-dipartiment tal-kunsilli lokali huwiex jinvestiga lill-kunsill lokali ta’ Ħaż-Żebbuġ, Malta dwar amminstrazzjoni ħażina ta’ fondi? Jekk iva, x’inhu l-eżitu ta’ l-investigazzjoni?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li d-dipartiment għall-Kunsilli Lokali kien ikkummissjona lid-Direttur ta' l-Awditjar Intern u l-Investigazzjonijiet sabiex jinvestiga numru ta' allegazzjonijiet dwar amministrazzjoni ħażina ta' fondi mill-Kunsill Lokali Żebbuġ (Malta). Dan ir-rapport huwa lest u qiegħed jiġi studjat sabiex jittieħdu l-passi ulterjuri skond il-każ.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jara li jkun hemm pulizija jew warden fl-inħawi tal-junior college primarjament ħdejn il-ħwienet tax-xorb peress li qed ikun hemm ħafna studenti jagħmlu storbju u vendikazzjonijiet lir-residenti tal-madwar?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-Pulizjia, kemm dawk tad-Distrett kif ukoll tat-Taqsima ta' kontra d-Droga, jagħmlu rondi b'mod regolari fil-post imsemmi mill-Onorevoli Interpellant.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ingħataw b'devoluzzjoni proprjeta' lill-għaqdiet sportivi tul dawn l-aħħar ħames snin, u liema huma?
Hemm talbiet pendenti sabiex issir devoluzzjoni ta' artijiet għal skop ta' proġett sportiv u liema huma?
Response (BORG, TONIO)
Kif diġa' intqal fit-tweġibiet għall-Mistoqsijiet Parlamentari Numri 9165 u 9227, il-konċessjonijiet li jingħataw minn naħa tal-Gvern lill-għaqdiet sportivi huma amministrati mill-Kunsill Malti Sports. Għalhekk nitlob lill-Onorevoli Interpellant sabiex jindirizza t-talba tiegħu lill-Ministeru ta' l-Edukazzjoni, Żgħażagħ u Xogħol.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hu n-numru ta' persuni li jifformaw il-korp tal-pulizija, maqsuma skond il-grad?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi fil-preżent hemm 1,744 membru fil-Korp tal-Pulizija. Dawn huma mqassma kif ġej:
Kummissarju1
Deputat Kummissarju1
Assistent Kummissarju9
Supretendent21
Spettur91
Surġent Maġġur1
Surġent311
Kuntistabbli1,309
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm saru omiċidji tul dawn l-aħħar 20 sena u għadhom ma ġewx solvuti? Meta seħħ kull każ?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-każi ta' omiċidji jew imwiet taħt ċirkostanzi suspettużi li seħħew mill-1985 l'hawn u li dwarhom il-Pulizija għadha għaddejja bl-istħarriġ, huma kif jidher fuq it-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
B'riferenza għal mistoqsija parlamentari 10762, jista' il-Viċi Prim Ministru jagħti breakdown għas-snin 1999, 2000, 2001, 2002 u 2003 separatament?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi d-dħul tal-Gvern miċ-ċnus, qbiela u kera eċċ, li daħħal mir-raba, art, proprjeta' eċċ, matul is-snin 1999, 2000, 2001, 2002 u 2003 kien kif ġej:
1999 Lm5,501,493
2000 Lm5,848,956
2001 Lm5,951,956
2002 Lm6,082,446
2003 Lm7,462,471
B'riferenza għal mistoqsija parlamentari 10757, jista' il-Viċi Prim Ministru jwieġeb għall-perijodu ta' l-aħħar ħames snin, sena b'sena?
Response (BORG, TONIO)
Dwar l-informazzjoni fuq persuni li ġie kkonfermat lilhom li jistgħu jżommu żewġ ċittadinanzi nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 10758.
Dwar in-numru ta' persuni li akkwistaw iċ-Ċittadinanza Maltija l-informazzjoni tinsab fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jinformana għaliex il-joint office ma aċċettax il-ħlas tal-qbiela skond file A/2361/97 u cioe' skond l-aħħar irċevuta A000030573?
Billi fil-preżent iċ-ċens huwa ta' Lm4.80c, jista' il-Viċi Prim Ministru jinformana kemm huwa l-ħlas inkwestjoni llum?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li l-kerrejja ħallset il-qbiela sal-25 ta' Diċembru 2005 fuq il-proprjeta' in kwistjoni fl-24 ta' Marzu 2005, meta hija marret fil-Customer Care Section ta' l-Uffiċċju Konġunt fejn il-każ tagħha ġie solvut dakinhar stess - dan wara li rriżulta li n-Nutar tal-kerrejja (tenant) kien naqas li jinfurmaha bl-ittra ta' rikonoxximent mibgħuta lilu, għan-nom tagħha, fit-28 ta' Frar 2002.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hemm persuni jaħdmu mal-protezzjoni ċivili? X'inhu l-grad tagħhom? Kemm suppost huwa l-complement ta' l-istess dipartiment? Hemm ħsieb li jsir xi reklutaġġ f'każ li hemm postijiet battala? Jekk iva, meta hu maħsub li jsir dan?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-impjegati fid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili huma kif ġej:-
Livell Maniġerjali - Direttur 1
Managers 4
Assistance & Rescue Force - Station Officers 7
Leading Assistance & Rescue Officers 13
Assistance & Rescue Officers 98
Impjegati Ċivili - Senior Principal Officer 1
Principal Officer 1
Executive Officer 3
Messenger 1
Senior Tradesmen 7
Principal Tech Officer 1
Communicator 1
Barra minn dawn, hemm surġent u żewġ kuntistabbli "on loan" ma' dan id-dipartiment.
M'hemmx complement speċifikat u għalissa m'hemmx ħsieb li jsir xi reklutaġġ.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid min hu responsabbli għat-tiswija tal-bankini tal-Belt, Valletta? Il-bankini kollha huma responsabbilta' tal-kunsill lokali tal-belt kapitali? Jekk fl-affermattiv, kemm saru bankini u fejn f'dawn l-aħħar ħames snin?
Response (BORG, TONIO)
Il-funzjoni tat-tiswija tal-bankini hija responsabbilita' tal-Kunsilli Lokali u l-bankini kollha fil-lokalita' tal-Belt Valletta jaqgħu taħt ir-responsabbilita' tal-Kunsill Lokali Valletta.
Billi, bħal ma jaf l-Onor. Interpellant, il-Kunsilli Lokali huma korpi statutorji ta' gvern lokali b'personalita' legali distinta, nissuġerilu jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Kunsill Lokali konċernat.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm iqum lill-gvern kull ħabsi kull jum?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi jekk jingħaddu s-salarji ta' l-impjegati tal-Ħabs, l-ispiża tal-ikel, il-ħlas lill-ħabsin li jaħdmu, l-ispejjeż għal programmi ta' riabilitazzjoni, l-ispiża tas-servizzi tas-saħħa, u spejjeż oħra rikorrenti u jiġi diviż it-total bin-numru tal-medja ta' priġunieri f'kull ġurnata matul is-sena, l-ispiża tiġi madwar Lm26.94 kuljum.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid x'tip ta' xogħol jagħmlu l-ħabsin illum u kemm minn dawn jaħdmu?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li fil-preżent hemm total ta' mija u wieħed u disgħin (191) priġunier li qegħdin jagħmlu xi tip ta' xogħol.
Ix-xogħol provdut huwa ta' dawn il-ġeneru:-
Xogħol ta' Aluminium
Book Binding
Mastrudaxxa
Tindif ta' Vetturi
Fattigi tad-diviżjonijiet
Xogħol ta' l-elettriku
Xogħol ta' ħadid
Tisjir u tindif (Kċina)
Ħjata
Xogħol fl-istores
Xogħol fit-Tuck Shop
Xogħol ta' ħobż (Bakery)
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid liema huma dawk il-kunsilli li talbu li ssir laqgħa biex isir self ta' flus biex ikunu jistgħu jibnu uffiċini ġodda tal-kunsilli fis-sena 2005?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi bħalissa d-Dipartiment għall-Gvern Lokali għandu ħames applikazzjonijiet minn Kunsilli Lokali biex jieħdu self mill-bank għal xiri jew bini ta' l-uffiċċju amministrattivi tagħhom. Il-Kunsilli Lokali huma dawn: Qormi, Dingli, Qala, Sannat u Xagħra.
Naturalment hemm proċess sħiħ li jrid isir qabel ma toħroġ l-approvazzjoni għal dan is-self li jrid isir ukoll bi ftehim mal-Ministru tal-Finanzi.
L-applikazzjonijiet ta' dawn il-Kunsilli Lokali qegħdin f'fażijiet differenti ta' dan il-proċess.
B'riferenza għat-tweġiba ta' mistoqsijiet parlamentari 5156 u 5581, peress li għaddiet sena minn meta ngħataw dawk it-tweġibiet, jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ġew riżolti każi ta' kumpens bejn id-dipartiment ta' l-artijiet u sidien privati b'azzjoni diretta amministrattiva u kemm wara sentenzi mill-qrati tal-ġustizzja skond il-liġi?
Kemm kien l-ammont li ġie mħallas bħala kumpens f'kull każ u kemm kienu l-interessi li tħallsu fl-istess każi?
Peress li l-proċessi tal-kawżi fil-qrati tal-ġustizzja huma disponibbli għall-pubbliku, jista' ġentilment jagħti n-numri rilevanti ta' dawk il-proċessi relatati ma' tali pagamenti?
Kemm baqa' każi pendenti li dwarhom għad ma sarx kumpens?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi n-numru ta' każi ta' kumpens, li ġew riżolti bejn id-Dipartiment tal-Artijiet u s-sidien b'azzjoni diretta amministrattiva, huwa ta' 44, filwaqt li dawk li ġew riżolti wara sentenzi mill-qrati huwa ta' 22.
L-ammont ta' kumpens globali kien ta' Lm1,430,185.00 u Lm2,014,213.00 u l-interessi/danni kien ta' Lm865,768.00 u Lm1,773,442.00 rispettivament.
In-numru ta' rikorsi fil-Bord tal-Arbitraġġ ta' dawn il-proċessi relatati mal-pagamenti huma: 11/00; 5/98; 3/98; 8/98; 10/96; 12/97; 32/99; 16/99; 41/03; 36/99; 16/98; 12/97; 57/01; 50/00; 90/01; 26/99; 5/03; 6/03; 4/03; 8/03; 39/03; 8/97.
Il-każi pendenti quddiem il-Bord tal-Arbitraġġ li dwarhom għad ma sarx kumpens huwa ta' 323.