Legislature:
Category:
Reset
Active:

Fondazzjoni Ħajja Indipendenti

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hemm vetturi li qegħdin jintużaw għas-servizz tat-trasport speċjali għall-persuni b'diżabilita' provdut mill-Fondazzjoni Trasport Ħajja Indipendenti u kemm swew lill-Fondazzjoni vettura b'vettura?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li l-Fondazzjoni Trasport għall-Ħajja Indipendenti għandha għad-dispożizzjoni tagħha tlett vannijiet u karossa. Dawn swew kif ġej: - van mixtri fl-1994 u li kien sewa Lm10,000 - van mixtri fl-2000 u li sewa Lm12,000 - van provdut mill-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabilita' - karozza (hand control adapted) mixtrija second-hand fl-1999 u li swiet Lm1,000

Fondazzjoni Trasport Ħajja Indipendenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm huma l-persuni b'diżabilita' li qegħdin jużaw dan it-trasport speċjali provdut mill-Fondazzjoni Trasport Ħajja Indipendenti għal persuni b'diżabilita' u x'inhi d-destinazzjoni tagħhom - skola jew xogħol?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li skond ir-rapport ta' evalwazzjoni sottomess lill-Unit għall-Liaison mal-NGOs, bejn Ottubru 2000 u Marzu 2001, in-numru ta' persuni b'diżabilita' li użaw is-servizz provdut mill-Fondazzjoni ndikata u d-destinazzjonijiet relattivi kienu kif ġej: 21 Skola jew Universita' 23 Xogħol 12 Korsijiet ta' taħriġ 65 Attivitajiet soċjali

Fondazzjoni Trasport Ħajja Indipendenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kif qegħda tiġi l-Fondazzjoni Trasport Ħajja Indipendenti u x'inhi l-qagħda finanzjarja ta' din l-Fondazzjoni?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nitlob lill-Onor. Interpellanti tiċċara l-ewwel parti tal-Mistoqsija. Dwar it-tieni parti tal-Mistoqsija qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tar-Rapport ta' l-Awdituri għas-sena 1999.

Fondazzjoni Trasport Ħajja Independenti

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'livell edukattiv, x'nomeklatura u salarju/i u allowance/s għandhom min qed imexxi l-Fondazzjoni Trasport Ħajja Independenti?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li l-Fondazzjoni Trasport għall-Ħajja Indipendenti hi mmexxija minn Bord ta' Diretturi. Iċ-Ċhairperson tal-Bord hi sekondata mill-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabilita' u titħallas fuq skala tas-salarju 15 ta' l-impjegati tal-Gvern. Il-ħames membri l-oħra tal-Bord huma fuq bażi volontarja. Il-Fondazzjoni ma hijiex organiżżazzjoni governattiva imma tirċieva għajnuna finanzjarja minn għand il-Gvern. Għalhekk l-informazzjoni mitluba fl-aħħar parti tal-Mistoqsija ma tistax tingħata.

Sedqa

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm-il persuna attendiet fl-aġenzija Sedqa minħabba 1) abbuż tad-droga 2) abbuż mix-xorb alkoħoliku f'dawn l-aħħar xhur? Kemm minnhom kienu taħt it-30 sena? Kemm irġiel u kemm nisa? Kemm nisa tqal? Kemm miżżewġin?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabella li turi l-informazzjoni mitluba għall-perijodu bejn Jannar u April 2001.

Relief

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk persuna ta' ċittadinanza Maltija li qatt ma ħadmet f'pajjiżna u li ġiet mill-Ingilterra 15 il-sena ilu u għexet dejjem fuq ir-relief tkunx intitolata għall-pensjoni tal-eta' malli tagħlaq il-61 allavolja qatt ma ħadmet? Jgħoddu l-bolol li kienu tħallsu minn dawn l-individwu l-Ingilterra għall-kalkolu ta' din il-pensjoni.

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li persuna li qatt ma ħadmet f'pajjiżna u allura qatt ma ħallset kontribuzzjonijiet tas-sigurta' soċjali ma tistax tikkwalifika għall-pensjoni kontributorja għal min jirtira (60 sena għal mara u 61 sena għal raġel). Għaldaqstant persuna bħal din tista biss tikkwlaifika għal pensjoni tal-eta' (dik mhux kontributorja) li tingħata skond 'test' tal-meżżi stabilit bl-Att dwar is-Sigurta' Soċjali (Kap 318 tal-Liġijiet ta' Malta) meta wieħed jew waħda jgħalqu 60 sena. Fl-istess waqt jekk il-persuna ħadmet u ħallset il-kontribuzzjonijiet ġewwa l-Ingilterra, meta tagħlaq 65 sena tista' tikkwalifika għall-pensjoni taħt l-iskema tar-Renju Unit. It-talba għal din il-pensjoni tista' issir fid-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali (fl-uffiċċini distrettwali) hawn Malta. Inżid ngħid illi kif 'l-persuna msemmija tibda tirċievi il-pensjoni Ingliża il-pensjoni mhux kontributorja (dik lokali) tista' tonqos.

Pensjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hux minnu li jekk anzjan li jkun qed jieħu pensjoni non-kontributorja u jkollu valur kapitali ta' aktar minn Lm 4,000 titwaqqafflu din il-pensjoni? Għad-dipartiment tas-sigurta' soċjali x'inhu ikkunsidrat bħala valur kapitali? F'dak il-każ li persuna jkollha Lm 4,500, din titwaqqfilha l-pensjoni? U jekk fl-affermattiv, allura trid tonfoq dawn il-flus biex terġa tikkwalifika?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Skond l-Att dwar is-Sigurta' Soċjali, biex persuna weħida (ġuvni jew xebba) tkun intitolata għall-pensjoni mhux kontributorja, l-assi kapitali tagħha ma jridux ikunu jaqbżu l-Lm4,000. Biex jiġi stabbilit il-valur ta' l-assi kapitali jiġu meqjusa; 1. depożiti l-bank; 2. flus miżmuma d-dar; u 3. kull proprjeta' mobbli u immobbli, barra d-dar residenzjali, dar ta' villeġġjatura u karozza għall-użu personali. Ir-risposta għat-tielet parti tal-Mistoqsija hi fl-affermattiv. Fil-każ indikat, il-persuna terġa tikkwalifika għall-pensjoni meta l-assi kapitali tagħha jinżlu għal Lm4,000 jew anqas.

Pensjoni

Question

Jista' l-Ministru jara li pensjonant li ħareġ bil-wieħed u sittin sena jibda jirċievi l-pensjoni peress li mhu qed jirċievi xejn? Id-dettalji tiegħu qed jitbagħtu separatament min din il-mistoqsija?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi 'l-persuna minnu ndikata ser titħallas fl-aħħar ta' din il-ġimgħa. L-istess persuna ġiet infurmata bil-miktub dwar dan.

Dar ta' l-Anzjan

Question

Jista' l-Ministru jara jistax jitmexxa 'l quddiem il-każ ta' l-anzjana li l-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament min din il-mistoqsija, biex tidħol f'dar ta' l-anzjan tal-Gvern? Jista' l-Ministru jagħti l-aħħar żvillupi dwar dan il-każ?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuna ndikata applikat biex tidħol fid-Dar ta' l-Anzjani f'Mejju 1999. Fl-istess xahar saru l-assessments relatati u tpoġġiet fuq il-'waiting list' għax ma kienx każ urġenti. F'Mejju ta' din is-sena reġa' sarilha assessment soċjali.

S.V.P.R.

Question

Jista' l-Ministru jara li anzjana ta' 86 sena tiddaħħal l-S.V.P.R. minħabba l-bżonnijiet urġenti li għandhom. Id-dettalji ta' l-anzjana qed jintbagħtu separatament min din il-mistoqsija?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuna ndikata applikat f'April li għadda. L-Onor. Interpellant żgur li japprezza l-fatt li hemm lista ta' applikazzjonijiet pendenti li huma ġenwini. Il-każ tal-persuna msemmija ġie mgħoddi lill-Board għall-attenzjoni u azzjoni meħtieġa.

ETC

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk hux possibli jwieġeb il-mistoqsija parlamentari nru. 25637 u li erġajt irrepetejtha f'mistoqsija nru. 25941?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li ma tinżammx statistika speċifika dwar in-numru ta' persuni b'diżabilita' fiżika li jintbagħtu għall-korsijiet ta' taħriġ organiżżati mill-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ għax dawn il-persuni jintbagħtu b'mod regolari flimkien ma' oħrajn li m'għandhom ebda diżabilita. Ninsab infurmat li l-Korporazzjoni m'għandiex l-informazzjoni mitluba li tmur lura b'għaxar snin. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabelli li juru l-informazzjoni miġbura mill-Korporazzjoni dwar persuni b'diżabilita' mentali jew intellettwali.

ETC

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari nru. 25638 li erġajt irrepetejtilu (nru. 25940)?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Filwaqt li nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 26202 f'din l-istess Seduta, qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabella li turi l-informazzjoni dwar persuni b'diżabilita' mentali jew intellettwali li temmew korsijiet ta' taħriġ organiżżati mill-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ.

Home Help

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk teżistiex sistema ta' home help għall-anzjani/morda li fil-fatt jgħixu ma ħaddieħor li iżda minħabba x-xogħol ma jkunux jistgħu jagħtu l-għajnuna tagħhom matul xi ħinijiet filgħaxija? Jekk fl-affermattiv, jista' jagħti xi dettalji?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-servizz tal-Home Help jingħata matul il-ħin ta' filgħodu u mhux filgħaxija.

Drydocks

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta ser tiġi awtorizzata ż-żieda lil pensjonanti tad-drydocks li suppost ingħatat f'Jannar li għadda? Dawn il-pensjonanti ser jitħallsu imgħax ta' 1% fix-xahar fuq l-ammont dovut lilhom, bħal ma jiġi intaxxati jekk iħallsu t-taxxa tard?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, f'Jannar ta' din is-sena, kull pensjonant irċieva żieda ta' Lm1 fil-ġimgħa fil-pensjoni li kienet tirrappreżenta żewġ terzi ta' l-għoli tal-ħajja. Iż-żiediet fil-pensjonijiet tas-Sigurta' Soċjali fuq bażi personali, skond il-grad u l-provvedimenti tal-ftehim kollettiv li jkopri l-post li kien jokkupa l-pensjonant, tħallsu jew ser jitħallsu fis-26 ta' Mejju, fid-9 u fit-30 ta' Ġunju 2001, skond it-tip ta' pensjoni. Dwar l-aħħar parti tal-Mistoqsija ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Att dwar is-Sigurta' Soċjali ma jipprovdix għall-ħlas ta' imgħax fil-każ indikat minnu.

Performance Bonus

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari nru 25406 għar-rigward il-Ministeru tiegħu u ċioe: jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra min huma dawk l-uffiċċjali li skond il-ħatra tagħhom kienu jew qegħdin fuq performance agreement u għaldaqstant irċevew il-performance bonus minbarra s-salarju f'xi waħda mis-snin 1998, 1999 u/jew 2000 u fl-istess żmien kienu nominati jew maħtura għal xi pożizzjoni jew kariga oħra li tagħha rċevew xi ħlas, kumpens jew benefiċċju minbarra s-salarju u l-performance bonus? Għal liema kariga jew nomina dawn l-uffiċċjali pubbliċi rċevew il-ħlas, kumpens jew benefiċċju? X'kien il-ħlas, kumpens jew benefiċċju f'kull każ u x'kienet il-ħatra rispettiva tagħhom fiċ-ċivil li għaliha kellhom performance agreement u allura rċevew il-performance bonus?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabella li turi l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant dwar uffiċċjali fuq 'performance agreement' fid-dikasteru tiegħi.

Akkomodazzjoni Soċjali

Question

Jista' l-Ministru jagħti lista tal-postijiet li tqassmu mid-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali minn Ottubru 1998 sal-lum? Jista' jgħid f'liema lokalita' kienu dawn il-postijiet, kif wkoll fejn kienu rreġistrati dawk li bbenefikaw minn dawn il-postijiet?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabelli li juru l-informazzjoni mitluba.

Housing Authority

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jelenka x'inhuma l-ispejjeż involuti sabiex persuna tapplika għal xi skema tal-Awtorita' tad-Djar?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Applikant taħt l-Iskemi T,W,X,Y,Z u 5 jħallsu Lm20 bħala administrative charges. Fil-każ ta' Skemi 7 u R applikanti jħallsu Lm5 u f'każ ta' Skema S jħallsu Lm10. Peress li l-Awtorita' tad-Djar hija one stop shop, l-Awtorita' tad-Djar toffri li tordna riċerki f'isem l-applikanti. L-ispejjes għal dawn ir-riċerki huma s-segwenti. Koppja miżżewġa - Lm9.00 Persuna waħidha - Lm3.00 Mara separata - Lm6.00 Armla - Lm6.00 Armel - Lm3.00 Isiru denunzji f'isem l-applikanti f'każ li dawn ikollhom ġenituri mejtin. Dawn id-denunzji jiswew Lm1 għal kull ġenitur mejjet. F'każ ta' bżonn ta' workbook entries, l-Awtorita' tad-Djar tagħti l-opportunita' li tikseb dawn l-entries f'isem l-applikant. Dawn jħallsu Lm1.50. Dan kollu jsir sabiex l-Awtorita' tad-Djar tassigura ruħa li ma jsirux abbużi u li dawn l-għajnuniet jingħataw lil min verament għandu bżonn.