Legislature:
Category:
Reset
Active:

Dipartiment tat-Taxxi Interni — Air Malta - Pagamenti Pendenti

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid fil-preżent kemm huma l-pagamenti pendenti li għandha mad-dipartiment tat-taxxi interni l-kumpannija Air Malta? Kemm minn din iċ-ċifra ta' flus dovuti huma ta' l-NI, kemm taxxa u VAT separatament?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li minħabba d-dispożizzjonijiet ta’ segretezza fl-Atti dwar it-Taxxa, id-Dipartiment tat-Taxxi Interni mhux f’pożizzjoni li jagħti l-informazzjoni mitluba. Għar-rigward tad-Dipartiment tal-VAT, l-Air Malta m’għandhiex VAT dovuta lil dan id-Dipartiment.

Taxxi Interni — Pagamenti pendenti tas-Sea Malta

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid fil-preżent kemm huma l-pagamenti pendenti li għandha mad-dipartiment tat-taxxi interni l-kumpannija Sea Malta? Kermm minn din iċ-ċifra ta' flus dovuti huma ta' l-NI u kemm taxxa u VAT separatament?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li minħabba d-dispożizzjonijiet ta’ segretezza fl-Atti dwar it-Taxxa, id-Dipartiment tat-Taxxi Interni mhux f’pożizzjoni li jagħti l-informazzjoni mitluba. Għar-rigward tad-Dipartiment tal-VAT, is-Sea Malta m’għandhiex VAT dovuta lil dan id-Dipartiment.

Taxxi Interni — Pagamenti pendenti mill-Malta Drydocks

Question

Fil-preżent, jista' il-Prim Ministru jgħid kemm huma l-pagamenti pendenti li għandha mad-dipartiment tat-taxxi interni l-Malta Drydocks? Kemm minn din iċ-ċifra ta' flus dovuti huma tal-NI u kemm taxxa u VAT separatament?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li minħabba d-dispożizzjonijiet ta’ segretezza fl-Atti dwar it-Taxxa, id-Dipartiment tat-Taxxi Interni mhux f’pożizzjoni li jagħti l-informazzjoni mitluba. Għar-rigward tad-Dipartiment tal-VAT, il-Malta Drydocks m’għandhiex VAT dovuta lil dan id-Dipartiment.

Servizz Pubbliku — Impjegati

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm inqabdu ħaddiema tal-gvern skartati mix-xogħol is-sena ieħor? Ma' liema dipartiment tal-gvern kienu jaħdmu?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li b’effett mill-1 ta’ Frar 2000, il-każijiet tad-dixxiplina ġew delegati lill-Kapijiet tad-Dipartimenti taħt Regolamenti ġodda u għalhekk dawn il-każijiet, għajr każijiet kriminali, każijiet li jwasslu għal tkeċċija u appelli, m’għadhomx jgħaddu mill-Uffiċċju tiegħi. It-tagħrif mitlub mill-Onorevoli Interpellant jinsab f’Tabella ‘A’ li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Dħul minn Bejgħ ta' Proprjeta'

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm daħħal flus il-gvern mit-taxxi tal-bejgħ tal-proprjeta' fis-snin 2000, 2001, 2002, 2003, 2004 u 2005?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba hija skond: Dħul mit-Taxxa tal-Boll: Sena 2000 Lm11,000,324 2001 Lm13,438,332 2002 Lm14,268,592 2003 Lm19,209,378 2004 Lm21,999,122 2005 (Jannar/Frar) Lm 3,024,917 Taxxa Provviżorja fuq Qliegħ Kapitali: Sena 2000 Lm 8,342,709 2001 Lm 8,663,274 2002 Lm10,279,674 2003 Lm20,221,881 2004 Lm19,361,330 2005 (Jannar/Frar) Lm 2,465,988

PSC

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm tressqu persuni quddiem il-PSC is-sena l-oħra? Għaliex? X'kien l-eżitu?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jiena nfurmat li b’effett mill-1 ta’ Frar 2000, il-każijiet tad-dixxiplina ġew delegati lill-Kapijiet tad-Dipartimenti taħt Regolamenti ġodda u għalhekk dawn il-każijiet għajr każijiet kriminali, każijiet ta’ dixxiplina li jwasslu għal tkeċċija u appelli m’għadhomx jgħaddu mill-Uffiċċju tiegħi. Però għar-rigward tad-Dipartimenti li jaqgħu fid-dekasteru tal-Prim Ministru u fil-Ministeru tal-Finanzi, ninsab infurmat illi kien hemm tlett uffiċjali li l-każ tagħhom ġie riferut lill-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku matul is-sena 2004. It-tagħrif l-ieħor mitlub mill-Onorevoli Interpellant dwar dawn il-każijiet jinsab fit-Tabella ‘A’ li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Apparti hekk, hemm ukoll xi każijiet li kienu nbdew taħt ir-Regolamenti tad-Dixxiplina ta’ l-1977. Ninsab infurmat li mid-Dipartimenti kollha tal-Gvern kien hemm tlett uffiċjali li l-każ tagħhom ġie riferut lill-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku matul is-sena 2004. It-tagħrif mitlub mill-Onorevoli Interpellant dwar dawn il-każijiet jinsab fit-Tabella ‘B’ li wkoll qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

OPM — Ħaddiema msiefrin fuq xogħol

Question

Jista' il-Prim Ministru jagħti lista tas-safar li sar minn impjegati tad-dipartimenti u entitajiet li jaqgħu taħt id-dikasteru tiegħu bejn Jannar 2004 sal-lum? Kemm kienet l-ispiża għal kull safra u fejn siefru? Min kienu l-persuni li siefru? Xi grad għandhom (jew taħt liema skala ta' salarju jaqgħu) il-persuni li siefru? Min awtorizza kull safra? Min mar business class jew first class?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għar-risposta li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 9153.

OPM — Ħaddiema msiefrin fuq xogħol

Question

Jista' il-Prim Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari 8903 u cioe' jista' jagħti lista tas-safar li sar minn impjegati tad-dipartimenti u entitajiet li jaqgħu taħt id-dikasteru tiegħu bejn Jannar 2004 sal-lum? Kemm kienet l-ispiża għal kull safra u fejn siefru? Min kienu l-persuni li siefru? Xi grad għandhom (jew taħt liema skala ta' salarju jaqgħu) il-persuni li siefru? Min awtorizza kull safra? Min mar business class jew first class?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra listi li jipprovdu informazzjoni dwar safar uffiċjali li dwaru ngħalqu l-kontijiet li sar minn impjegati tad-Dipartimenti u entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteri tiegħi bejn Jannar u Ottubru 2004, id-destinazzjoni ta’ dan is-safar kif ukoll l-ispiża fuq kull safra. Ma naħsibx li huwa l-każ li noqgħod nagħti l-ismijiet individwali tal-persuni nvoluti f’dan is-safar. Fil-każ tas-Servizz Pubbliku, ir-regolamenti dwar is-safar uffiċjali, inkluż dwar min għandu jawtorizza dan is-safar kif ukoll min għandu d-dritt li jsiefer Business Class jinsabu f’sezzjonijiet 8.5 – 8.11 tal-Public Service Management Code.

Faċilita' Finanzjarja Internazzjonali

Question

In vista tal-fatt li riċentement l-idea ta' faċilita' finanzjarja internazzjonali bħala għajnuna għal żvilupp kienet milqugħa tajjeb ħafna minn ħafna pajjiżi Ewropej, u anke in vista tal-fatt li l-Prim Ministru u Ministru tal-Finazni tal-Lussemburgu Jean Claude Junker qal li l-biċċa l-kbira tal-ministri tal-finanzi ta' stati membri ta' l-Unjoni Ewropea huma favur id-dħul ta' taxxa fuq il-pitrolju u/jew biljetti ta' l-ajru, u li huwa kien se jagħmel suġġerimenti biex taxxa bħal din tiddaħħal biex mid-dħul tiġi ffinazjata din l-għajnuna għall-iżviluppi, jista' il-Prim Ministru jgħid jekk din il-proposta kenitx fuq l-agenda ta' l-aħħar laqgħa ta' l-ECOFIN? Jista' jgħid x'reazzjoni għandu l-Gvern tiegħu għal proposta bħal din, stante l-fatt li proprju ftit ġranet ilu pajjiżna diġa' kellu żieda sostanzjali fuq il-prezz tal-pitrolju u fuq it-taxxa għall-biljetti ta' l-ajru?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Tajjeb wieħed jgħid li kuntrarju għall-impressjoni li tagħti d-domanda il-proposta nnifisha hi dwar il-fuel ta’ l-ajruplani u mhux il-pitrolju għall-konsum domestiku. Dwar il-proposta nnifisha, waqt li l-gvern jaqbel li jinħtieġ li jinsabu metodi aktar konkreti ta’ kif pajjiżi żviluppati juru solidarjetà u jagħtu għajnuna lill-pajjiżi fi bżonn ta’ żvilupp partikolarment fil-kontinent Afrikan, il-gvern Malti flimkien ma’ numru oħrajn fil-periferija ta’ l-Ewropa mhux qed juru ruħhom favorevoli għal din il-proposta.

EU — Qasam turistiku

Question

Jista' il-Prim Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 10710 u cioe' jgħid jekk jaħsibx li wasal iż-żmien li l-gvern jifli sewwa l-istrutturi li għandu pajjiżna biex jevalwaw il-miżuri, proposti, regoli fiskali, ambjentali u ta' saħħa, kundizzjonijiet tax-xogħol, fost l-oħrajn, li ġejjin mill-obbligi tagħna bħala membri fl-Unjoni Ewropea biex jibdew jaraw sew l-impatt tagħhom fuq il-qasam turistiku? Jaħseb li s'issa m'għandhiex dawn l-istrutturi meħtieġa peress li l-Unjoni Ewropea nnifisha nieqsa minn dawn l-istrutturi u aħna kulma għamilna s'issa rreplikajna l-istrutturi ta' l-Unjoni Ewropea fix-xogħol ta' skrutinju tagħna fid-delegazzjoni Maltija fi Brussel u fil-working committees tal-parlament u għalhekk it-turiżmu huwa nieqes minnhom, minkejja li hemm dak li joħroġ mill-Unjoni Ewropea spiss jaffettwa l-qasam turistiku, qasam ewlieni għall-impjiegi u l-ġid f'pajjiżna u bħalissa dan l-impatt mhux qed jiġi skrutinizzat b'mod adegwat?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-Ministeru għat-Turiżmu u Kultura, bħal kull Ministeru ieħor, għandu Direttorat għall-Affarijiet ta’ l-Unjoni Ewropea li xogħolu hu li jsegwi żviluppi fi ħdan l-Unjoni Ewropea li jista’ jkollhom effett fuq il-qasam tat-turiżmu anke meta kif qal l-Onorevoli Interpellant, l-Unjoni Ewropea hija nieqsa minn struttura waħdanija u komprensiva li hija responsabbli għal dan il-qasam. Fil-fatt, dan id-Direttorat isegwi mill-qrib żviluppi fi ħdan l-Unjoni anke f’oqsma bħall-ambjent, transport, relazzjonijiet ma’ terzi pajjiżi, servizzi fis-suq intern, rikonoxximent ta’ kwalifiċi professjonali u li jistgħu jimpinġu fuq il-qasam turistiku. Dan id-Direttorat iżomm kuntratt kontinwu mar-Rappreżentanza Permanenti f’Brussel, is-Segretarjat ta’ l-Unjoni Ewropea fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prim Ministru u l-Lead Ministry skond il-każ u jinforma dawn l-entitajiet bil-pożizzjoni ta’ dan il-Ministeru. Dokumenti illi joħorġu mill-Istituzzjonijiet Ewropej li jista’ jkollhom effett fuq il-qasam tat-turiżmu huma mgħoddijin lil dan id-Direttorat.

Prodott gross domestiku

Question

Jista' il-Prim Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 10711 u cioe' jgħid x'kien il-prodott gross domestiku ta' pajjiżna fis-snin 1999, 2000, 2001 u 2002 u jispjega xi kkontribwixxa biex kull sena tela' jew niżel? F'liema qasam tela' u niżel? Jista' jagħti mill-1999 sas-sena 2002 x'kien il-GDP ta' Malta meta mqabbel mal-medja ta' l-Unjoni Ewropea?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

UE — Fondi mgħoddija lil Malta

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm ġew eżatt fondi mill-EU matul is-sena 2004? Jista' jagħti breakdown ta' kemm kienu minnhom grants u kemm minnhom kienu project related? Jista' jgħid għal liema proġetti kienu akkwistati u jagħti l-ammont ta' kull proġett? Fl-istess ħin, jista' il-Prim Ministru jinforma kemm flus kellha tibgħat Malta lill-UE bħala own resources u jagħti breakdown tagħhom? Jista' jgħid ukoll kemm pajjiżna ħallas aktar matul is-sena 2004 biex importa mill-UE affarijiet bħal ċereali, zokkor, prodotti tal-laħam, prodotti tal-ħalib u prodotti ta' tadam semi proċessat u prodotti oħra? Fl-aħħar, jista' il-Prim Ministru jgħid x'kien l-ammont ta' flus li kellna noħorġu aħna biex inkunu nistgħu nieħdu l-flus allokati għall-proġetti li konna ntitolati għalihom mill-UE?

Response (GONZI, LAWRENCE)

It-tagħrif mitlub mill-Onorevoli Interpellant qiegħed jinġabar u risposta tingħata f’xi seduta oħra.

Tribunal għall-Investigazzjoni ta' Inġustizzji — Każ dwar rikors

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid meta se jingħata r-rimedju kompensattiv kif irrikmanda t-Tribunal għall-Investigazzjoni ta' Inġustizzjji fir-rikors li d-d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat illi qegħdin jittieħdu passi biex ir-rimedju kumpensattiv jingħata.

Kuntrabandu tad-diesel

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm kien stmat il-valur ta' kuntrabandu tad-diesel? Kemm ħallas skond il-ftehim li sar mad-dwana min għamel dan ir-reat?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li dan ma kienx każ ta’ kuntrabandu imma dan id- diesel bid-dazju mhux imħallas u li l-operatur kien awtorizzat iġorr, ġie trasferit f’post mhux awtorizzat mid-Dwana.

Negozjati Ġodda ma' l-Istati Uniti

Question

Billi l-Prim Ministru ġie rapportat mill-gazzetta "The Times" li qal li bħalissa l-Gvern Malti kien qed jipprova jiftaħ in-negozjati mill-ġdid ma' l-Istati Uniti dwar il-bżonn li jkollna ftehim ġdid ta' tassazzjoni doppja, jista' il-Prim Ministru jelabora dwar dan, speċjalment billi hu wkoll il-Ministru tal-Finanzi?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nixtieq ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li kull ftehim dwar ħelsien minn taxxa doppja jkun jipprovdi biex tiġi evitata taxxa doppja fejn persuna residenti f’wieħed mill-Istati Kontraenti tkun suġġetta għat-taxxa fiż-żewġ Stati fuq l-istess dħul. Barra minn hekk dan it-tip ta’ ftehim jgħin biex jattira l-investiment minn pajjiż għall-ieħor. Għalhekk ftehim dwar ħelsien minn taxxa doppja ma’ l-Istati Uniti jista’ jkun utli biex inħajru investiment mill-Istati Uniti lejn Malta u jkun jipprovdi biex tiġi evitata taxxa doppja fejn l-istess dħul ikun taxxabbli kemm fl-Istati Uniti u Malta.

Assikurazzjoni medika — Ħlas ta' premiums

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħarraf lil din il-Kamra kemm hu l-ammont totali ta' premiums li tħallsu fuq assikurazzjoni medika privata bejn l-1998 u l-2003? Barra minn hekk, kemm f'dawk il-flus imħallsa kien hemm persuni assikurati?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

Konsulenzi mill-gvern

Question

Jogħġbu l-Prim Ministru jkun daqstant ġentili u jindika l-ammont ta' flus li tħallsu f'konsulenzi mill-gvern bejn Settembru 1996 u Ottubru 1998? Jistax ukoll jelenka l-ismijiet tal-konsulenti mqabbda mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru u jgħid xi ħlasijiet ħadu?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li turi l-ammont ta’ flus li tħallsu mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru u mill-Ministeru tal-Finanzi għall-konsulenza bejn Settembru 1996 sa Ottubru 1998.

Diskors tal-budget — Noll tat-trasport pubbliku

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid jekk il-Gvern hux se jimplimenta dak li kien intqal fid-diskors tal-budget u cioe` li l-istudenti jiġu eżenti miż-żieda fin-noll tat-trasport pubbliku u dan anke fid-dawl tal-protesti li l-istess studenti għamlu wara li dawn mhux qed jiġu eżentati skond kif kien tħabbar fl-istess diskors?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Kif jaf tajjeb l-Onorevoli Interpellant, il-miżura kif imħabbra fil-Budget ġiet implimentata b’effett mill-1 ta’ Jannar 2005. Permezz ta’ din il-miżura, l-istudenti li ma jgawdux minn xi forma ta’ stipendju, ma ġewx effettwati miż-żieda fin-noll. Ma kienx hemm żieda fin-nollijiet għall-istudenti li jużaw ir-rotot il-ġodda li bdew joperaw mill-11 ta’ Ottubru, 2004, li jgħaddu minn ħdejn l-Università, kif ukoll rotot 475 u 453 li miċ-Ċirkewwa jgħaddu dirett lejn l-Università.

Pensjoni

Question

Billi l-anzjan - id-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament - ilu żmien rikoverat f'St. Vincent de Paule u billi m'għadx hemm familjari joqogħdu f'dak l-indirizz, x'inhi r-raġuni li minkejja li l-persuna l-oħra - id-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament - ilha żmien twil titlob biex il-pensjoni tintbagħat fl-indirizz ta' dan ta' l-aħħar billi għandha prokura fuq iċ-cheque tal-pensjoni ta' l-anzjan, it-Teżor xorta waħda qed jibqgħu jibagħtu ċ-cheques fl-indirizz antik ta' l-istess anzjan?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għar-risposta li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 10842.