Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 10 PQ #3935 Sitting 92 2004-01-27 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Price Club — Passi kriminali kontra diriġenti

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li ma ttieħdux passi kriminali kontra d-diriġenti tal-Price Club wara li skond xiehda mogħtija fil-qorti minn direttur ta' Price Water Coopers ilu li deher ċar - kif ikkonfermat riċentement fil-Malta Today - li kien hemm imġieba skandaluża min-naħa tad-diretturi tal-Price Club fix-xhur li wasslu għall-kollass taċ-chain ta' supermarkets?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi s`issa il-Pulizija ma kellha ebda rapport dwar xi ksur tal-liġi kriminali fil-każ imsemmi mill-Onorevoli Interpellant.

Sptar San Luqa — Inkjesta

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk hux minnu li l-Maġistrat Lofaro kienet megħjuna minn dawn l-esperti tal-Qorti waqt l-inkjesta li saret fuq il-mewt ta' tifel fl-isptar San Luqa li dettalji tiegħu qiegħed nibgħat separatament, Konsulent Kirurgu, espert fil-Batterjoloġina, espert fil-Mediċina Forensika, żewġ Patoloġista u espert tal-Qorti? Peress li l-Maġistrat Lofaro għalqet l-inkjesta darbtejn, jista' jgħid jekk il-konklużjonijiet tagħha fiż-żewġ okkazjonijiet kienux l-istess? Jista' jgħid jekk skond il-Medico-Legal Post Mortem Examination kienx hemm xi ndikazzjoni li t-tifel kien marradi qabel daħal l-isptar? Jista' jgħid ukoll kif l-esperti mediċi iddeskrivew il-qagħda tat-tifel fl-isptar bejn il-25/02/01 u s-26/02/01? Huwa minnu li skond kif irriżulta mill-inkjesta, l-konsulent tas-sala Fairyland ma kienx qed iħares lejn it-treatment charts tat-tifel u li għalhekk ma kienx jaf illi t-tifel ma kienx qed jingħata antibajotiċi wara l-operazzjoni ta' l-appendiċite? Jista' jgħid ukoll jekk huwiex minnu li l-konsulent tas-Sala ma kienx ta' handover lill-professur li laħaq minfloku jew qattx infurmah dwar l-istat ħażin tat-tifel qabel ma ħareġ bis-sick? Jirriżulta jekk effettivament xi ħadd kienx ġie nfurmat mill-konsulent tas-sala Fairyland li kien ħareġ bis-sick leave? Jirriżulta li waqt l-operazzjoni ta' l-appendiċite, it-tifel ma kienx ingħata antibajotiċi u beda jingħata antibajotiċi biss tlett ijiem wara l-operazzjoni ta' l-appendiċite? Jirriżulta wkoll li l-konsulent ingħata twissija mill-Qorti qabel beda jixhed? Dwar il-kumpilazzjoni mill-Maġistrat Consuelo Scerri Herrera, jista' il-Ministru jgħid: Skond ordni tal-Maġistrat lill-pulizija, il-kirurgu li opera lit-tifel it-tieni darba kellu jerġa jittella jixhed? Għaliex dan ma sarx? Il-kirurgu li operat lit-tifel għall appendiċite kellha id-deposizzjoni tagħha sospiża? Għalfejn ma reġgħetx ittellgħet biex tkompli tixhed? Huwa minnu li r-roster tal-medical staff preżentati fil-kumpilazzjoni huma difettużi? Għaliex il-professur li suppost kien laħaq minflok il-konsulent ma kienx ittella' jixhed fil-kumpilazzjoni? Kien hemm xi rejazzjoni matul il-kumpilazzjoni dwar iċ-ċertifikat mediku ppreżentat mill-konsulent? Il-Kummissarju tal-pulizija ġie infurmat li skond l-Avukat Ġenerali, il-prosekuzzjoni tal-Pulizija naqset mill tinforma lill-Maġistrat li hija kellha provi oħra xi tressaq relatati mal każ? Huwa minnu li l-kirurgu ngħatat twissija tal-Qorti qabel ma bdiet tixhed? Għaliex ir-rapport ta' l-AG ġie ppreżentat fil-Parlament bl-ismijiet imħassra?

Response (BORG, TONIO)

Il-Proċess in kwistjoni jinsab kustodit fl-Uffiċċju ta' l-Avukat Generali li infurmani illi ma għandu l-ebda oġġezzjoni biex dan jiġi eżaminat fl-intier tiegħu mill-Onorevoli Interpellant. L-Avukat Ġenerali li esklussivament għandu d-dritt li jiddeċiedi kwistjonijiet ta` prosekuzzjoni penali f`każijiet bħal dawn infurmani wkoll:- 1. Illi hu ġia poġġa l-proċess in kwistjoni għad-dispożizzjoni tal-ġenituri tal-vittma u tal-konsulenti mediċi u legali tagħhom; 2. Illi fl-inkjesta l-Maġistrat Lofaro qabbdet biex jassistuha żewġ patoloġi biex jagħmlu l-eżami postmortem, lill-espert tal-mediċina forensika, lil konsulent kirurgu (li kien wkoll xhud ta' fatt peress illi fiż-żmien in kwistjoni kien acting director tal-kirurġija fl-isptar San Luqa) lil bakterjologu u lil avukat bħala espert legali, li quddiemu instemat ix-xhieda; 3. Il-Maġistrat Lofaro għalqet l-inkjesta darba waħda biss u għalhekk ma setgħax kien hemm lok għal aktar minn konklużjoni waħda; 4. Illi r-risposta dwar il-punti l-oħra sollevati fil-mistoqsija jiddependu minn apprezzament ta' provi u xhieda differenti dwar is-sitwazzjoni medika u fattwali li jirrikjedu li jiġu eżaminati fl-intier tagħhom fl-assjem globali tal-fatti u jkun aħjar għalhekk li wieħed jara l-proċess kollu u ma jispigolax xi inċident jew fatt barra mil-kuntest sħiħ tiegħu; 5. Illi meta għadda biex ordna n-nolle prosecui hu kien studja l-proċess kollu, ra r-rapport tal-inkjesta interna tad-dipartiment u kkonsulta wkoll ma` diversi esperti f'kampi differenti tal-mediċina, u b'hekk wasal għal konklużjoni li l-provi ma setgħux wasslu f'min kellu jiġġudika għal konvinċiment, mingħajr dubbju raġonevoli, li l-imputat kien ħati tal-akkużi attribwiti lilu, hu la kien jaf ,u l-anqas jaf illum li hemm xi provi oħra li jistgħu jwassluh għal konklużjoni differenti; 6. Il-Konsulent in kwisjoni ma xhedx quddiem il-Maġistrat Lofaro iżda quddiem l-esperti. Jikkonferma illi l-espert legali avżah li seta' jagħżel li ma jixhedx; illi fil-fatt l-Avukat Ġenerali ma jsib xejn ħażin fil-proċeduri quddiem il-Maġistrat Lofaro jew il-Maġistrat Scerri Herrera, izda, anke minħabba l-grad ogħla ta' konvinċiment li hu jrid ikollu, hu wasal għal apprezzament divers u konklużjoni diversa fuq il-provi miġbura; 7. Illi hu ħassar l-ismijiet fil-kopja tar-Rapport li għamel lil President tar-Repubblika, biex tiġi protetta aħjar l-konfidenzjalita' dwar l-identita' tat-tifel, u anke għaliex l-isem tat-tobba u konsulenti konċernati (għad-differenza tal-fatti) ma tagħmilx differenza lil konklużjonijiet minnu raġġunti.

Ħal Luqa — Art għal bini ta' fabbriki

Question

Jista' il-Ministru jikkonferma jekk hemmx il-ħsieb li l-art fejn illum jinstab il-cleansing service department (ex RDC) tittieħed biex issir fabbriki jew għal xi skop ieħor?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li t-Taqsima Proprjeta` tal-Gvern ma rċeviet l-ebda talba biex l-art li qed jirreferi għaliha l-Onorevoli Interpellant tittieħed biex issir fabbriki jew għal xi skop ieħor.

Uffiċċju ta' l-avukat ġenerali — Avukati li attendew delegazzjonijiet/konferenzi

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 3684, jista' il-Ministru jagħti l-informazzjoni mitluba għas-snin 2000, 2001, 2002 u 2003?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant hi kif tidher fil-listi li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Qrati — Maħfriet presidenzjali

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm ingħataw maħfriet presidenzjali fl-1991, fl-1992 u fl-1993 u jagħti d-dettalji tagħhom?

Response (BORG, TONIO)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġiba li kienet ingħatat għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 25227 fis-Seduta 542 tat-23 ta` Mejju 2001, fil-Leġislaturi ta` qabel.

Pulizija — Rapporti dwar każi ta' serq f'Għawdex

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm-il każ ta' serq ġie rrappurtat lill-pulizija matul l-aħħar tlett snin f'Għawdex, kemm minn postijiet privati kif ukoll minn premises governattivi? Jista' jgħid kemm kien l-ammont ta' flus u/jew oġġetti li ġew misruqa? U kemm minn dawn il-każijiet ġew solvuti?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-każijiet ta` serq minn residenzi privati u postijiet governattivi, flimkien mal-valur iddikjarat, li ġew irrapurtati lill-Pulizija f`Għawdex matul dawn l-aħħar tlett snin, kif ukoll il-każijiet ta` serq solvuti huwa kif ġej: Residenzi privati Postijiet Governattivi Sena Numru ta` rapporti Valur dikjarat Numru ta` rapporti Valur dikjarat Każi solvuti 2001 30 Lm10,464 2 Mhux indikat 12 2002 29 Lm11,589 4 Lm482 12 2003 35 Lm11,168 4 Lm2,320 5

Pulizija — Użu ta' speed cameras

Question

Jista’il-Ministru jgħid kemm huma effettivi l-ispeed cameras li qed jużaw il-pulizija? Saru ċitazzjonijiet mindu ġew introdotti s-sena li għaddiet? Jekk iva, kemm?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-Pulizija bdiet tagħmel użu minn l-speed cameras sa minn Mejju 2002. Minn dak iż-żmien sa l-aħħar tas-sena 2003 kien hemm 374 sewwieq li ngħataw ċitazzjoni wara li ġew irreġistrati fuq l-speed camera li kienu qed isuqu b`veloċita` aktar minn dik permessibli.

Pulizija — Rapporti dwar każi ta' serq

Question

Jista’ il-Ministru jgħid x'kien in-numru totali ta’ serqiet li ġew irrapurtati lill-pulizija fl-2003? Kemm minnhom saru minn djar, kemm ta' vetturi, u kemm minn vetturi?

Response (BORG, TONIO)

L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant diġa` ingħatat xahar b`xahar. Nirreferih għat-Tweġibiet li jien tajt għall-Mistoqsijiet Parlamentari li jġibu dawn in-numri: 521, 523, 525, 527, 529, 1509, 1511, 1513, 2547, 2549, 3385 u 3629.

Postijiet ta' divertiment — Żgħażagħ taħt l-eta'

Question

Jista’ il-Ministru jgħid fl-2003 kemm kien hemm każi fejn inqabdu żgħażagħ taht is-16–il sena f'postijiet ta' divertiment/bars, eċċ? F'liema lokalitajiet? F'kull każ, ittieħdu passi kontra min imexxi l-post?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi matul is-sena l-oħra kien hemm 55 persuna taħt is-sittax-il sena li nstabu mill-Pulizija f`postijiet ta` divertiment ġewwa San Ġiljan, Wied il-Għajn u B`Buġia. B`riżultat ta` dan, il-Pulizija bdiet passi quddiem il-Qorti kontra 14-il sid ta` dawn l-istabbilimenti.

Tipjip f'postijiet projbiti — Ċitazzjonijiet

Question

Jista’ il-Ministru jgħid kemm kien hemm ċitazzjonijiet li nħarġu mill-pulizija u mill-wardens separatament minħabba tipjip f'postijiet li huma mħarsa mil-liġi, bħal ngħidu aħna fl-isptarijiet, trasport pubbliku, eċċ?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi matul is-sena l-oħra kien hemm erba` persuni li nqabdu mill-Pulizija jpejpu f`postijiet fejn it-tipjip huwa projbit. Għal dak li jirrigwardja d-Dipartiment tal-Kunsilli Lokali, ninforma lill-Onor. Interpellant li d-delega ta` l-infurzar tal-liġi kontra t-tipjip f`postijiet li huma imħarsa mill-liġi għadha ma ġietx mgħoddija lill-Gwardjani Lokali.

Bejgħ ta' sigaretti lil żgħażagħ taħt l-eta'

Question

Jista’ il-Ministru jgħid kemm kien hemm nies li jmexxu ħwienet/bars, eċċ, li nqabdu jbiegħu sigaretti lil dawk taħt l-eta` permessa mil-liġi?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi matul is-sena l-oħra kien hemm persuna waħda li nqabdet tbiegħ sigaretti lil persuni taħt l-eta` permessa mill-liġi.

Tribunal tal-kunsill lokali ta' Tas-Sliema

Question

Jista' il-Ministru jgħid: a) min kien il-kummissarju li żamm is-seduta fit-tribunal tal-kunsill lokali ta' Tas-Sliema fil-5 ta' Diċembru, 2003? b) kemm każijiet instemgħu f'dik is-seduta? c) kemm kienu l-kawżi deċiżi? d) kemm kienu dawk li ġew liberati u dawk immultati? e) kemm kien id-dħul mill-multi għall-kunsill dakinhar? f) kemm tħallas il-kummissarju għax-xogħol tiegħu fl-istess seduta? g) min kien il-prosekutur f'din l-istess seduta?

Response (BORG, TONIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-funzjoni ta` infurzar ta` kontravenzjonijiet tat-traffiku ġiet delegata lill-Kunsilli Lokali. Kif taf l-Onorevoli Interpellanta, il-Kunsilli Lokali huma korpi statutorji ta` Gvern Lokali. Għaldaqstant l-Onorevoli Interpellanta tista` tirreferi l-mistoqsija tagħha lill-Kunsill Lokali ta` tas-Sliema.

Higher Secondary — Giovanni Curmi - Naxxar

Question

Jista' il-Ministru jgħid għal -liema raġuni t-triq ta' fejn hemm il-Higher Secondary, Giovanni Curmi fin-Naxxar ma għadhiex tingħalaq meta tispiċċa l-iskola u jkunu ħerġin l-istudenti?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-passaġġ tat-traffiku fit-toroq li jagħtu għall-iskola msemmija mill-Onorevoli Interpellant huwa ristrett b`tabelli tas-sinjali tat-traffiku għal waqt il-ħinijiet tad-dħul u ħruġ ta` l-istudenti. Infurmat ukoll illi normalment ikun hemm pulizija fl-inħawi f`dawn il-ħinijiet ukoll sabiex jissorvelja l-buses li jġorru l-istudenti. Pero` infurmat ukoll illi f`din l-iskola hemm numru ta` studenti kif ukoll għalliema li jkollhom jgħaddu minn dawn it-toroq sabiex jaslu fl-imsemmija skola.

Awtoritajiet ġudizzjarji — Rikjesti

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm kien hemm rikjesti għall-estradizzjonijiet minn gvernijiet barranin lill-Gvern ta' Malta għas-snin 2001, 2002, 2003 u 2004? Kemm minn dawn ir-rikjesti ġew riferiti lill-awtoritajiet ġudizzjarji? Min kienu l-persuni nvoluti? Kemm minn dawn ir-rikjesti ġew milqugħa mill-awtoritajiet ġudizzjarji u min kienu l-persuni nvoluti? Kemm minn dawn ir-rikjesti ma ġewx riferiti lill-awtoritajiet ġudizzjarji għaliex ġew miċħuda mill-ewwel fuq livell ta' ministeru u min kienu l-persuni nvoluti?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li bejn l-2001 u l-2004 kien hemm it-talbiet għal estradizzjoni kif ġej: 2001 - 6 2002 - 5 2003 - 1 2004 - nil Minn dawn 9 ġew riferiti lill-awtoritajiet ġudizzjarji. Mit-12-il rikjesta, 1 dwar Romeo Bone għadha pendenti quddiem il-Qorti; Waħda dwar Al Sous Mohammed El ma ġietx riferita lill-Qorti għax ma ingħatatx l-informazzjoni korretta; Waħda dwar Ronald Alan Grecula ma ġietx riferita għaliex ir-reat li dwaru intalbet ma kienx wieħed ta' estradizzjoni; Tlett persuni aċċettaw li jmorru lura fil-pajjiż fejn intalbu volontarjament dawn huma: Hamadi Bouyahia, Louigi Bussi u Dennis Taylor Buchan, dan ta' l-aħħar wara li tressaq il-Qorti. Barra Bouchan u Bone fuq imsemmija ġew imressqa l-Qorti u ingħatat l-estradizzjoni mill-Qorti fil-każ ta' Ronald Agius, Sheikh Turab Ahmed, Fatiha Khallouf, Raymond Gauci, Anthony Bartolo u George Cauchi.

Raħal Ġdid — Triq ir-Reġina - Containers

Question

Jista' il-Ministru jara li tittieħed azzjoni kontra l-containers li qegħdin jostakolaw residenti fi Triq ir-Reġina, f'Raħal Ġdid kif jidher mir-ritratti li qed jintbagħtu separatament?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi minn stħarriġ li għamlet il-Pulizija dwar l-ilment imressaq mill-Onorevoli Interpellant dwar parkeġġ ta` containers fi Triq is-Sultana Raħal Ġdid, irriżulta illi l-lokalita` imsemmija hija regolata b`sinjali tat-traffiku fejn il-parkeġġ ta` vetturi huwa ristrett ħlief għal ħatt ta` merkanzija mit-Tnejn sal-Ġimgħa bejn it-8.00am u s-1.00pm u bejn l-4.00pm u s-6.00pm. Madankollu infurmat ukoll illi l-Pulizija ser tagħmel ronda f`din il-lokalita` sabiex tara li ma jkunx hemm ksur ta` liġi.

Xogħol ta' delivery

Question

Jista' il-Ministru jara li x-xogħol ta' ħatt li qiegħed isir mill-kumpannija li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, ma jsirx fil-ħinijiet ta' wara nofsinhar?

Response (BORG, TONIO)

Ġentilment nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 3725.
Leg 10 PQ #3740 Sitting 88 2004-01-19 Oral · Final From: GAVIN GULIA To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Korp tal-pulizija — Regolamenti dwar reduced hours

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk ir-regolamenti dwar ir-reduced hours u drittijiet oħrajn għal nisa li huma pregnant humiex jiġu applikati għall-membri tal-korp tal-pulizija?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-membri tal-Korp tal-Pulizija jistgħu jibbenefikaw mill-iskemi ta` reduced hours u maternity leave. Pero` minħabba l-eżiġenzi tas-servizz, l-iskema ta` reduced hours hija limitata għal mhux anqas minn 75% tal-ħin tax-xogħol u bil-kundizzjoni li jkunu lesti li jaħdmu sigħat normali tax-xogħol meta dan ikun meħtieġ fl-eżiġenzi tas-servizz.
Leg 10 PQ #3743 Sitting 88 2004-01-19 Oral · Final From: CLYDE PULI To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Kunsilli lokali

Question

Jista' il-Ministru jqiegħed fuq il-mejda tal-Kamra l-allokazzjoni li kull kunsill lokali se jingħata għas-sena finanzjarja li ġejja u kif din hi mqassma?

Response (BORG, TONIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-allokazzjoni finanzjarja għas-sena 2004-2005 għadha qed tinħadem. L-allokazzjoni ssir abbażi tal-formola li tinsab fl-Għaxar Skeda ta` l-Att dwar Kunsilli Lokali. Din il-formola tinkludi diversi fatturi li jikkalkulaw kemm tiswa lil kull Kunsill sabiex dan jaqdi l-funzjonijiet statutorji tiegħu, kif ukoll għar-rigward taż-żamma u l-manutenzjoni ta` l-assi. Hu mistenni li sa l-aħħar ta` Jannar 2004, din l-informazzjoni tkun ikkomunikata lill-Kunsilli Lokali kollha u l-informazzjoni mitluba tkun tista` titqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra.

Sħubija ta' Malta fl-UE — Amnestija lill-ħabsin

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk għall-okkażjoni tas-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea fl-1 ta' Mejju li ġej hijiex se tingħata amnestija lill-ħabsin? Jekk fl-affermattiv, jista' jgħid kemm se tkun din l-amnestija?

Response (BORG, TONIO)

Għad m`hemmx deċiżjoni f`dan ir-rigward.

Impjanti liċenzjati

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm u liema huma l-impjanti liċenzjati sabiex jipproduċu ready mixed concrete; bricks; pre-stressed slabs u tarmac plants?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-liċenzji tan-negozju msemmija, m`għadhomx jinħarġu mill-Pulizija. Għaldaqstant, ġentilment nissuġerixxi lill-Onorevoli Interpellant jagħmel din il-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.