Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #14063 Sitting 246 2000-02-22 Oral · Final From: SILVIO PARNIS To: Ministeru ta' l-Intern

Raħal Ġdid — Ġnien Pawlu Boffa

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari numru 13854 kollha dwar ġnien Pawlu Boffa li oriġinarjament saret lill-Ministru tal-Ġustizzja u Gvern Lokali u li ġiet riferuta lilek u cioe: jista' jgħid jekk hemmx il-ħsieb li fi ġnien Pawlu Boffa f'Raħal Ġdid terġa' tinfetaħ mill-ġdid il-gabbana u l-public toilet u jiġu rranġati l-pompi? Min huwa responsabbli tal-ġnien, il-Gvern ċentrali jew il-kunsill lokali, Raħal Ġdid? Kemm hija l-kirja tal-gabbana? Hemm il-ħsieb li tonqos fil-prezz biex tagħmel kuraġġ lill-individwi li japplikaw biex b'hekk ir-residenti ta' Raħal Ġdid jkollhom post rikreattiv?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li preżentament il-Gvern qed jieħu ħsieb li jsiru l-manutenzjoni u t-tiswijiet neċessarji fil-post li rrefera għalih l-Onorevoli Interpellant, biex eventwalment, jekk jintlaħaq ftehim, kemm il-kjosk kif ukoll il-ġnien u l-public toilets jiġi devoluti fuq il-Kunsill Lokali tar-Raħal il-Ġdid, wara li l-istess Kunsill jagħmel talba formali f`dan ir-rigward permezz tad-Dipartiment tal-Kunsilli Lokali.
Leg 9 PQ #12543 Sitting 245 2000-02-21 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru ta' l-Intern

Dipartiment tal-Passaporti — Impjegati ġodda

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew impjegati ħaddiema ġodda mad-Dipartiment tal-Passaporti mis-16 ta' Settembru, 1999 sa l-4 ta' Jannar, 2000? Jista' jgħid ukoll jekk ġewx impjegati ħaddiema ġodda meta ħarġu l-applikazzjonijiet għal dawn l-impjiegi? Jekk jirriżulta li ġew impjegati ħaddiema ġodda mingħajr applikazzjonijiet, jista' jgħid kemm dawk impjegati kien ilhom applikati għall-imsemmi mpjieg? Jekk jirriżulta li lanqas kienu applikati għall-imsemmi mpjieg, jista' jgħid xi kriterji ntużaw biex dawn ingħataw l-impjieg in kwestjoni?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li fil-perijodu speċifikat mill-Onor. Interpellant, ma ġie mpjegat l-ebda ħaddiem ġdid mas-Sezzjoni Passaporti fi ħdan id-Dipartiment tar-Reġistrazzjoni Ċivili.
Leg 9 PQ #12967 Sitting 245 2000-02-21 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Convicted persons of a criminal offence

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew convicted persons of a criminal offence matul is-sena 1999? Ta' xiex instabu ħatja u kemm minnhom kienu nisa u kemm irġiel?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li matul l-1999, kien hemm 5,699 il-persuna li ġew iddikjarati ħatja ta` reati kriminali. Minn dawn 2,017 instabu ħatja fuq delitti (crimes) waqt li 3,682 instabu ħatja fuq kontravenzjonijiet. Minn dawn kien hemm 5,060 ta` sess maskili u 639 ta` sess feminili.
Leg 9 PQ #12968 Sitting 245 2000-02-21 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru ta' l-Intern

Qorti — Tfal taħt is-16-il sena

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ittellgħu tfal taħt is-16-il sena l-qorti matul is-sena 1999 u ta' xiex kienu akkużati?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi matul l-1999, ġew imressqa quddiem il-Qorti fuq diversi reati 136 persuna taħt is-sittax-il sena. Dawn tressqu l-Qorti dwar ir-reati kif jidher fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 9 PQ #12969 Sitting 245 2000-02-21 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Tfal taħt is-16-il sena

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm tfal taħt is-16-il sena nstabu ħatja of a criminal offence matul is-sena 1999 u ta' xiex instabu ħatja?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li matul l-1999, kien hemm 121 persuna taħt is-sittax-il sena li nstabu ħatja mill-Qorti ta` reati kriminali. Dawn instabu ħatja tar-reati kif jidher fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 9 PQ #13940 Sitting 245 2000-02-21 Oral · Final From: JOE MIZZI To: Ministeru ta' l-Intern

PA — Nugrufun fil-Fgura

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'passi qegħda tieħu l-Awtorita' ta' l-Ippjanar dwar l-ilment mir-residenti tal-Fgura dwar nugrufun li qed ikun ta' spiss preżenti, fl-istess lokalita' u li qiegħed jikkawża inkonvenjent kbir lir-residenti?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li l-Awtorita` ta` l-Ippjanar irreferiet l-ilment lid-Dipartiment għall-Protezzjoni ta` l-Ambjent permezz ta` l-Uffiċjal Pubbliku membru fuq il-Bord ta` l-Awtorita` ta` l-Ippjanar.
Leg 9 PQ #13942 Sitting 245 2000-02-21 Oral · Final From: JOE MIZZI To: Ministeru ta' l-Intern

Għawdex — Mġarr Road - Bini

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hux qiegħed isir xi bini fuq in-naħa tan-nofsinhar ta' Mġarr Road, Qala, Għawdex? Jekk iva, jista' l-Ministru jgħidli jekk din iz-zona kenitx green area sa ftit ta' żmien ilu, u għadhiex hekk sal-lum? Jekk kien hemm tibdil, jista' l-Ministru jinformani meta sar dan it-tibdil u x'tip ta' żvilupp hu permess li jsir f'din iz-zona?

Response (BORG, TONIO)

Jista` l-Onor. Interpellant jindika fuq site plan is-sit li qed jirreferi għalih.
Leg 9 PQ #13965 Sitting 245 2000-02-21 Oral · Final From: RITA LAW To: Ministeru ta' l-Intern

Fgura — Tneħħija ta' karozza

Question

Jista' l-Ministru jara li titneħħa karozza mkissra Austin tal-kulur aħmar li tinstab bejn il-plot vojt fit-Triq Merħba, bejn Triq Summiena u Triq is-Sur, Fgura?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li l-vettura li rrefera għaliha l-Onorevoli Interpellant tneħħiet.
Leg 9 PQ #13966 Sitting 245 2000-02-21 Oral · Final From: KARL CHIRCOP To: Ministeru ta' l-Intern

PA — Skemi għall-irranġar tad-djar

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari numru 13906 li oriġinarjament kienet saret lill-Viċi Prim Ministru u Ministru għall-Politika Soċjali u li issa ġiet riferuta lilek u ċioe': jista' jgħid kemm kienu applikaw nies għall-iskema ta' l-irranġar tal-gallariji fil-Kottonera? Kemm ġew aċċettati applikazzjonijiet? Kemm hemm kuntratturi li qed jagħmlu dan ix-xogħol u min huma? Kemm ġew ivvotati flus għal din l-iskema u kemm ġew minfuqa flus s'issa?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li n-numru ta` persuni li applikaw taħt l-iskema għall-irraġnar ta` gallariji fil-Kottonera kien ta` 81 u li dawn l-applikazzjonijiet ġew aċċettati kollha. Dwar il-parti tal-Mistoqsija li tikkonċerna l-kuntratturi, ninsab infurmat li l-Awtorita` ta` l-Ippjanar mhiex involuta fl-għażla tagħhom peress li l-għażla titħalla f`idejn l-applikanti. Ninsab infurmat ukoll li l-ammont ta` flus ivvotati għal din l-iskema hu ta` Lm45,000, filwaqt li sat-18 ta` Frar 2000, ġiet minfuqa s-somma ta` Lm9,181.
Leg 9 PQ #13983 Sitting 245 2000-02-21 Oral · Final From: JEAN PIERRE FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Intern

Dipartiment ta' l-Artijiet

Question

Jista'l-Ministru jgħid fuq liema kriterji l-fond ta' sidien privati f'111 St Joseph Street, Valletta, beda jkun amministrat mid-dipartiment ta' l-artijiet?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li l-fond numru 111 f`St. Joseph Street, Valletta, kien ġie dikjarat meħtieġ għal skop pubbliku (slum clearance) taħt titlu ta` 'possession and use' fl-1973. Fl-20 ta` Diċembru 1991, permezz tal-Goverment Notice nru. 866, il-fond reġa` ġie dikjarat meħtieġ għall-istess skop taħt it-titlu ta` 'public tenure'. Sussegwentement, id-Dipartiment tal-Housing Construction and Maintenance għamel xogħlijiet ta` rijabilitazzjoni fil-fond u wara li d-Dipartiment ta` l-Artijiet ipprepara l-pjanti tal-flats kif ġew rijabilitati, fit-30 ta` April 1995, talab lid-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali sabiex jagħmel il-lease agreements mar-residenti.
Leg 9 PQ #13994 Sitting 245 2000-02-21 Oral · Final From: FRANCIS AGIUS To: Ministeru ta' l-Intern

Tipjip

Question

Fid-dawl tat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru 13791, ma jidhirlux il-Ministru li s-sitwazzjoni ta'infurzar tar-regolamenti dwar it-tipjip teħtieġ azzjoni iktar drastika, possibbilment b'kordinazzjoni ma' dipartimenti oħrajn, bħal dak tas-saħħa?

Response (BORG, TONIO)

Is-suġġeriment ta` l-Onorevoli Interpellant ġie nnotat. Ninsab infurmat ukoll li l-Pulizija ser issaħħaħ aktar l-infurzar tar-regolamenti dwar it-tipjip.
Leg 9 PQ #14019 Sitting 245 2000-02-21 Oral · Final From: MICHAEL BONNICI To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Mobile phones

Question

Jista' l-Ministru jgħid taħt liema liġi jaqa' l-infurzar li ma jistgħux jintużaw mobile phones waqt li drivers ikunu qegħdin isuqu l-vettura? Kemm inqabdu persuni f'dan ir-reat? Kemm ġew imtella' l-qorti?

Response (BORG, TONIO)

L-użu ta` mobile phones minn persuna li tkun qed issuq vettura bil-mutur, huwa projbit bir-regolamenti 68 u 69 tar-Regolamenti ta` l-1994 dwar il-Vetturi bil-Mutur. Ninsab infurmat li matul l-1999 tressqu l-Qorti 538 bi ksur ta` dawn ir-regolamenti.
Leg 9 PQ #14021 Sitting 245 2000-02-21 Oral · Final From: MICHAEL BONNICI To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Trakkijiet f'Ħaż-Żebbuġ

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il darba l-pulizija ta' Ħaż-Żebbuġ ġiet rrapportat lilhom sabiex jispezzjonaw trucks li kienu qegħdin iwaddbu liquid manure f'manholes tad-drenaġġ mhux awtorizzati għal dan l-iskop fl-area ta' Ħaż-Żebbuġ u Siġġiewi? Kemm ġew irrapportati każi quddiem il-Qorti?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li din is-sena l-Pulizija kellha tlett rapporti li kien qiegħed jiġi mbattal materjal fit-tappiera tad-drenaġġ li hemm fi Triq is-Siġġiewi, Ħaż Żebbuġ. Dawn kienu rapporti anonimi u ma ngħatawx dettalji li jistgħu b`xi mod jidentifikaw min kien qed jikkommetti dan l-allegat reat. F`kull każ il-Pulizija dejjem aċċediet immedjatament fuq il-post, iżda l-investigazzjonijiet irriżultaw fin-negattiv.
Leg 9 PQ #14039 Sitting 245 2000-02-21 Oral · Final From: JOE CILIA To: Ministeru ta' l-Intern

PA — Applikazzjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il talba kellha l-Awtorita' ta' l-Ippjanar matul l-1999? Kemm minnhom diġa' ġew mogħtija l-permess biex jipproċedu bix-xogħol mitlub? Kemm-il każ globalment hemm imblukkat quddiem l-Awtorita'ta'l-Ippjanar?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li matul l-1999, l-Awtorita` ta` l-Ippjanar irċeviet 6,727 applikazzjoni għal konsiderazzjoni tagħha. Minn dan it-total, 3,348 ġew mogħtija l-permess skond il-proposta mitluba, 346 ġew rifjutati, filwaqt li l-kumplament, 3,033, għadhom qed jiġu pproċessati. Ninsab infurmat ukoll li bħalissa l-Awtorita` ta` l-Ippjanar għandha quddiemha 3,785 applikazzjoni pendenti.
Leg 9 PQ #14084 Sitting 245 2000-02-21 Oral · Final From: ANGELO FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Intern

PA — Nassaba

Question

Peress li mid-dokument li qed jintbagħat separatament jidher li l-awtorita' ta' l-ippjanar qed naqbad ma' dawk in-nassaba li ilhom żmien jużaw dura fl-inħawi ta' Pembroke, jikkonferma l-Ministru li dan huwa 'l bogħod minn dak li kien wiegħed il-gvern tiegħu qabel l-elezzjoni ta' l-1998?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li l-iStop and Enforcement Notice li rrefera għaliha l-Onor. Interpellant ma nħarġitx kontra xi kategorija partikolari tal-pubbliku, iżda kontra min abbużivament għamel żvilupp illegali fuq art pubblika, liema art hija wkoll skedata minħabba l-valur ekoloġiku tagħha. Dan l-iżvilupp jikkonsisti f`diversi kmamar (duri) mibnija b`tipi diversi ta` materjal inkluż tankijiet, pjanċi u fdalijiet ta` materjal tal-bini. Barra minnhekk inbnew ukoll xi ħitan tas-sejjiegħ bl-iskop li ċerti partijiet minn din l-'area' ġew maqsuma f`porzjonijiet. Tali żvilupp normalment jirrekjedi permess mill-Awtorita` ta` l-Ippjanar u minn dawk kompetenti. Ninsab infurmat ukoll li n-Notice imsemmija ġiet servuta wkoll kontra l-Kummissarju ta` l-Artijiet illi huwa l-propretarju tal-art in kwestjoni. Ta` min jgħid ukoll li saru diversi lmenti minn residenti tal-lokal u minn għaqdiet ambjentali kontra dan l-iżvilupp partikolari. Għaldaqstant l-Awtorita` ta` l-Ippjanar ma tħossx li 'qabdet' ma` xi ħadd, iżda ħadet dawk il-passi li jidrilha xierqa skond il-liġi. Naħseb li l-Onor. Interpellant ma kellu l-ebda intenzjoni fid-domanda tiegħu li jiddefendi nies li jiksru l-liġi. Lanqas m`hemm xi ħaġa fil-Programm Elettorali tal-Gvern li tgħid li l-Gvern għandu jagħlaq għajnejh għall-abbużi li jsiru.
Leg 9 PQ #12537 Sitting 244 2000-02-16 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru ta' l-Intern

Dipartiment ta' l-Immigrazzjoni — Impjegati ġodda

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew impjegati ħaddiema ġodda mad-Dipartiment ta' l-Immigrazzjoni mis-16 ta' Settembru, 1999 sa l-4 ta' Jannar, 2000? Jista' jgħid ukoll jekk ġewx impjegati ħaddiema ġodda meta ħarġu l-applikazzjonijiet għal dawn l-impjiegi? Jekk jirriżulta li ġew impjegati ħaddiema ġodda mingħajr applikazzjonijiet, jista' jgħid kemm dawk impjegati kien ilhom applikati għall-imsemmi mpjieg? Jekk jirriżulta li lanqas kienu applikati għall-imsemmi mpjieg, jista' jgħid xi kriterji ntużaw biex dawn ingħataw l-impjieg in kwestjoni?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li fil-perijodu speċifikat fil-Mistoqsija ma ġew impjegati ebda ħaddiema ġodda mill-Korp tal-Pulizija bħala Uffiċjali ta` l-Immigrazzjoni.
Leg 9 PQ #13611 Sitting 244 2000-02-16 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Kuntrabandu

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' rapporti lill-pulizija dwar kuntrabandu fuq xorb, ikel, sigaretti, eċċ matul l-1999? X'passi ttieħdu u x'kienu r-riżultati?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li matul l-1999, il-Pulizija investigat 59 każ li jinvolvi kuntrabandu. Minn dawn, inbdew proċeduri quddiem il-Qorti fi 18-il każ fejn 4 minnhom ġew deċiżi, filwaqt li ser jinbdew proċeduri f`19-il każ ieħor. Ninsab infurmat ukoll li 12-il każ għadhom qed ikunu nvestigati filwaqt li 10 każi rriżultaw fin-negattiv.
Leg 9 PQ #13864 Sitting 244 2000-02-16 Oral · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Priġunier

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex il-persuna li d-dettalji tagħha jidhru separatament u li huwa inmate fil-faċilita' korrettiva ta' Kordin, ikun eskortat mill-pulizija u mhux mill-iSpecial Response Team meta jkun ma jiflaħx? U għaliex ma jitteħidx f'St. Michael's Ward? Jista' jgħid ukoll kemm-il darba ġie eskortat għax kien ma jiflaħx?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li l-persuna indikata mill-Onor. Interpellanti, l-aħħar li ddaħlet il-ħabs kien fil-15 ta` Ottubru 1999. Minn dakinhar, sal-15 ta` Frar 2000, din il-persuna ttieħdet tlett darbiet l-isptar San Luqa u tmien darbiet l-isptar Monte Carmeli. Ninsab infurmat ukoll li priġunier li jkollu bżonn li jittieħed ġo sptar dejjem jiġi skurtat mill-Pulizija, ħlief meta jkun hemm xi każ ta` emerġenza, f`liema każ l-iskorta ssir mill-membri ta` l-SRT biex ikun żgurat li ma jintilifx ħin biex il-priġunier jitwassal għal kura. Għalkemm St. Michael`s Ward huwa dikjarat bħala parti mill-ħabs, din tinfetaħ biss fuq l-ordni tal-konsulent mediku konċernat.
Leg 9 PQ #12530 Sitting 243 2000-02-16 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru ta' l-Intern

Dipartiment tal-Karta ta' l-Identita' — Trasferimenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ingħataw trasferimenti mis-16 ta' Settembru, 1999 sa l-4 ta' Jannar, 2000 lill-ħaddiema tad-Dipartiment tal-Karta ta' l-Identita'? Jista' jagħti r-raġuni għaliex saru dawn it-trasferimenti, każ b'każ? Jista' jgħid huwiex il-ħsieb li jsiru aktar trasferimenti fil-futur qarib fil-post tax-xogħol imsemmi?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi fil-perijodu speċifikat fil-Mistoqsija, ma kienx hemm trasferimenti ta` Pulizija fl-Uffiċċju tal-Karti ta` l-Identita` fid-Depot tal-Pulizija.
Leg 9 PQ #12915 Sitting 243 2000-02-16 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Repeated offenders

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew misjuba ħatja persuni mill-qorti fuq reati konnessi ma' droga matul is-sena 1999? X'kien ir-reat, x'weħlu f'kull każ u kemm minnhom kienu repeated offenders?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li matul l-1999, in-numru ta` persuni li ġew misjuba ħatja mill-Qorti fuq reati konnessi ma` droga kien ta` 282. Minn dawn 86 kienu reċedivi. Is-sentenzi kienu jinkludu ħabs, multa, probation, sentenza sospiża, u liberta` kundizzjonata.