Dipartiment ta' l-Edukazzjoni — Sejħa għall-facilitators
Question
Jista' il-Ministru jgħid kemm applikaw għall-aħħar sejħa għall-facilitators? Meta se jibda l-proċess ta' ingaġġ, kemm se jinħatru u kif se jiġu magħżula?
Response (GALEA, LOUIS)
Nirreferi l-Onor. Membru għat-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari numru 11035.
Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm trainee gardeners fl-Argotti herbarium and university botanic gardens? Kemm ilu trainee kull wieħed minn dawn? Veru li l-kuntratt ta' dawn it-trainee gardeners qed jiġġedded xahar b'xahar? Hemm ħsieb li dawn isiru tal-post? Jista' ġentilment iwieġeb dawn il-mistoqsijiet waħda waħda?
Response (GALEA, LOUIS)
Peress li t-tagħrif mitlub ma laħaqx wasal tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Santa Luċija — Junior Lyceum - għalliema tax-Xjenza
Question
Jista' il-Ministru jinvestiga għaliex għalliema partikolari tax-Xjenza fil-Junior Lyceum ta' Santa Luċija qiegħda tagħmel xogħol ta' assistent kap ta' l-iskola meta din l-għalliema partikolari m'għandhiex din il-kariga?
Għalfejn din l-għalliema għandha id-desk tagħha fl-uffiċċju ta' l-assistenti kapijiet ta' l-iskola fejn għandha wkoll aċċess għall-informazzjoni kunfidenzjali ta' l-għalliema l-oħra u fejn hi qiegħda tqassam xogħol għall-għalliema l-oħra? X'passi se jieħu d-dipartiment dwar dawn l-abbużi serji?
Jista' jinvestiga x'wassal biex tlett assistenti kapijiet ta' l-iskola telqu mill-Junior Lyceum ta' Santa Luċija f'dawn l-aħħar sentejn?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-għalliema li għaliha qed jirreferi l-Onor. Membru hija Subject Co-Ordinator li għandha grad ekwivalenti għal dak ta' Assistent Kap. Tlabt lid-Direttur Ġenerali ta' l-Edukazzjoni tidħol fil-punti imqanqla mill-Onor. Membru avolja ġejt informat li m'hemmx bażi għall-allegazzjonijiet tiegħu.
San Ġiljan — Ta' Giorni - Xogħol fuq playing field
Question
Jista' il-Ministru jinformani jekk ix-xogħol li qed isir f'Ta' Giorni, San Ġiljan fuq playing field huwiex isir mill-ministru ta' l-isports? Jekk fl-affermattiv, jista' il-ministeru jieħu ħsieb ir-residenti tal-blokk K, biswit ix-xogħlijiet, għaliex l-aċċess tagħhom għal ħwienet ingħalaq u għaliex ir-rampa se tiġi mat-twieqi tan-nies? Tista' titfassal soluzzjoni minn issa? F'dan il-blokk hemm jabitaw familji b'neċessitajiet speċjali.
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-Kunsill Malti għall-Isport m'għandux x'jaqsam ma' tiswijiet b'konnessjoni ma' 'Playing Fields'.
Jista' il-Ministru jara li l-persuna - id-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament - li hija legalment separata u ma taħdimx, ma tattendix għall-kors ta' motivation organizzat mill-ETC peress li m'għandhiex fondi biżżejjed biex tmur bit-trasport għal dan il-kors u aktar u aktar kienet għamlet dan il-kors f'Mejju 2004?
Response (GALEA, LOUIS)
Peress li t-tagħrif mitlub ma laħaqx wasal, tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni — Regolamenti għall-għalliema
Question
Jista' il-Ministru jgħid jekk ir-regolamenti għall-għalliema fid-diviżjoni ta' l-edukazzjoni jirregolawx b'xi mod is-safar barra minn Malta li l-għalliema jagħmlu taħt forma privata u mhux relatat max-xogħol? Jekk teżisti xi referenza, jista' il-Ministru jikkwota l-artikli rilevanti?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-Public Service Management Code, jipprovdi għal impjegati fis-Servizz Pubbliku , inkluż għalliema li jistgħu japplikaw għal safar li mhux relatat max-xogħol tagħhom permezz ta' :
- Cultural Leave (PSMC 4.4.2)
- Voluntary Work in Albania (PSMC 4.4.3)
- Adoption Leave (PSMC 4.5.3)
- Sports Activity Abroad (PSMC 4.5.10)
- Special Leave Without Pay (PSMC 4.6)
- Special Unpaid Leave Approved by MPO (PSMC 4.7)
- Special Unpaid Leave Approved by Head of Department (PSMC 4.8)
- Leave to Settle in a Foreign Country (PSCM 4.8.6)
- Paid/Unpaid Leave on Grounds of Public Policy (PSMC 4.9)
Jista' il-Ministru jsemmi dawk l-iskejjel li ntegraw il-prinċipju ta' "ICT Across the Curriculum" bħala parti mill-iSchool Development Plan tagħhom? Jista' jgħid x'inhi l-istrateġija u l-linji gwida tad-dipartiment ta' l-edukazzjoni fejn jidħol "ICT Across the Curriculum"?
Response (GALEA, LOUIS)
Ser inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra it-tagħrif mitlub.
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 10397 u cioe' jgħid kemm hemm laboratorji għall-użu ta’ l-istudenti fil-junior college fl-Imsida? Kemm intnefqu flus fuq tagħmir ġdid f’dawn l-aħħar ħames snin, sena b’sena mill-1999 ’il hawn? Jista’ jelenka x’tagħmir inxtara?
Response (GALEA, LOUIS)
It-tagħrif mitlub ser jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
B'riferenza għal mistoqsija parlamentari 10383, jista' il-Ministru jgħid kemm applikaw biex jingħataw ħin żejjed minħabba d-dyslexia? Dawn kollha ġew aċċettati? Kemm minn dawk li se jingħataw ħin żejjed imorru fl-iskejjel ta' l-istat, tal-Knisja u dawk indipendenti?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li din is-sena b'kollox applikaw 69 kandidat biex jingħataw ħin żejjed minħabba d-dyslexia fl-eżamijiet tas-SEC u taċ-Ċertifikat tal-Matrikola. Minn dawn, 36 ġejjin mill-iskejjel ta' l-Istat, 11 ġejjin mill-iskejjel tal-Knisja, 19 mill-iskejjel Indipendenti u 3 huma kandidati privati. L-applikazzjonijiet għadhom qed jiġu kkunsidrati mill-Kumitat għall-Studenti bi Ħtiġijiet Speċjali ta' l-Universita'. Il-kandidati ser jingħataw risposta meta jkunu deċiżi l-każi kollha.
Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm lecturers fl-Universita' ta' Malta, kemm full-time kif ukoll part-time? Min huma, x'nazzjonalita' għandhomu u f'liema suġġett qed jagħtu l-lectures? Kemm ilhom lecturers fl-Universita' ta' Malta u kif ġew magħżula?
Response (GALEA, LOUIS)
It-tagħrif mitlub jinsab fil-kalendarju li jiġi ppublikat kull sena mill-Universita' ta' Malta. Informat ukoll li l-lecturers jiġu magħżula minn Bord ta' Għażla imwaqqaf apposta mill-Kunsill fuq kriterji stabbiliti fis-sejħa għall-applikazzjonijiet. Il-ħatra ta' lecturers hi magħmula mill-Kunsill ta' l-Universita'.
Jista' il-Ministru jgħid kemm ġie jiswa flus s'issa l-ground ta' l-iskola primarja San Benedittu ta' Ħal Kirkop?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li x-xogħol li sar s'issa fil-ground ta' l-iskola primarja ta' Ħal Kirkop, bl-iskop li dan iservi wkoll għall-użu ta' diversi dixxiplini sportivi mit-tfal u ż-żgħażagħ ta' Ħal Kirkop, ġie jiswa Lm28,000. Sal-bidu tas-sena skolastika ix-xogħol jitlesta biex it-tfal ikunu jistgħu jużawh.
Jista' il-Ministru jgħid kemm inqatgħu persuni minn fuq l-ewwel parti tar-reġistru s-sena l-oħra u għaliex?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li fis-sena 2004 inqatgħu 1492 persuna minn fuq l-ewwel u t-tieni parti tar-reġistru. Mill-1492 persuna, 335 persuna inqabdu jaħdmu u jirreġistraw, 791 persuna rrifjutaw opportunita' ta' xogħol, filwaqt li 366 persuna rrifjutaw opportunita' ta' taħriġ.
Jista' il-Ministru jgħid jekk hux minnu li karozza Alfa Romeo proprjeta' tal-ETC se tinbiegħ? Kif se jsir dan il-bejgħ? Kemm inxtrat din il-karozza u meta?
Response (GALEA, LOUIS)
Ninsab informat li l-Bord ta' l-ETC iddeċida li jbiegħ il-karozza msemmija li nxtrat sitt snin ilu bil-prezz ta' Lm8203 għall-prezz ta' Lm3400 li jirrepreżenta il-valur deprezzat fuq il-kotba ta' l-ETC.
Jista' il-Ministru jgħid kemm applikaw għas-sejħa ta' facilitators? Kemm se jiġu ngaġġati u kif se jsir il-proċess ta' l-għażla u meta se jibda?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-aħħar sejħa għal Facilitators saret fl-10 ta' Jannar 2003. Applikaw 433 li minnhom 115 kienu ineliġibbli. 318 kienu eliġibbli u ġew intervistati mill-Bord ta' l-Għażla. 313 għaddew mill-interview u kollha ġew offruti ingaġġ mad-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni.
Jekk it-tagħrif mitlub hu dwar Supply Facilitators, jiġifieri Supply Kindergarten Assistants performing Facilitating Duties, informat li ser isiru interviews u dawk li jgħaddu jiġu ngaġġati skond l-Order of Merit u skond il-bżonn.
Jista' il-Ministru jinvestiga rapporti li wasluli li l-fabbrika - dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament - li tinsab fir-Rikasoli qed timpjega nies bla ktieb?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ ħadet passi immedjatament u għamlet spezzjoni fil-25 ta' Frar.
Informat ukoll li l-Korporazzjoni qed tieħu l-passi skond il-liġi.
Jista' il-Ministru jgħid x'inhuma r-raġunijiet li għalihom ħarġet ordni mill-ministeru jew mid-diviżjoni ta' l-edukazzjoni biex l-għajnuna speċjali li kienet tingħata lil tfal bid-dyslexia fl-iskola primarja tal-Mellieħa tiġi rtirata?
Response (GALEA, LOUIS)
L-Onor. Membru jaf li f'ħaġa bħal din il-Ministeru qatt ma jindaħal. Informat ukoll li lanqas id-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni ma tat l-ebda struzzjonijiet kif imsemmi fil-Mistoqsija u d-Dipartiment tal-Kurrikulu, speċifikament l-iSpecific Learning Difficulties Unit, qatt ma ta ordni biex l-għajnuna speċjali tiġi rtirata.
Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm istituti fil-kulleġġ Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija li għal xi raġuni jew oħra għadhom ma ħarġux ir-riżultati ta' l-istudenti, peress li wasluli lmenti li xi żgħażagħ biex ikomplu jistudjaw iridu l-ewwel ikunu għaddew mill-eżamijiet li għamlu? X'se jiġri fejn hemm studenti li diġa' bdew il-kors u għadhom ma jafux għaddewx jew le? X'se jiġri jekk ikunu weħlu? Meta se joħorġu r-riżultati ta' l-eżamijiet kollha? X'inhi r-raġuni li l-istudenti qed jitħallew jistennew?
Response (GALEA, LOUIS)
Peress li t-tagħrif mitlub għadu ma wasallix, tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Jista' il-Ministru jgħid għaliex qed tinbena d-drawwa fil-kulleġġ Malti għall-arti, xjenza u teknoloġija li jsiru żewġ tipi ta' okkażjonijiet għall-istudenti li jispiċċaw il-korsijiet tagħhom, okkażjoni ta' filgħodu għall-istudenti li jmorru mhux ħażin u okkażjoni filgħaxija bl-importanza kollha għal dawk l-istudenti li jmorru tajjeb?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li ġo l-MCAST saru ċerimonji filgħodu u oħrajn filgħaxija fejn tqassmu ċertifikati lil il fuq minn 1200 student li għaddew min korsijiet ta' tlett livelli.
Informat ukoll li dawk kollha li spiċċaw b'suċċess il-korsijiet tal-ewwel u tat-tieni livell saret ċerimonja filgħodu, kemm jekk marru ħażin kif ukoll jekk marru tajjeb ħafna. Ħafna min dawn l-istudenti li spiċċaw l-ewwel u t-tieni livell din is-sena għadhom jattendu l-MCAST għal korsijiet tat-tieni livell rispettivament.
Iċ-ċerimonja għal dawk li spiċċaw it-tielet livell b'suċċess saru filgħaxija. Dawn kważi kollha spiċċaw mill-MCAST u marru fid-dinja tax-xogħol.
Jista' il-Ministru jgħid x'inhuma r-raġunijiet li għalihom ħadd mill-iskejjel sekondarji u post-sekondarji tal-gvern din is-sena ma ħadu sehem fl-essay competition organizzata mill-British cultural association? Xi promozzjoni saret fl-iskejjel governattivi dwar din il-kompetizzjoni u x'inizjattivi ttieħdu mill-kapijiet u l-għalliema biex jinkoraġġixxu lill-istudenti jieħdu sehem fiha?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li din is-sena bħas-soltu intbagħtet iċ-ċirkolari fl-iskejjel bħal ma jiġri għal kull kompetizzjoni, imbagħad hu l-kompitu ta' l-iskejjel li jieħdu l-inizjattiva meħtieġa. Huwa evidenti li m'hinix sodisfatt bil-promozzjoni li suppost issir u bl-ispirtu ta' inizjattiva minn dawk li għandhom iħossuha dmir tagħhom jieħdu sehem f'essay competition bħal din. Kelli l-okkażjoni niġbed l-attenzjoni tad-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni dwar in-nuqqas ta' parteċipazzjoni minn naħa ta' skejjel ta' l-Istat wara li ġieli presedejt l-għoti tal-premjijiet tal-British Cultural Association essay competition. F'okkażjoni bħal din trid u ma tridtx meta tisma l-ismijiet ta' l-iskejjel li jkunu ħadu sehem tkun fi proċess ta' "name and shame" ta' l-iskejjel li ma jkunux ħadu sehem.