Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar min (organizzazzjoni) qed jassigura li l-Palazz (torri) ta' Selmun, ma tiġrilux ħsara wara li l-Lukanda Selmun Palace waqfet tintuża?
Response (VELLA, KARMENU)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Air Malta hija l-entità responsabbli mill-manutenzjoni neċessarja u qabdet lil JF Security Services sabiex jieħdu ħsieb is-sigurtà tal- Palazz ta’ Selmun.
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 4464, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm-il darba sar il-ħasil minn kuntrattur tal-Green MT, u kemm-il darba nħasel mid-Dipartiment tal-Manutenzjoni u Tindif rispettivament? Min qed jassigura li dan il-ħasil isir kuljum, għaliex dan ma jidhierx li hu l-każ?
Response (VELLA, KARMENU)
Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar li fil-perjodu msemmi, il-ħasil minn Green MT sar ta’ kuljum minn ħdejn il-Gillieru Harbour Hotel sa Triq il-Qawra, filwaqt li l-ħasil mid-Dipartiment tal-Manutenzjoni u t-Tindif sar tlett darbiet fil-ġimgħa minn ħdejn il-Gillieru Harbour Hotel sal-Iskola Primarja ta’ San Pawl il-Baħar. Infurmat ukoll li dan hu fir-responsabiltà ta’ min qed jesegwixxi x-xogħol.
San Pawl il-Baħar — Spezzjonijiet fuq Latrini Pubbliċi
Question
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 4463, jista' l-Ministru jagħti t-tagħrif dwar dak li nstab fl-ispezzjonijiet li saru bejn Jannar u Ġunju 2013? Kemm-il darba ttieħdu passi biex jiġu rranġati n-nuqqasijiet li nstabu? Kemm-il darba nstab li l-bżonnijiet normali ta' public toilets, bħal indafa u toilet paper nieqsa fl-istess latrini? Min qed jipprovdi ukoll dawn l-istess bżonnijiet skont il-kuntratt ta' żamma ta' dawn il-partijiet?
Response (VELLA, KARMENU)
Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar li tali nuqqasijiet irriżultaw sitta u tletin (36) darba. Dawn kienu solvuti kull darba li nstabu mill-kuntrattur stess li għandu l-kuntratt.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm ingħataw kontravenzjonijiet lill-vetturi, li d-dettalji dwarhom qed jintbagħtu separatament, minn Jannar ta’ din is-sena sal-lum, kemm huma n-numru ta’ petizzjonijiet li saru fuq dawn il-kontravenzjonijiet u kemm minn dawn il-petizzjonijiet ġew milqugħa u l-valur tagħhom?
Response (VELLA, KARMENU)
Ninsab infurmat illi ma ngħatawx kontravenzjonijiet lill-vetturi bin-numri ta’ reġistrazzjoni li rrefera għalihom l-Onor. Interpellant, mill-entitatijiet li jaqgħu taħt ir-responsabiltà tal-Ministeru.
Għaldaqstant nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi din il-mistoqsija lill-Ministeru konċernat.
Jista’ l-Ministru jgħid, kemm nefqu flus f'kampanji ta' riklamar u sponsorships fuq stazzjonijiet televiżivi u tar-radju, kif ukoll mezzi stampati lokali, l-uffiċċju tiegħu, tas-segretarjat parlamentari u l-entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu, f'dawn l-aħħar sitt xhur, maqsuma skont l-istazzjon jew mezz stampat, kemm tal-istat u kif ukoll privati/politiċi?
Response (VELLA, KARMENU)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk tnaqqsux fondi lill-kunsilli lokali f’dawn l-aħħar tliet xhur?
Response (VELLA, KARMENU)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Kunsilli Lokali ma kellhom l-ebda tnaqqis mill-allokazzjoni finanzjarja in ġenerali matul il-perjodu li rrefera għalih.
Jista' l-Ministru jgħid b’mod separat kemm kienet in-nefqa sħiħa għal kull safra (inkluż flights, subsistence allowance u accommodation) li fiha kien involut il-Ministru ta’ qablu u fejn japplika s-Segretarju Parlamentari fl-2012? Jista’ jgħid min kienu l-uffiċjali li akkumpanjawh, fejn kienet id-destinazzjoni u x’kienet ir-raġuni ta’ kull safra? Jista’ jgħid jekk għal kull safra l-biljetti inxtrawx mingħand l-Air Malta jew jekk hux mingħand il-privat? F’każ li nxtraw mill-privat jista’ jgħid minn fejn inxtraw u jagħti r-raġuni għaliex?
Response (VELLA, KARMENU)
Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hawn low-cost airlines reġistrati sabiex joperaw minn Malta? Kemm hija d-domanda tat-turisti kemm inbound kif ukoll outbound?
Response (VELLA, KARMENU)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kien hemm laqgħat pubbliċi li saru mill-Kunsill Lokali ta' San Pawl il-Baħar, dwar xogħlijiet infrastrutturali li kienu proposti, mill-Kunsill stess, jew mill-privat, fl-inħawi kollha ta' San Pawl il-Baħar, matul din is-sena, sal-aħħar ta' Settembru? F'kull każ, min kien mistieden li jattendi, u kif saru l-inviti għal dawn l-istess laqgħat pubbliċi? F'kull każ, x'kienu r-rakkomandazzjonijiet li ħarġu waqt l-istess laqgħat?
Response (VELLA, KARMENU)
Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar li nżammet Laqgħa Ġenerali dwar xogħlijiet infrastrutturali. Il-pubbliku kien mistieden jattendi permezz ta’ Avviż fuq gazzetti lokali u avvizi fuq in-notice boards tal-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar. Infurmat ukoll li matul il-laqgħa kien rakkomandat li jitkompla x-xogħol kif kien propost fl-istess laqgħa.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema kienu s-suġġerimenti/ rakkomandazzjonijiet li saru mill-Kunsill Lokali ta' San Pawl il-Baħar, f’dak li jikkonċerna r-rotot tal-karozzi tal-linja li jservu l-inħawi kollha ta' San Pawl il-Baħar? Meta, u ma’ min ġew diskussi dawn ir-rotot mill-Kunsill Lokali msemmi? Billi pubblikament intqal li l-Kunsill Lokali qabel mal-bidliet li suppost se jseħħu fir-rotot differenti, jista' jagħti tagħrif dwar liema huma l-bidliet li qabel magħhom il-Kunsill Lokali ta' San Pawl il-Baħar? Meta ġew diskussi dawn ir-rotot u ma’ min?
Response (VELLA, KARMENU)
Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar li s-suġġerimenti tal-Kunsill kienu li jinżammu r-rotot l-antiki, ir-rotot preżenti, rotta diretta għall-Belt Valletta u rotta (minivan circuit route) madwar il-lokalità li tkopri x-Xemxija, San Pawl il-Baħar, Buġibba u l-Qawra. Dawn ir-rotot ġew diskussi mal-Ministeru għat-Trasport u l- Infrastruttura f’laqgħa li nżammet il-Ġimgħa 4 ta’ Ottubru 2013. Infurmat ukoll li f’din il-laqgħa il-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar esprima l-qbil tiegħu mal-minivan circuit route madwar il-lokalità.
Ministeru għat-Turiżmu — Servizzi klerikali minn kuntratturi
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm kuntratti maħruġa bejn 1 Jannar 2012 u 8 Marzu 2013 mid-dipartimenti u entitajiet fid-dekasteru tiegħu għall-servizzi klerikali minn kuntratturi li jissupplixxu skrivana li jagħtu xogħol f’dawn l-entitajiet tal-Gvern? Kemm minnhom jitolbu li l-kuntratturi jħallsu l-minimu ta’ skala 16 tas-servizz pubbliku (ekwivalenti ta’ Skrivan) u jekk le, xi ħlas qegħdin jieħdu l-ħaddiema? X’inhi r-rata kull siegħa li titħallas lill-kuntrattur?
Response (VELLA, KARMENU)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 3017, filwaqt li nikkonferma li xtaqt l-informazzjoni għal kull tip ta' servizz, jista' l-Ministru jagħti tagħrif għal dawk li huma servizzi ta' xogħol b'direct order u xogħol ieħor li qed isir minn ħaddiema li qed jingħataw kuntratti temporanji jew li għalkemm qed jirreġistraw għax-xogħol qed jiġu attached mal-kunsilli lokali kunsill kunsill għal dak li jirrigwardja d-9 u t-12-il distrett?
Response (VELLA, KARMENU)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba, hekk kif miġbura mill-Kunsilli Lokali konċernati.
Jista' l-Ministru jgħid kemm tħallsu profesional fees lill-perit tal-Kunsill Lokali ta' San Pawl il-Baħar fl-2010, 2011, 2012 u 2013 sena b'sena? Min qiegħed jipprovdi is-servizz ta' perit lil dan il-kunsill preżentament? Kemm hi kkalkulata li spiża għal proġetti infrastrutturali, xogħlijiet ta' toroq, immaniġjar ta' traffiku u proġetti oħra għal din is-sena u għas-sentejn ta' wara, sena b'sena?
Response (VELLA, KARMENU)
Segwitu għat-tweġiba li diġa tajt għall-Mistoqsija Parlamentari 3830, qiegħed ninforma lill-Onor. Interpellant li għas-sena kurrenti l-flus ivvutati għall-proġetti Infrastrutturali huma €209,757.72, filwaqt li l-ispiża ppjanata għas-snin 2014 u 2015, hija €188,471 u €199,025 rispettivament.
Jista’ l-Ministru jara li jsir surfacing ta' Triq Bur Ġlat fil-lokalità tal-Gudja peress li minn informazzjoni li għandi, kien hemm drabi fejn il-Kunsill ivvota flus biex din it-triq titranġa però dan qatt ma sar? Ittra ta’ lment miktuba minn resident qed tintbagħat separatament.
Response (VELLA, KARMENU)
Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali tal-Gudja li diġa kien sar xogħol ta’ patching fit-triq li qed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant.
Infurmat ukoll li fil-preżent il-Kunsill Lokali qed jikkunsidra li jerġa’ jagħmel tiswijiet fejn ikun meħtieġ u ser jagħmel talba għall-fondi minħabba l-għargħar f’dawn l-inħawi.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 3746, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk fil-fatt il-camera li qed tissemma fir-risposta, għal dak li jikkonċerna l-bypass ta' San Pawl il-Baħar, fil-fatt kellha kollox lest għaliha, inkluż l-arbli fil-post, u li fil-fatt kien hemm vandaliżmu fuq il-parti tal-equipment li kienet diġà twaħħlet fil-post, vandaliżmu li kien jikkonsisti fi ħruq ta' dak li kien diġà fuq il-post?
Response (VELLA, KARMENU)
Ninsab infurmat mill-Kumitat Reġjonali Tramuntana li l-camera konċernata hi dik li qed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant. Din kienet twaħħlet fil-post imsemmi u sfat vandalizzata. Il-camera qatt ma ffunzjonat minħabba nuqqas ta’ qbil bejn il-Kumitat Konġunt Tramuntana, Transport Malta u l-operatur. Intant infurmat ukoll li l-Kumitat Reġjonali Tramuntana jinsab fil-proċess li jkomplu fuq din l-applikazzjoni.
Ministeru għat-Turiżmu — kompożizzjoni ta’ bordijiet tal-entitajiet, awtoritajiet u korporazzjonijiet
Question
Jista’ l-Ministru jgħid minn min kienu komposti l-bordijiet tal-entitajiet, awtoritajiet u korporazzjonijiet li kienu jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu f’Diċembru tas-snin 2004, 2005, 2006, 2007, 2008, 2009, 2010, 2011 u 2012 ? Jista’ jgħid x’kienu r-remunerazzjonijiet, ħlasijiet u benefiċċji li kienu qegħdin jirċievu dawn il-membri?
Response (VELLA, KARMENU)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Jista’ l-Ministru jiddikjara u jikkonferma li l-Gvern preżenti m’għandux intenzjoni, la llum u lanqas għada, li jipprivatizza l-Air Malta, anke jekk parti żgħira, lil investitur privat?
Response (VELLA, KARMENU)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Gvern preżenti qed jistenna li jara r-riżultati li se jagħtu n-nies maħtura mill-Gvern preċedenti, fejn dawn qed jitħallew jaħdmu mingħajr indħil. Deċiżjonijiet strateġiċi jittieħdu kif ikun magħruf l-istat veru tal-kumpanija u tal-proċess li mbotta l-Gvern preċedenti.
Fid-dawl ta’ korsijiet tal-Istitut għall-Istudji Turistiċi li qed isiru f’Għawdex għall-istudenti Maltin, jista’ l-Ministru jinforma kemm-il kors qed isir f’Għawdex, u kemm hemm studenti affettwati b’din id-deċiżjoni, u min qed iħallas għall-ispejjeż żejda li hemm?
Response (VELLA, KARMENU)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi m’hemmx korsijiet tal-Istitut għall-Istudji Turistiċi li qed isiru f’Għawdex għal studenti Maltin.
Hemm żewġ gruppi ta’ studenti, total ta’ wieħed u tletin (31) student/a, sebgħa (7) minnhom Għawdxin, li ser jattendu għal Module prattiku tal-Produzzjoni tal-Ikel u ta’ Servizz ta’ Ikel u Xorb, kull ġimgħa. Dan ser ikun fuq semester wieħed u l-istudenti ser jibdew jattendu Għawdex mit-tieni ġimgħa akkademika.
Peress li l-istudenti ta’ l-I.T.S. huma provduti bi trasport meta jivvjaġġaw bejn kampus u ieħor, ser isir l-istess f’dan il-każ.