Legislature:
Category:
Reset
Active:

Bus Lanes

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hawn bus lanes f’Malta u fejn qegħdin billi jagħti l-ismijiet tat-triq fejn qegħdin? Jista’ jgħid jekk hemmx minnhom li jservu bħala tali għall-perjodu u/jew ħinijiet partikolari?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-bus lanes li hawn f’Malta huma dawn: - Triq Aldo Moro Marsa - Sliema Ferries - Msida / Pieta’ - Triq Sant’Anna, Furjana Il-bus lanes huma applikabbli dejjem u jistgħu jagħmlu użu minnhom ukoll ċiklisti, muturi, taxis, vetturi tal-elettriku u autogas, kif ukoll vetturi privati li jkunu qed iġorru iktar minn 3 persuni inkluż ix-xufier.

Proġetti finanzjati minn fondi Ewropej

Question

Jista’ l-Ministru jagħti lista ta’ proġetti li għaddejjin bħalissa u li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu li qed isiru minn fondi Ewropej? Għal kull proġett, jista’ jgħid kemm hu l-valur tal-grant agreement u kemm hu l-valur tal-contract agreement?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi fuq il-mejda tal-kamra l-informazzjoni mitluba.

Transport Malta – asfaltar ta’ toroq residenzjali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm sar asfaltar u/jew kostruzzjoni ta’ toroq residenzjali minn Transport Malta fil-perjodi rispettivament ta’ bejn Jannar 2012 u Marzu 2013 u bejn April 2013 u Diċembru 2014? Jista’ jgħid kemm hemm tenders pendenti quddiem Transport Malta għall-aġġudikazzjoni għal xogħlijiet ta’ kostruzzjoni ta’ toroq residenzjali u jgħid kemm ilhom pendenti u għaliex?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li skont informazzjoni mgħoddija lili minn Transport Malta, fil-perjodu ta’ bejn Jannar 2012 u Marzu 2013 sar xogħol ta’ asfaltar u/jew kostruzzjoni fuq 59 triq residenzjali, filwaqt li għall-perjodu ta’ bejn April 2013 u Diċembru 2014 sar xogħol fuq 71 triq residenzjali. Minbarra dawn ix-xogħlijiet li tlestew, fil-preżent hemm total ta’ 30 triq oħra li qiegħdin fi stadju ta’ evalwazzjoni u 4 oħra li jinsabu fil-perjodu ta’ appell.

Trasport pubbliku — Talba mill-kumpanija Arriva għal sussidju

Question

Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tat-talba li huwa qal kienet saret mill-kumpanija tat-trasport pubbliku Arriva għal sussidju annwali ta’ €45 miljun?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill- Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba hija ta’ natura kunfidenzjali, però m’għandi ebda problema li tiġi personalment sabiex nuriha id-dokument.

Gozo Channel – investigazzjoni dwar inċident

Question

B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 14203, jista’ l-Ministru jgħid jekk l-investigazzjoni dwar l-inċident meta nqaleb trakk fuq il-vapur tal-Gozo Channel mill-Marine Safety Investigation Unit fi ħdan Transport Malta u l-investigazzjoni l-oħra li nediet Transport Malta f’dak li jirrigwarda l-operat tal-vapur kif stabbilit fir-regolamenti għall-bastimenti kummerċjali u l-Att dwar l-Bastimenti Merkantili, ġewx konklu¿i? Jekk iva, jista’ jpoġġi kopja ta’ dawn ir-rapporti fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-investigazzjoni li qed tiġi kondotta mill-Marine Safety Investigation Unit għadha ma ġietx konkluża. Ninsab infurmat ukoll li din l-investigazzjoni hija fi stadju avvanzat u tinsab fit-terminu ta’ żmien impost mill-Kummissjoni Ewropea lill-istati membri. Fir-rigward tal-investigazzjoni li tnediet mid-Direttorat tal-Portijiet fi ħdan Transport Malta, ġew innutati numru ta’ osservazzjonijiet f’dak li jirrigwarda l-operat tal-Gozo Channel, liema osservazzjoniet se jiġu mgħoddija lill-istess operatur sabiex jiġu ndirizzati.

Toroq residenzjali – finanzjament

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm saru toroq residenzjali minn Transport Malta, li allura hu responsabbli għalihom il-gvern ċentrali u mhux il-kunsill lokali, sena b’sena u lokalità b’lokalità f’dawn l-aħħar ħames snin? Kemm isarrfu f’kilometri ta’ toroq, sena b’sena? Għal kull triq jista’ l-Ministru jindika f’liema sena beda u f’liema sena spiċċa x-xogħol?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant tispeċifika jekk hux qed tirreferi għall-bini mill-ġdid ta’ toroq residenzjali.

Toroq Residenzjali – spiża

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienet l-ispiża li saret f’dawn l-aħħar ħames snin, sena b’sena fuq toroq residenzjali li hu responsabbli għalihom il-gvern ċentrali, li saru minn Transport Malta?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill- Onorevoli Interpellant tirreferi għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 15022.

Toroq arterjali — xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm saru toroq arterjali, sena b’sena u lokalità b’lokalità f’dawn l-aħħar ħames snin? Kemm isarrfu f’kilometri ta’ toroq sena b’sena? Għal kull triq jista’ l-Ministru jindika f’liema sena beda u f’liema sena spiċċa x-xogħol?

Response (MIZZI, JOE)

Filwaqt li ninforma lill-Onorevoli Interpellant li Transport Malta tagħmel xogħol b’mod regolari fuq toroq arterjali skont il-prijoritajiet li jirriżultaw, nitlob lill-istess Onor. Interpellant tispeċifika jekk hux tirreferi għall-manutenzjonijiet fuq toroq arterjali jew bini mill-ġdid ta’ dawn l-istess toroq.

Toroq arterjali — spiża

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienet l-ispiża li saret f’dawn l-aħħar ħames snin, sena b’sena fuq toroq arterjali? Jista’ jgħid jekk ix-xogħlijiet fuq dawn it-toroq kinux iffinanzjati mill-gvern ċentrali jew minn fondi Ewropej?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill- Onorevoli Interpellant tirreferi għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari numru 15024.

toroq arterjali u toroq residenzjali – Finanzjament

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhuma l-pjanijiet tal-Gvern għat-tliet snin li ġejjin għal xogħlijiet fuq toroq arterjali u toroq residenzjali ġodda? Jista’ jgħid xi pjanijiet għandu sena b’sena? Jista’ jgħid xi pjanijiet għandu dwar l-iffinanzjar ta’ dawn it-toroq, ċjoè kemm minnhom se jkunu ffinanzjati mill-gvern ċentrali u kemm se jkunu ffinanzjati minn fondi Ewropej?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi fil-każ ta’ xogħlijiet fuq toroq arterjali bħalissa għaddej ix-xogħol fuq Triq il-Kosta u nħareġ it-tender għal xogħlijiet fuq il-flyover tal-Kappara, filwaqt li manutenzjoni tibqa’ ssir fuq toroq oħra b’mod regolari u skont il-bżonn. Fir-rigward ta’ toroq residenzjali ġodda, bħal dejjem, Transport Malta tagħmel xogħol fuq dawn it-toroq skont il-prijoritajiet li jirriżultaw. Ovvjament, il-pjan għal dawn it-toroq ikun qed jinħadem b’mod progressiv matul is-snin. Inżid ukoll li xogħlijiet maġġuri bħal per eżempju dawk ta’ Triq il-Kosta u l-flyover tal-Kappara jkunu finanzjati mill-Unjoni Ewropea, filwaqt li xogħol ta’ manutenzjoni u dak li jkopri toroq residenzjali ikun qed isir minn fondi nazzjonali.

Ħal Tarxien — Triq San Anard - sleeping policeman

Question

Jista' l-Ministru jara l-każ tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament rigward talba li ssir sleeping policeman fi triq San Anard f'Ħal Tarxien?

Response (MIZZI, JOE)

Jien infurmat li Transport Malta ma rċeviet l-ebda talba mill-Kunsill Lokali ta’ Ħal Tarxien għal round topped road hump ġo Triq San Anard. Dawn it-tip ta’ talbiet għal miżuri f’toroq tal-kunsill jintbagħtu lil Transport Malta b’eForm mibgħuta mill-istess kunsill.

San Pawl il-Baħar – nefqa fuq xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hu mistenni li tkun in-nefqa li se jkun qed jagħmel il-Ministeru fuq ix-xogħlijiet li qed iwettqu l-ħaddiema li jaqgħu taħt il-Ministeru jew li huma b’kuntratt mal-Ministeru, f’San Pawl il-Baħar? Kemm hi l-istima ta’ spejjeż, f’kull każ, b’mod separat?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill- Onorevoli Interpellant li x-xogħlijiet li qed isiru mill-Ministeru tiegħi f’ San Pawl il-Baħar huma kif ġej : Direttorat tal-Implimentazzjoni tal-Proġetti Il-Proġett ta’ Tisbih fis-Sit tal- Ex-Fekruna li huwa stmat li ser jiswa madwar €80,000 Qed isir xogħol fuq il-Promenade li jwassal mix-Xemxija, San Pawl il-Baħar, Buġibba u jasal sal-Qawra li jikkonsisti f’tisbih u manutenzjoni tar- Railing komplut il-pilastri u sotto bank ta’ mal-baħar Transport Malta Min-naħa ta’ Transport Malta qedin isiru xogħlijiet fuq Triq Jean de la Cassiere u fi Triq Ġdida fi Triq Annetto Caruana, kif ukoll qed issir manutenzjoni ġenerali fuq toroq arterjali u distributorji. Qed jinħadem ukoll bus shelter ġdid fi Triq il-Wileġ, f’ Buġibba. Direttorat għat-Tindif Id-Direttorat għat-Tindif jwettaq xogħol ta’ tindif fiż-żona ta’ San Pawl, Buġibba u l- Qawra matul is-sena kollha. Dan ix-xogħol jikkonsisti fi ġbir ta’ skart, knis ta’ toroq u ħasil taż-żoni pedonali. L-ispiża fis-sena tammonta għal madwar €199,716.50 li jkopru salarji, overtime kif ukoll kiri ta’ bowser tal-ilma għall-ħasil.

Trasport pubbliku — servizz dirett lejn l-ajruport

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk kienx hemm xi talba jew applikazzjoni biex jinbdew servizzi ġodda diretti ta’ trasport pubbliku, minn lokalitajiet differenti, lejn l-ajruport? Jekk iva, liema tali talbiet ġew approvati u min se jkun qed jagħmel dan l-istess servizz? Meta hu mistenni li jibdew dawn is-servizzi? Minn liema lokalitajiet?

Response (MIZZI, JOE)

Ninsab infurmat li Transport Malta rċeviet talba għal servizz dirett ta’ trasport lejn l-ajruport. Transport Malta tevalwa din it-talba, u talbiet oħra simili, abbażi tat-termini tal-kuntratt il-ġdid bejn l-operatur tat-trasport pubbliku u l-Gvern.

Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura – xogħol mogħti lil kumpanija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, ingħatatx xogħol mill-Ministeru, inkluż minn kull entità jew dipartiment li jaqgħu taħtu, minn Marzu 2013 sad-data li fiha tkun imwieġba din l-interpellanza? Jekk iva, meta u kemm kien il-valur finanzjarju tax-xogħol mogħti u jekk dan kienx fortt direct order jew tender? Fiex kien jikkonsisti dan ix-xogħol, jekk ingħata?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li s’issa ma jirriżultax li ingħata xi xogħol lill-kumpanija li d-dettalji tagħha ingħataw separatament mill-Ministeru tiegħi inkluż kull entita’ jew dipartiment li jaqgħu taħtu.

Il-Gżira – Triq ix-Xatt – bus lane

Question

Jista’ l-Ministru jispjega dan li ġej: Jekk inhu vera li mogħdija waħda tal-karreġġjata tiflaħ it-traffiku li jgħaddi minn Triq ix-Xatt, il-Gżira, x’hemm il-ħtieġa ta’ karreġġjata ddedikata għall-karozzi tal-linja, meta dawn it-tnejn flimkien jistgħu jaqsmu t-traffiku bejniethom fuq iż-żewġ naħat tat-triq? Il-karozzi privati u l-karozzi tal-linja ma jgħaddux aktar malajr meta jużaw iż-żewġ mogħdijiet? Ma jidhirlux il-Ministru li din hi kontradizzjoni?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-bus lane tal-Gżira ser tkun qed tintuża mix-xarabanks tar-rotta u wkoll minn vetturi ta’ trasport pubbliku, muturi, taxis, vetturi tal-elettriku, vetturi LPG u vetturi high occupancy. B’dan il-mod, se nkunu qed nagħtu priorita’ lil modi oħra ta’ trasport sabiex inrawmu kultura fejn kemm jista’ jkun nnaqsu d-dipendenza fuq l-użu tal-vettura privata.

Il-Gżira – djuq ta’ triq quddiem il-Pont għal Manoel Island

Question

Jista’ l-Ministru jispjega dan li ġej: Jekk ħdejn il-pont ta’ Manoel Island illum hemm perikolu għaliex it-triq tidjieq u karozzi jridu jidħlu f’mogħdija waħda, dan mhux l-istess se jibqa’ – jekk mhux agħar – meta l-karozza tal-linja tiltaqa’ mal-karozzi privati fl-istess post?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellanta li l-bus lane tal-Gżira ġiet disinjata sabiex tinkorpora traffic pre-signals fil-punt fejn il-karreġġjati jiltaqgħu f’karreġġjata waħda. Dawn il-pre-signals se jiġu attivati minn karozza tal-linja li tkun ġejja, bir-riżultat li t-traffiku se jieqaf biex tgħaddi l-karozza tal-linja. Dan se jippermetti x-xarabank li tipproċedi b’mod sikur fil-karreġġjata waħda ħdejn il-pont ta’ Manoel Island.

Trasport Pubbliku — Taħriġ lis-Sewwieqa fuq simulator

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma li fit-taħriġ tas-sewwieqa tat-trasport pubbliku li se jsir fuq is-simulator, is-simulator se ju¿a bus lanes u toroq identiċi għas-sitwazzjoni ta’ Malta?

Response (MIZZI, JOE)

Ninsab infurmat li sabiex is-simulator li ser jiġi wżat biex iħarreġ lis-sewwieqa tat-trasport pubbliku jkun effettiv, irid jirrifletti kemm jista’ jkun il-kundizzjonijiet tat-toroq ta’ Malta.

Il-Gżira – Triq ix-Xatt – miżuri alternattivi għal bus lane

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk Transport Malta qiesitx alternattivi oħra għal bus lane fil-Gżira minflok li tieħu mogħdija li jużaw il-karozzi privati? Jekk iva, x’kienu?

Response (MIZZI, JOE)

Filwaqt li nitlob lill- Onorevoli Interpellant biex tirreferi għat-tweġibiet mogħtija għall-mistoqsijiet parlamentari numru 14248 u 14443, ninfurmaha li wara konsultazzjoni mal-Kunsill Lokali tal-Gżira ġie deċiż li tintgħażel l-alternattiva li qed tinbena bħalissa.

Il-Gżira – Triq ix-Xatt – bus lane

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min ħa d-deċiżjoni li ssir il-bus lane fi Triq ix-Xatt, il-Gżira? Jista’ jikkonferma li din it-talba ma oriġinatx mill-operatur Spajnol tat-trasport pubbliku?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-deċiżjoni li ssir bus lane fi Triq ix-Xatt, il-Gżira, ittieħdet fis-sena 2012, proprju meta l-istess Onorevoli Interpellant kienet il-President tal-Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista. Għaldaqstant huwa ovvju li t-talba għal din il-bus lane ma oriġinatx mill-kuntrattur Spanjol tat-trasport pubbliku li ħa f’idejh l-operat tat-trasport pubbliku fil-bidu tas-sena kurrenti.

Wied il-Buni – irmiġġi

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma jekk huwiex minnu li n-numru ta’ irmiġġi fl-inħawi ta’ Wied il-Buni se jiżdied minn 70 għal madwar 200? Jekk inhuwa minnu, jista’ jgħid kemm se jkun hemm eżatt u minn meta se jibdew jintużaw? Jista’ jgħid meta għandu l-ħsieb li jibda l-proġett u meta qed jantiċipa li jitlesta? Jista’ jgħid jekk iż-żona preżenti hiex se tibqa’ dik li hi jew inkella hiex se tiġi estiża? Jekk se tiġi etiża, jista’ jgħid minn fejn u sa fejn se tkun qed tkopri? Jekk kemm-il darba dan il-proġett se jsir, jista’ jgħid ma’ min ikkonsulta u xi studji saru sabiex jassigura li l-proġett isir b’tali mod li ma jkunx ta’ detriment għall-bajja u l-għawwiema li jiffrekwentawha?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-pjan ta’ rmiġġi għal din iż-żona dejjem kien ta’ madwar 206 irmiġġ u m’hemm l-ebda pjan li ż-żona preżenti tiġi estiża. Dan il-proġett diġà beda u huwa mistenni li ma jdumx ma jitlesta. Il-proġett qed isir ‘il barra miż-żona riservata għall-għawwiema fejn kien hemm ħafna rmiġġi mhux organizzati u għaldaqstant il-bajja mhux ser tiġi affetwata.