Jista' l-Ministru jgħid jekk it-Traffic Control Board qattx għamel xi rakkomandazzjonijiet dwar il-limitazzjonijiet tas-sewqan f'Ħal Qormi? Jekk iva, dawn x'inhuma? Min għandu r-responsabilita' li jimplimenta dawn ir-rakkomandazzjonijiet?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li l-Bord għall-Kontroll tat-Traffiku għamel diversi rakkomandazjonijiet dwar il-limitazjonijiet tas-sewqan f`Ħal Qormi.
Fost dawn wieħed irid isemmi s-sinjali ta` limitazjonijiet ta` `speed` fit-toroq kollha li jagħtu għaċ-ċentru.
L-`enforcement` ta` `speed limit` huwa tal-Pulizija.
Traffic Control Board — Ħal Qormi - Triq il-Ħelsien
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk it-Traffic Control Board għamilx ir-rakkomandazzjonijiet tiegħu dwar sistema ta' Traffic Management fi Triq il-Ħelsien f'Ħal Qormi? Jekk iva, x'inhuma? Min għandu jara li dawn jiġu mplimentati?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li l-Bord għall-Kontroll tat-Traffiku kien irrakkomanda li jsiru żewġ `pedestrian crossings` u diversi sinjali ta` limitazjoni ta` `speed` fi Triq il-Ħelsien.
Jista' l-Ministru jara li d-dipartiment konċernat jieħu ħsieb li jiġu rranġati l-ħsarat fis-subway fi Triq St. Anne, kantuniera ma' Triq San Tumas, fil-Furjana mill-aktar fis possibbli għax jidhirli li din il-kwestjoni ilha tkarkar biżżejjed?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li d-Dipartiment tat-Toroq qiegħed jikkordina mal-Kunsill Lokali u ma l-entitajiet ta` l-ilma u tad-Dranaġġ biex jiġi stabbilit il-provenjenza ta` l-ilma li qed jiskula fil-mina sabiex ikun jista` isir pjan ġenerali biex is-`subways` tal-Furjana jkunu rranġati.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ingħataw liċenzji għad-digital video broadcast? Fuq liema kriterji ntgħażlu min kien eliġibbli għal din il-liċenzja? Kien hemm min applika għal din il-liċenzja u ma ħadhiex? Jekk fl-affermattiv, x'kienet ir-raġuni li min applika ma ngħatax liċenzja?
Kien hemm każ fejn il-Ministru l-ewwel ħareġ liċenzja għal access international data networks u wara rtira din l-istess liċenzja? Jekk fl-affermattiv għaliex il-liċenzja ġiet irtirata?
Jista' l-Ministru jispjega x'inhi r-raġuni li l-Maltacom u l-Melita Cable, l-ikbar żewġ kumpaniji fit-telekomunikazzjoni, għandhom il-faċilita' fil-liġi l-ġdida li joffru iktar minn servizz wieħed waqt li kumpanniji relattivament żgħar iridu jagħżlu li jew ikunu ISP jew ibiegħu l-computers?
Response (GALEA, ĊENSU)
L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant għadha qed tinġabar.
Peress li skond l-aħħar rapport dwar l-effiċjenza tal-kunsilli lokali, rriżulta li toroq arterji, rurali u urbani tal-bliet u rħula tat-12-il distrett, Mosta, Rabat, San Pawl u Mġarr huma fi stat inaċċettabli, jista' l-Ministru jara li fis-sitt xhur li ġejjin jieħu l-passi meħtieġa sabiex jirrimedja għal dan in-nuqqas li jikkonferma n-nuqqas ta' road safety f'dawn l-inħawi ta' Malta? Meta fil-fatt se jibdew ix-xogħlijiet?
Response (GALEA, ĊENSU)
Matul ix-xhur li għaddew, għal l-ewwel darba, tfassal pjan dwar kif ix-xogħol fit-toroq ta' pajjiżna jista' jsir. Fil-fatt, parti minn dan ix-xogħol diġa nbeda, filwaqt li ħarġu wkoll 'tenders' għal xogħol ieħor. L-'area' indikata mill-Onor. Interpellant hi wkoll parti minn Malta, u għalhekk fihom ser isir xogħol skond il-pjan imfassal,fil-parti tiegħu li hi responsabilta' tal-Gvern ċentrali.
Jista' l-Ministru jgħid kemm saru VRT tests is-sena l-oħra u din is-sena u kemm weħlu persuni jew karozzi kull xahar is-sena l-oħra u din is-sena?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li n-numru ta` `Vehicle Roadworthiness Tests` li saru s`issa u n-numru ta` vetturi li weħlu huwa kif spjegat hawn taħt:
Xahar Numru ta` Testijiet Numru ta`vetturi li weħlu
fl-ewwel test
Ottubru 5,384 1,484
Novembru 7,149 1,201
Diċembru 5,529 539
Jannar 8,469 1,006
Frar 8,487 874
Marzu 9,499 1,190
April 8,411 1,031
Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn opri tal-baħar reġistrati bħala part-time fishing boats u fishing boats illum?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jiena nfurmat li r-Reġistrazzjoni ta' opri tal-baħar bħala F,MF u PTF taqa' taħt id-Dipartiment tal-Biedja u Sajd. Madanakollu, minn tagħrif miksub mill-Awtorita', in-numru ta' bastimenti u dgħajjes oħra li jaqgħu taħt din ir-reġistrazzjoni huma hekk:
F (Full-time Fisher) 230
MF (Market Fisherman) 24
PTF (Part-time Fisher) 1350
Jista' l-Ministru jgħid jekk l-Awtorita' Marittima hix qed tixtri biljetti ta' l-ajru u tibbukja kmamar ġo lukandi barra mingħand kumpanija ta' l-ivjaġġar privata? Jekk iva, liema hi u kemm intnefaq f'dan l-aħħar xahrejn? Jista' l-Ministru jgħid jekk din il-prattika kinitx l-istess qabel xahrejn ilu?
Jista' l-Ministru jgħid jekk id-direttur ta' din l-aġenzija huwiex membru fuq l-istess board tal-MMA u jekk fil-fatt iddikjarax xi interess kif titlob il-liġi?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li l-Awtorita` Marittima tixtri biljetti ta` l-ajru u tibbukja kmamar ta` lukandi barra minn tlett kumpaniji ta` l-ivjaġġar. In-nefqa ta` l-Awtorita` Marittima matul Marzu u April kienet hekk kif ġejja:
Marzu April Total
Howards Ltd. (Lukandi) Lm1300 Lm520 Lm1820
Sterling Air Services Ltd. Lm1595 Lm645 Lm2240
(Lukandi-Biljetti ta` l-ajru)
Unique Travel Ltd Lm889 Lm6033 Lm6922
(Lukandi-Biljetti ta` l-Ajru)
Din il-prattika hija l-istess ta` kif kienet xahrejn ilu.
L-ebda direttur ta` dawn il-kumpaniji m`huwa membru fuq il-`board` ta` l-Awtorita` Marittima.
Jista' l-Ministru jgħid jekk inħariġx scholarship fin-naval architecture mill-Malta Maritime Authority? Jekk iva, meta inħareġ u minn liema direttorat inħareġ? Qatt ħareġ scholarship ieħor bħal dan? Jekk applika xi ħadd, jista' l-Ministru jgħid kemm ilhom jaħdmu hemm dawk l-impjegati u min huma? Jekk intgħażel xi ħadd jista'l-Ministru jgħid fuq liema kriterji ngħata dan l-ischolarship u min ħadu?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jiena nfurmat li l-Awtorita' Marittima ma' ħarġet l-ebda sejħa għal 'scholarships' fin-'naval architecture' iżda fil-'marine engineering'. Dan sar sabiex ikun imsaħħaħ l-operat tad-Direttorat tal-vapuri merkantili fi ħdan l-Awtorita'. Fl-imgħoddi kienu ntagħżlu wkoll impjegati sabiex isegwu boroz ta' studju f'oqsma speċjalizzati. L-avviż li sar fit-18 ta' Mejju u li kien mitfuħ għall-impjegati kollha ta' l-Awtorita' li għandhom il-kwalifiki meħtieġa għalaq fis-26 taż Mejju, għaldaqstant l-applikazzjonijiet għadhom maż ġewx evalwati.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma r-rekwiżiti sabiex wieħed jakkwista liċenzja ta' radio amateur GH5 jew GH1? Jista' jgħid jekk hux il-każ illi persuni li jkunu ta' ċerta kapaċita' jiġu eżentati minn tali rekwiżiti?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li biex wieħed ikun jista' japplika u jingħata liċenzja ta' 'Radio Amateur' tat-Tip B (9HS) mid-Dipartiment tat-Telegrafija mingħajr Fili irid:
a)ikun għalaq l-erbatax-il sena (14);
b)ikun għadda mill-eżami tar-'Radio Amateur' tas-'City and Guilds of London Institute' li jsir taħt i-direzzjoni tar-Reġistratur ta' l-Eżamijiet.
Sabiex wieħed jingħata liċenzja ta' 'Radio Amateur' tat-tip A (9H1) barra l-kundizzjonijiet diġa msemmija jrid ikun ukoll għadda mit-test tal-'Morse'.
Dwar l-aħħar parti tad-domanda dwar eżenzjoni minn dawn ir-rekwiżiti mitluba, r-risposta hija fin-negattiv.
Ta' min iżid illi l-liċenzja ta' 'Radio Amateur' hija ta' sitt liri Maltin (Lm6) fis-sena.
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-pjanta tat-triq li trid issir mill-knisja ta' Burmarrad sa Tarġa Gap, Qlejja roundabout, skond is-sejħa għall-offerti CT 169/2000? X'inhu stmat il-valur tax-xogħlijiet proposti?
Response (GALEA, ĊENSU)
Qiegħed impoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-pjanta li turi r-rotta tat-triq kif mitlub mill-Onor. Interpellant.
Peress li l-prassi li jiġu ppublikati l-istejjem mas-sejħa għall-offerti ilha li nqatgħet wieħed mhux tal-parir li jippubblika l-istima f`dan l-istadju.
Jista' l-Ministru jgħid x'possibbilta' hemm li l-parti ta' Triq San Ġużepp li tiżbokka fuq Triq il-Fieres, Ħal Kirkop, kif ukoll l-istess Triq il-Fieres, tingħata wiċċ ġdid peress illi din il-parti tat-triq tinsab fi stat ikraħ?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li d-Dipartiment tat-Toroq u l-Kunsill Lokali qegħdin f`diskussjonijiet biex isir titjib f'dawn l-akwati u x-xogħol imsemmi mill-Onor. Interpellant ikun jista' jsir meta l-pjanijiet ikunu finalizzati.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ilhom li bdew ix-xogħlijiet fuq l-Imtarfa bypass? Kemm ilhom wieqfa u meta se jkomplu?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li l-proġett ta` l-Imtarfa `bypass` beda fil-25 t`Ottubru ta` l-1999. Fil-preżent l-ewwel fażi tat-triq infetħet għat-traffiku fil-waqt li qedgħin għaddejjin proċeduri ma` l-Awtorita` ta` l-Ippjanar biex isir `stabilization` tat-tafal fuq in-naħa ta` l-Imtarfa.
Ix-xogħol fuq it-tieni fażi għaddej mid-Dipartiment billi qed jiġi ppreparat pjan ta` xogħol biex il-`lane` li tiela` lejn Ħad-Dingli tkun tista` tinbena għal wisa` neċessarja mingħajr ma tittieħed aktar raba` u biex fl-istess ħin ma tibqax iċċedi kif kien il-każ sa` llum.
Dan ix-xogħol ovjament jirrikjedi l-approvazzjoni u ħruġ ta` permessi mill-Awtorita` ta` l-Ippjanar qabel ma x-xogħol ikun jista` jsir.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hux se jsir ix-xogħol neċessarju sabiex Triq Mons Spir, Birżebbuga tiġi mogħtija wiċċ diċenti?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li t-toroq għadhom qed jiġu ffurmati mill-iżviluppaturi privati u għad iridu jitqiegħdu l-`mains` ta` l-ilma barra li għad hemm aktar x`jiżviluppa. Għalhekk it-triq ma tistax tiġi asfaltata għalissa.
Jista' l-Ministru jara li l-karozzi tal-linja fuq ir-rotta Nru. 35 jibdew iżommu l-iskeda tagħhom b'mod speċjali mit-terminus ta' putirjal u ċioe' jitilqu fil-ħin?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li t-`Transport Assistants` li għandhom x`jaqsmu mar-rotta 35 ġew infurmati biex jagħtu aktar attenzjoni għal din l-iskeda. Ta` min isemmi wkoll li ma` din l-iskeda (35, Qrendi) hemm integrata rotta 38 li taqdi wkoll l-istess lokalita` imsemmija hawn fuq.
Jista' l-Ministru jara li Triq il-Kileb, l-Imqabba, tiġi mogħtija wiċċ ġdid?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li peress li din it-triq diġa asfaltata u għalhekk `resurfacing` fiha isir mill-Kunsill, l-Onor. Interpellant hu mitlub jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Jista' l-Ministru jara kif tista' tinstab soluzzjoni sabiex Triq il-Folklor ġewwa Birżebbuġa, tintlaħaq mis-servizz tal-karozzi tal-linja?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li t-triq imsemmija tinsab fil-lokalita` magħrufa bħala Qajjenza. Dwar din il-lokalita` qed jiġi studjat x`possibbilta` hemm li jingħata dan is-servizz.
Jista' l-Ministru jara li Triq il-Folklor ġewwa Birżebbuġa tiġi mogħtija wiċċ ġdid peress li din inqalgħet konsegwenza ta' xogħol li sar ħażin?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li triq ġiet spezzjonata u ma jidhirx li fiha ħsarat. Jekk l-Onor. Interpellant għandu xi `complaint` b`xi każ partikolari hu mitlub jagħti aktar dettalji lid-Dipartiment.
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-pjanta tat-triq li trid issir bejn is-Salina u l-Iklin skond is-sejħa għall-offerti CT 167/2000? X'inhu stmat il-valur tax-xogħlijiet proposti?
Response (GALEA, ĊENSU)
Qed impoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-pjanta li turi r-rotta tat-triq kif mitlub mill-Onor. Interpellant.
Peress li l-prassi li jiġu ppubblikati l-istejjem mas-sejħa għall-offerti ilha li nqatgħet wieħed mhux tal-parir li jippubblika l-istima f`dan l-istadju.
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-pjanti ta' Rabat roundabout sa Triq Mdina skond is-sejħa għall-offerti CT 171/2000? X'inhu stmat il-valur tax-xogħlijiet proposti?
Response (GALEA, ĊENSU)
Qed impoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-pjanta li turi r-rotta tat-triq kif mitlub mill-Onor. Interpellant.
Peress li l-prassi jiġu ppubblikati l-istejjem mas-sejħa għall-offerti ilha li nqatgħet wieħed mhux tal-parir li jippubblika l-istima f`dan l-istadju.