Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #19141 Sitting 369 2000-09-25 Oral · Final From: RITA LAW To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Għeluq ta' Intrapriżi

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm intrapriżi li kellhom jagħlqu minn Settembru ta' l-1998 sal-lum? X'kienu jbiegħu dawn l-intrapriżi?

Response (BONNICI, JOSEF)

Tweġiba tingħata f'Seduta oħra.
Leg 9 PQ #18471 Sitting 368 2000-09-22 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Ċilindri tal-gass — Regolamenti

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 13748, jista' l-Ministru jieħu l-passi biex ħanut ta' l-ikel Tork li jinsab fi Triq Mrabat, kantuniera ma' Triq Rudolfu f'Tas-Sliema, issirlu spezzjoni minħabba rapporti li wassluli ta' ħażniet taċ-ċilindri tal-gass li qiegħed iżomm f'fond biswit l-istess ħanut?

Response (BONNICI, JOSEF)

Ninsab infurmat li fl-20 ta' Lulju, 2000 saret spezzjoni fil-post indikat mill-Onorevoli Interpellant. Irriżulta li s-sitt ċilindri tal-gass li kien hemm fil-post kienu kollha għall-użu u għalhekk ma kien hemm ebda ċilindri żejda.
Leg 9 PQ #18544 Sitting 368 2000-09-22 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Dawl — Qtugħ

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'ikkawża l-qtugħ tal-provvista tad-dawl fir-Rabat Malta nhar it-Tlieta, 18 ta' Lulju, 2000?

Response (BONNICI, JOSEF)

Jiena nfurmat li l-qtugħ li kien hemm fil-provvista ta' l-elettriku fir-Rabat, Malta fit-18 ta' Lulju li għadda, kien kaġunat minn ħsara f'żewġ cables separati taħt l-art fuq is-sistema ta' l-11KV.
Leg 9 PQ #18547 Sitting 368 2000-09-22 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Dawl — Qtugħ

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'ikkawża l-qtugħ fil-provvista tad-dawl fil-Mosta nhar l-Erbgħa, 19 ta' Lulju, 2000?

Response (BONNICI, JOSEF)

Jiena nfurmat li l-qtugħ fil-provvista ta' l-elettriku li kien hemm fil-Mosta u nħawi oħra fid-data msemmija seħħ minħabba li iżolaturi fuq il-linja numru tnejn tas-sistema tat-33KV tkissru x'aktarx b'tiri ta' senter. Għalkemm ma jistax jingħad fi żgur, probabbli li l-qtugħ kien kaġunat minn titi ta' senter peress li nstabu xi skrataċ fl-art fejn saret il-ħsara.
Leg 9 PQ #18559 Sitting 368 2000-09-22 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi — Konsulenti

Question

Peress li l-informazzjoni mitluba f'mistoqsija parlamentari numru 18063, kif jaf sew il-Ministru, tikkonċerna infiq pubbliku li parti sostanzjali minnu jitħallsu mit-taxxi li jħallas iċ-ċittadin, u peress li mhux magħruf min kienu, f'kull każ, dawn l-esperti, x'xogħol għamlu u xi ħlas u kundizzjonijiet irċevew jista' l-Ministru jagħti l-informazzjoni mitluba peress li kemm il-Kamra kif ukoll il-pubbliku għandhom dritt ikunu jafu kif u fejn qed jintefqu flushom? Jaħsibx jew le li dan huwa parti mill-proċess ta' trasparenza fl-infiq pubbliku?

Response (BONNICI, JOSEF)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsijiet numru 18447 waqt is-Seduta numru 367 ta' dalgħodu u 18448 waqt din l-istess Seduta.
Leg 9 PQ #18972 Sitting 368 2000-09-22 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Prodotti — Tneħħija ta' levy

Question

Jista' l-Ministru jagħti l-kwantita' (fejn japplika) u l-valur importat skond il-Code Number u l-artiklu bejn Jannar u Awwissu ta' l-1999 u l-2000 rispettivament ta' dawk il-prodotti kollha li fuqhom ġiet imneħħija l-levy on imported goods fi żmien din l-amministrazzjoni?

Response (BONNICI, JOSEF)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba. Tajjeb jingħad li l-informazzjoni għax-xhur ta' Lulju u Awissu 2000 għadha qed tinġabar.
Leg 9 PQ #19117 Sitting 368 2000-09-22 Oral · Final From: JOSEPH M. SAMMUT To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Żurrieq — Dawl

Question

Jista' l-Ministru jara li t-triq il-ġdida fi Triq it-Torri, Zurrieq: 1) tiġi mdawla stante li hija mudlama; u 2) li l-vultaġġ elettriku jkun stabbli?

Response (BONNICI, JOSEF)

It-talba ta' l-Onorevoli Interpellant ġiet mgħoddija lill-Korporazzjoni Enemalta sabiex issir l-investigazzjoni meħtieġa u jekk ikun il-każ jittieħdu l-passi meħtieġa.
Leg 9 PQ #18527 Sitting 367 2000-09-22 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Enemalta — Dawl fit-toroq

Question

Jista' l-Ministru jgħid min se jibda joħroġ il-miljun lira li l-Enemalta qed toħroġ bħalissa - u ma tridx tibqa' toħroġ - biex tixgħel it-toroq u l-ispazji pubbliċi f'pajjiżna?

Response (BONNICI, JOSEF)

Bħalissa l-Korporazzjoni Enemalta hija direttament responsabbli mit-twaħħil ta' lampi ġodda u mill-manutenzjoni ta' dawk eżistenti fit-toroq ta' Malta u Għawdex. Dan is-servizz qed tagħmlu mingħajr ma titlob ħlas għalih. Għaldaqstant, fil-preżent, l-ispejjeż kollha biex jiġi provdut dan is-servizz, li jammontaw għal madwar miljun lira fis-sena, qed tagħmel tajjeb għalihom il-Korporazzjoni u fl-aħħar mill-aħħar il-Gvern Ċentrali li huwa responsabbli mill-estimi ta' l-Enemalta. Fil-preżent għaddejjin diskussjonijiet sabiex ir-responsabbilta' tat-twaħħil u tal-manutenzjoni tal-lampi fit-triqat tgħaddi f'idejn il-Kunsill Lokali tal-lokalita' partikulari. Madanakollu l-ispiża rilevanti ser jibqa' jkopriha l-Gvern Ċentrali. Bħalissa għadhom qed jiġu stabbiliti l-proċeduri li ser jintużaw biex il-bidla maħsuba, fejn il-Kunsilli Lokali jkollhom sehem akbar f'dan l-aspett tant importanti għall-lokalita' tagħhom, tiġi faċilitata.
Leg 9 PQ #18952 Sitting 367 2000-09-22 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Kummissjoni dwar il-Films — Membri

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-membri tal-Kumissjoni ġdida dwar il-Films hux se jservu bil jew bla ħlas? Jekk bi ħlas, x'se tkun ir-remunerazzjoni taċ-Chairman u tal-membri l-oħra tal-board?

Response (BONNICI, JOSEF)

Il-membri tal-Kunsill Konsultattiv dwar l-Industrija tal-Films qed jagħtu s-servizzi tagħhom mingħajr ma jirċievu ħlas. Iċ-Chairman ser jirċievi ħlas ta' tlitt elef lira (Lm3,000) għall-kompilazzjoni ta' rapport li għandu jiġi ippreżentat lill-Gvern aktar tard din is-sena.
Leg 9 PQ #18954 Sitting 367 2000-09-22 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Maltacom — Konsulent

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma kemm qed jitħallas il-konsulent mal-Maltacom li ismu qed jintbagħat separatament? Fiex tikkonsisti il-konsulenza tiegħu? Kemm iqatta' ħin fil-ġimgħa xogħol fil-korporazzjoni?

Response (BONNICI, JOSEF)

Il-konsulent li għalih qed jirreferi l-Onorevoli Interpellant qed jirċievi remunerazzjoni annwali ta' għaxart elef lira, eskluża l-V.A.T., li titħallas f'ammont ugwali fix-xahar. Dan il-konsulent jagħmel xogħol speċifikament assenjat lilu miċ-Chairman tal-Maltacom.
Leg 9 PQ #18963 Sitting 367 2000-09-22 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

BOV — Każ tad-Daewoo

Question

Bħala Ministru responsabbli mis-settur bankarju, ma tħossx li huma meħtieġa investigazzjonijiet serji fil-każ tad-Daewoo tal-Bank of Valletta biex ikun stabbilit kif kumpannija falluta ingħata self ta' miljun minn dan il-bank u wkoll kif għadhom ma ttieħdu l-ebda passi kontra l-istess kumpannija li huwa magħruf li tista' tkun involuta fi frodi li jlaħħqu eluf ta' liri? Ma tħossx li għandha tiġi investigata l-allegazzjoni serja u ripetuta li saru pressjonijiet qawwija minn persuna jew persuni influwenti minn barra l-bank biex id-Daewoo tingħata faċilitajiet bankarji li la kienu ġustifikati mill-pożizzjoni finanzjarja tal-kumpannija u lanqas mill-garanziji li din setgħet toffri? Ma tħossx li dan kollu jsir ferm aktar relevanti meta huwa mifhum li l-bank innifsu ħejja rapport intern li allegatament jagħmel akkużi gravi dwar kif tmexxa dan is-self lid-Daewoo?

Response (BONNICI, JOSEF)

Kontra l-impressjoni li jidher li għandu l-Onorevoli Interpellant, ir-responsabbilta' għas-settur bankarju ma taqax taħt il-Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi iżda din tgħajjat liċ-Ċentru Malti għas-Servizzi Finanzjarji (MFSC) u lil Bank Ċentrali. Ir-responsabbilta' li għandu l-Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi hija dik li jirrapreżenta l-interessi tal-Gvern b'riferenza għal ishma li għad għandu fil-Bank of Valletta. Dan il-Ministeru konvint mis-serjeta' tal-vigilanza li l-MFSC u l-Bank Ċentrali jeżerċitaw fuq is-settur bankarju; dan kemm fuq linji ġenerali kif ukoll b'riferenza għal-każ speċifiku li qed jalludi għalih l-Onorevoli Interpellant.
Leg 9 PQ #18984 Sitting 367 2000-09-22 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Zabbar — Triq Għadiba

Question

Jista' l-Ministru jara li Triq l-Għadiba ġewwa Ħaż-Żabbar tiġi mdawwla aħjar?

Response (BONNICI, JOSEF)

It-talba ta' l-Onorevoli Interpellant ġiet riferuta lill-Korporazzjoni Enemalta sabiex issir l-investigazzjoni meħtieġa u jekk ikun il-każ tittieħed l-azzjoni neċessarja.
Leg 9 PQ #18985 Sitting 367 2000-09-22 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Zabbar — Triq Kaħwiela

Question

Jista' l-Ministru jara li Triq il-Kaħwiela ġewwa Ħaż-Żabbar tiġi mdawwla?

Response (BONNICI, JOSEF)

It-talba ta' l-Onorevoli Interpellant ġiet riferuta lill-Korporazzjoni Enemalta sabiex issir l-investigazzjoni meħtieġa u jekk ikun il-każ tittieħed l-azzjoni neċessarja.
Leg 9 PQ #19053 Sitting 367 2000-09-22 Oral · Final From: LOUIS BUHAGIAR To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Żejt — Prezzijiet għolja

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'se tkun il-pożizzjoni tal-gvern fir-rigward tal-prezzijiet għolja taż-żejt mhux maħdum?

Response (BONNICI, JOSEF)

Kemm l-Enemalta kif ukoll il-Gvern qed isegwu mill-qrib l-andament tal-prezz taż-żejt mhux maħdum. Dan jgħodd mhux biss għall-prezz attwali iżda wkoll għall-previzjonijiet dwar il-prezz futur. Fuq il-bażi ta' din l-analiżi kontinwa, l-Enemalta qed tiddetermina ix-xiri tagħha, mis-suq internazzjonali, tat-tipi differenti ta' żejt maħdum li hija normalment timporta. Fl-istess waqt, il-Gvern qed isegwi wkoll din l-istess materja fil-kuntest iktar wiesgħa tal-politika ekonomika tal-pajjiż.
Leg 9 PQ #19104 Sitting 367 2000-09-22 Oral · Final From: SILVIO PARNIS To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

WSC — Kuntratturi

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari numru 18871?

Response (BONNICI, JOSEF)

L-ammont li tħallas mill-1998 'l hawn il-kuntrattur Grezzju Ellul li l-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma qabbdet biex isewwi l-ħsarat li jkunu nstabu mill-leak detectors huwa kif gej: 1998 Lm 57,234 1999 Lm185,187 2000 (sa Awissu) Lm 96,293 Dan il-kuntrattur jitħallas Lm38.77c għal kull servizz tad-dar li jibdel u Lm18.85c għal kull ħofra li jħaffer. Dawn ir-rati għal standard job jiġifieri sa seba' metri tul. Għal xogħol itwal minn seba' metri jkun hemm extra and over charges. Il-kuntrattur li jqiegħed servizz tad-dar ġdid jew jibdel il-qadim jitħallas Lm45 għal kull standard job sa seba' metri. L-informazzjoni mitluba dwar il-kuntratturi li għamlu dan it-tip ta' xogħol mill-1998 'l hawn jiha kif ġejja: KUNTRATTUR PERJODU AMMONT AMMONT AMMONT IMHALLAS IMHALLAS IMHALLAS MATUL 1998 MATUL 1999 SA AWISSU 2000 Calleja Raymond Awissu 1998 sa Lm69,299 Lm165,842 Lm74,297 Mejju 2000 Bonello John Settembru 1998 Lm10,081 Lm142,859 Lm45,973 sa Mejju 2000 Dimech Charlie Ottubru 1998 Lm14,629 Lm277,827 Lm239,668 il-quddiem Scorpio Enterprises Mejju 2000 --- --- Lm 2,914 il-quddiem Ellul Grezzju Mejju 2000 --- --- Lm32,063 il-quddiem GA Services Mejju 2000 --- --- Lm3,644 il-quddiem Il-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma għandha sezzjoni ta' inspectors li xogħolhom proprju hu li jiċċekkjaw ix-xogħol tal-kuntratturi biex jiġi assigurat li x-xogħol isir sew. Matul iż-żmien li għalih qed issir riferenza, il-Korporazzjoni daħlulha diversi rapporti dwar xogħol ħażin fir-rigward tal-kuntratturi kollha mifruxa fuq bosta lokalitajiet. Ix-xogħol ħażin ġie rranġat wara li kienet inġibdet l-attenzjoni tal-kuntrattur f'dan ir-rigward. Il-biċċa l-kbira tad-difetti kien marbut ma' reinstatement ħażin. Barra minn hekk, il-Korporazzjoni qed taħdem biex jintlaħaq ftehim mal-Kunsilli Lokali biex isiru arranġamenti sabiex ix-xogħol ta' reinstatement ta' l-uċuħ tat-toroq isir minn dawn ta' l-aħħar. Fis-sejħa għall-offerti ta' l-1998, kuntrattur wieħed ma ġiex magħżul għar-raġuni li f'kuntratt simili fil-passat ix-xogħol tiegħu ma kienx ta' livell sodisfaċenti. Fis-sejħa għall-offerti ta' l-2000, kienu tlieta l-kuntratturi li ma ntagħżlux għar-raġuni li l-offerta tagħhom kienet meqjusa baxxa u għaldaqstant kien jidher ċar li dawn ma setgħux jagħmlu xogħol ta' livell sodisfaċenti.
Leg 9 PQ #18343 Sitting 366 2000-09-19 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Kalaxlokk — Inġenji

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kienu jammontaw l-inġenji li nbiegħu mill-kumpannija Kalaxlokk mill-5 ta' Settembru, 1998 sal-lum? Jista' jgħid lil min inbiegħu u kull biċċa inġenji kemm inbiegħet?

Response (BONNICI, JOSEF)

Jiena nfurmat li skond il-ftehim milħuq bejn il-Kalaxlokk u l-kumpanija NOVITA' f' Novembru ta' l-1994, din ta' l-aħħar kellha l-obbligu li tixtri l-inġenji kollha, kemm ta' l-art kif ukoll tal-baħar, għas-somma ta' Lm700,000. Permezz ta' kuntratt milħuq fit-18 ta' Jannar 2000, bejn in-NOVITA', Kalaxlokk u l-Kumpanija Salv. Bezzina and Sons, in-NOVITA' qablet li l-inġenji għandhom jinbiegħu lill-kumpanija Salv. Bezzina and Sons.
Leg 9 PQ #18344 Sitting 366 2000-09-19 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Maltacom — Ħaddiema

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari numru 18056?

Response (BONNICI, JOSEF)

Jiena nfurmat li bħalissa hemm 15-il ħaddiem mislufa lill-Maltacom. Ix-xogħol li jagħmlu huwa varju u fost l-oħrajn jinkludi xogħol ta' labourer, uffiċjal tas-sigurta', welder/burner u senior executive.