X'upgrading sar fil-Labaratorji tal-farm esperimentali minn April ta' din is-sena ’l hawn? Kemm sewa flus?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li l-laboratorji fil-Farm Esperimentali ġewwa l-Għammieri qegħdin jiġu upgraded kompletament mill-ġdid bil-bini ta' kumpless ta' żewġ sulari li jinkorpora diversi units għall- analiżi ta' ħamrija, ilma, pjanti, fertilizzanti, żrieragħ, ġwież u għalf. L-ispiża għall-bini u t-tkomplija tax-xogħlijiet ta' dan il-kumpless hi stmata li tlaħħaq madwar Lm100,000.
S' issa tlestew ix-xogħlijiet ċivili (ġebel u saqaf) u fil-ġranet li ġejjin se joħorġu sejħiet għall-offerti għat-tkomplija tax-xogħlijiet (dawl, ilma, drenaġġ, madum, kisi, arja kundizzjonata etc) u mistennija jkunu lesti sa' l-ahhar ta' April 2004. Fl-istess waqt diġa bdew jinxtraw xi apparat u għamara tal-laboratorju meħtieġa, inkluż fume cabinet, forn, sample mill, homogeniser, fibertech system, scrubber, soxtherm unit u modular furniture tal-laboratorju bi spiża ta' madwar Lm50,000.
Jista' il-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari 2463 u cioe' jista' jgħid x'passi ttieħdu mill-MEPA biex jitneħħew jew jiġu regolarizzati strutturi llegali f'numru ta' appartamenti in konnessjoni ma' każ DN 598/03 biex ikun jista' jiġi nstallat lift bir-riferenza ta' l-awtorita' tad-djar HAV 3/2003?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li l-Awtorita’ ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar kienet ħadet diversi miżuri kontra sidien jew okkupanti / residenti t' appartamenti minn ġo dan il-Housing Estate u dan peress li kienu twaħħlu aperturi ta' aluminium / ħadid u ħġieġ ma’ verandi miftuħa u mal-faċċati rispettivi tal-blokki sabiex dawn il-verandi ikunu jistgħu jintużaw bħala estensjoni interna ta’ l-istess appartamenti. Fil-fatt kienu ġew servuti 15-il Avviż biex Tieqaf u tat-Twettieq kontra min hu ikkonċernat inkluż il-Kummissarju ta l-Artijiet bħala sid u dan skond l-Att Nru 1 tal 1992 dwar l-Ippjanar ta’ l-Iżvilupp. Kienu saru diversi applikazzjonijiet mis-sidien sabiex dan l-iżvillupp jiġi rregolarizzat skond il-liġi iżda dawn ġew kollha irrifjutati mill-Awtorita’ ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA). Minħabba f' hekk l-Avviżi maħruġa ġew inklużi fil-lista ta' Azzjoni Diretta sabiex il-MEPA tgħaddi hija stess biex tneħħi l-iżvillupp in kwestjoni.
Jista' il-Ministru jgħid kemm kienet is-somma ta' flus mogħtija f'sussidju lill-bdiewa għal makkinarju ġdid f'Malta u Għawdex separatament minn April ta' din is-sena 'il hawn? Kemm kien in-numru ta' bdiewa li bbenefikaw minn din l-għajnuna?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li f’ dan il-perjodu ma ġewx mogħtija sussidji lill-bdiewa għal makkinarju ġdid.
Jisa' il-Ministru jgħid kemm kienet is-somma ta' flus mogħtija f'sussidju lill-bdiewa għal pompi ġodda f'Malta u Għawdex separatament minn April ta' din is-sena 'il hawn? Kemm kien in-numru ta' bdiewa li bbenefikaw minn din l-għajnuna?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li f’ dan il-perjodu ma ġewx mogħtija sussidji lil-bdiewa għal pompi ġodda.
Jista' il-Ministru jgħid kemm kienet is-somma ta' flus mogħtija f'ussidju lill-bdiewa għall-bini ta' ġwiebi ġodda f'Malta u Għawdex separatament minn April ta' din is-sena 'il hawn? Kemm kien in-numru ta' bdiewa li bbenefikaw minn din l-għajnuna?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li f’ dan il-perjodu ma ġewx mogħtija sussidji lill-bdiewa għal bini ta’ ġwiebi ġodda.
Bdiewa — Sussidju għall-bini ta' agriculture stores
Question
Jista' il-Ministru jgħid kemm kienet is-somma ta' flus mogħtija f'sussidju lill-bdiewa għall-bini ta' agriculture stores ġodda f'Malta u Għawdex separatament minn April ta' din is-sena 'il hawn? Kemm kien in-numru ta' bdiewa li bbenefikaw minn din l-għajnuna?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li f’ dan il-perjodu ma ġewx mogħtija sussidji lil-bdiewa għal bini ta’ agricultural stores’ ġodda.
Jista' il-Ministru jgħid kemm kienet is-somma ta' flus mogħtija f'sussidju lill-bdiewa għal makkinarji bħal tractors f'Malta u Għawdex separatament minn April ta' din is-sena 'il hawn? Kemm kien in-numru ta' bdiewa li bbenefikaw minn din l-għajnuna?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li f’ dan il-perjodu ma ġewx mogħtija sussidji lill-bdiewa għal makkinarju bħal ‘tractors’.
Jista' il-Ministru jgħid jekk hemmx xi ħsieb li tingħata art f'Ta' Qali biex jibdew jiġu organizzati xi tip ta' fieri fuq skala nazzjonali?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li s 'issa l-Awtorita' ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) m' għanda l-ebda talba għall-permess ta' l-iżvilupp pendenti għal xi tip ta' fiera fuq skala nazzjonali f' Ta' Qali.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 2234, jista' il-Ministru jagħti breakdown ta' l-ispejjeż għal kull delegazzjoni u ta' kull seminar, diskussjoni, attivita', eċċ. li pparteċipaw fiha l-uffiċjali li siefru u min kienu?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li wara xi aġġustamenti li saru fiċ-ċifri li ngħataw għall-mistoqsijiet Parlamentari Nru 1662 u 2234 (Jannar - Settembru 2003), in-nefqa fuq spejjeż ta' safar hija kif qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Ta' min jgħid li aġġustamenti fiċ-ċifri jsiru meta, per eżempju jiġu ppreżentati 'credit notes' mill-Air Malta fuq l-ispiża tal-biljetti ta' l-ajru, jew jiġu ppreżentati xi rċevuti ta' spiża addizzjonali minn xi uffiċjali tad-Delegazzjoni.
B'riferenza għall-mistoqsijiet parlamentari 1812 u 2234 u cioe' jista' il-Ministru jagħti breakdown tan-nefqa tal-flights, akkomodazzjoni, allowances, eċċ? Jista' jaġġorna t-tweġiba tiegħu u jinkludi x-xahar ta' Ottubru?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li nagħtat għall-mistoqsija parlamentari numru 2596.
Jista' il-Ministru jinformani meta ntlaħqu l-arranġamenti sabiex karkassa tal-broilers tiġi sussidjata għall-piż ta' 1.3 kilos irrispettivament minn kemm tkun tiżen?
Meta ġew diskussi u ma' min intlaħqu dawn l-arranġamenti tas-sussidji?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li l-kriterji li fuqhom jitfasslu s-sussidji kienu proposti u stabbiliti mill-uffiċjali tekniċi tal-Ministeru, taħt id-direzzjoni tad-Direttur Ġenerali ta' l-Ikel u l-Affarijiet Veterinarji skond it-termini tal-ftehim ma' l-Unjoni Ewropeja, skond statistika uffiċċjali u skond parametri ta' kontabilita'. F'dan ir-rigward inħarġet ċirkulari datata 27 ta' Ottubru 2003 fejn hemm indikat mid-Direttur Ġenerali kif is-sussidji għas-sena li ġejja fis-settur tat-tjur għandu jitħallas.
B'riferenza għat-tweġiba li tani għall-mistoqsija parlamentari 1850, jista' il-Ministru jerġa' jivverifika l-fatti u jara jekk informawhx ħażin? Jista' jivverifika jekk hux veru li ġew sottomessi r-rapporti mitluba dwar iż-żewġ tug boats mgħarrqa barra Wied il-għajn? Jista' jivverifika jekk dawn ir-rapporti humiex wieħed ta' Carmen Mifsud B.Sc, M.Sc & Steve Jones B.Sc li sar f'Jannar 1999 u l-ieħor ta' Konrad Pirotta B.Ed (Hons) M.Phil fis-sena 2002?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li d-dokument ta’ Ms Mifsud u Mr Jones ma jikkwalifikax bħala programm ta’ monitoraġġ kif meħtieġ mill-permess. Id-dokument ta’ Mr Pirotta jista’ jagħti kontribut biss fil-proċess ta’ twaqqif ta’ żona protetta madwar l-Imperial Eagle.
MEPA — Applikazzjoni għall-Imperial Eagle u Qawra Reef
Question
Dwar l-applikazzjoni għall-Imperial Eagle u l-Qawra Reef, jista' il-Ministru jivverifika jekk ġewx sottomessi dokumenti sostanzjali ma' l-applikazzjoni lill-MEPA? Jista' jivverifika jekk dawn id-dokumenti jinkludux tagħrif miġbur dwar rapporti fuq l-impatt tat-tuna pens u dokumenti oħra sottomessi f'Ġunju 2002 u anke rapport ta' J.A Borg AIBMS BSc MSc MI Biol u Prof PJ Schembri f'April 2003 rapporti oħra relatati? Jista' jivverifika għaliex il-MEPA ma tqisx dawn id-dokumenti rilevanti biżżejjed biex tipproċessa l-applikazzjoni?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li l-permess PA 02730/96 biex jiġi mgħarraq l-Imperial Eagle fil-Qawra nħareġ fit-12 ta’ Ottubru 1998. Ma dan il-permess hemm marbutin numru ta' kundizzjonijiet, fosthom li jiġi sottomess :
- programm ta’ monitoraġġ li jara li l-vapur huwa fi stat tajjeb u mhux ta’ periklu għal min jogħdos fuqu, u wkoll tabilħaqq qiegħed iservi bħala struttura artifiċjali li tkabbar u żżid il-ħajja fil-baħar għall-benefiċċju tal-ambjent marittimu ta’ l-inħawi.
Dan il-programm ta' monitoraġġ qatt ma ġie sottomess għand l-Awtorita’ ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA).
Wara li fis-settur agrikolu l-Gvern Malti nnegozja ma' l-UE d-dritt li jitħawlu aktar dwieli f'zoni adattati għall-produzzjoni ta' l-inbid, jista' il-Ministru jgħid x'qed jagħmel il-gvern biex jieħu vantaġġ minn dak li ġie nnegozjat?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li twaqqaf l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Vitikultura u Enoloġija fi ħdan id-Diviżjoni tas-Servizzi Agrikoli u Żvilupp Rurali. Dan l-uffiċċju nieda programm biex tiżdied il-produzzjoni ta' l-għeneb għall-produzzjoni ta' l-inbid ta' kwalita’, u biex titjieb it-teknika tat-tkabbir ta' l-għeneb. Għal dan il-għan qed jingħata sussidju ta' 10,000 Euro kull ettaru biex bidwi Malti ikun jista jħawwel dwieli għall-inbid ta' kwalita’ u sussidju ieħor ta' 1000 Euro kull ettaru biex ikun jista jżomm dawn id-dwieli.
Wieħed għandu jsemmi wkoll li f' Ġunju 2003 beda Twinning Programme, mħallas prattikament kollu mill-Unjoni Ewropeja, fejn is-Sezzjoni tal-Vitikultura, flimkien ma' esperti mill-Italja, qegħda twettaq ħidma biex Malta tkun f' pożizzjoni li tuża fondi mill-Unjoni Ewropeja sabiex titjieb il-kwalita’ ta' l-għeneb li jitkabbar Malta, u jiġu identifikati varjetajiet indiġeni li permezz tagħhom il-vitikultura f’ Malta jkollha karatteristiċi uniċi.
Fl-istess ħin żdied in-numru ta’ ettari ddedikati għad-dwieli minn 350 għal ‘il fuq minn 700 ettaru. Dan in-numru hu mistenni li jiżdied minħabba l-interess qawwi mill-proċessuri kif ukoll mill-bdiewa sakemm tintlaħaq il-mira ta’ 1,000 ettaru.
Ta’ min iżid ukoll li f’ dan is-settur l-integrazzjoni bejn proċessuri u produtturi qed tittieħed bl-akbar serjeta’ u dan qed iwassal għal prezzijiet vantaġġjużi għall-bdiewa u prattiċi aktar professjonali fil-vitikultura. Dan jawgura tajjeb għal meta l-inbejjed prodotti minn dwieli mkabbra lokalment ikunu jistgħu jiġu rikonoxxuti bħal DOK, jiġifieri nbejjed ta’ kwalita’ ta’ Denominazzjoni Oriġini Kontrollata.
Jista' il-Ministru jgħid x'passi ħadet il-MEPA dwar il-proġett ta' Chambray tul is-sena 2003?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Il-Monitoring team spezzjona il-Forti Chambray fl-24 ta’ Ġunju 2003. Ġie kkonfermat li x-xogħlijiet kienu wieqfa skond Enforcement Notice li ħarġet l-Awtorita’ ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA).
Il-ħames (5) issues ta’ infurzar kollha ġew riżolti għax il-kuntrattur ħa l-passi mitluba mill-MEPA.
Jista' il-Ministru ġentilment jindika meta hemm il-ħsieb li joħorġu l-local plans għan-naħa t'isfel ta' Malta? Billi kien hemm min ċempel il-MEPA u l-perit li kellmu allegalatament qalilhom li "dawn jistgħu joħorġu s-sena d-dieħla jew tliet snin oħra", jista' jagħti indikazzjoni aktar eżatta ta' meta se joħorġu dawn il-local plans?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li t-tfassil ta' l-abbozz tal-Pjan għan-nofsinhar ta' Malta huwa fi stadju avvanzat u jekk il-proċess iżomm ir-ritmu li qabad hu maħsub li l-abbozz joħrog għal Ġunju 2004 wara li jiġi approvat mill bord ta’ l-Awtorita’ ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA).
Jista' il-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li l-bejjiegħa tal-laħam qed jitħallew neqsin mill-majjal meta mbagħad qed jinbiegħ il-majjal lokali lill-meat processors li għandhom il-liċenzja li jimportaw minn barra?
Possibbli li l-ewwel priorita' tibda tingħata lill-bejjiegħa tal-laħam, l-aktar li issa qed joqorbu l-festi tal-Milied u d-domanda għall-majjal tikber?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninfurma lill-Onor. Interpellant li t-tqassim tal-majjal huwa skond arranġament li ilu jiġi segwit għal ħafna snin, fejn il-ko-operattiva tagħti kwota regolari ta’ laħam frisk lid-distributuri. Din il-kwota ma ġietx imnaqqsa. Minn barra s-sors dirett mill-biċċerija, tal-ħwienet jixtru wkoll mingħand il-proċessuri.
Hija wkoll regola ġenerali li ftit ġimgħat qabel il-festi, il-kwota mill-biċċerija għal tal-ħanut tiżdied b’ xi 150 majjal.
Jista' il-Ministru jivverifika fejn wasal il-proċess ta' l-applikazzjoni għall-proġett propost mill-Kapitlu l-Parroċċa tal-Katidral ta' Victoria, Għawdex? Jista' jivverifika jekk l-applikazzjoni saritx Malta flok Għawdex għax jitqies bħala major project? Jista' jgħid x'wassal biex imbagħad l-applikazzjoni terġa' issir f'Għawdex? Jista' jgħid jekk din l-applikazzjoni saritx fid-29 ta' Settembru 2003 (0584/03)? Jista' jgħid x'passi se tieħu issa l-MEPA biex tipproċessa l-applikazzjoni?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Jien infurmat li l-applikazzjoni PA 584/03 kkwotata fil-Mistoqsija hija għal "construction of 3 basement garages, class 4 shop, 2 maisonettes and 4 flats" u ġiet sottomessa fit-3 ta' Frar 2003. Il-proposta hija fuq sit fil-Mellieħa.
Jiena naħseb li l-Onor. Interpellant qed jirreferi għall-applikazzjoni PA 5484/03 u li kienet sottomessa fid-29 ta' Settembru 2003 għal "creation of stabilised slopes and car parking". f' sit ġewwa r-Raba ta' wara s-Sur, it-Telgħa tal-Belt, Rabat, Għawdex.
Sa issa din l-applikazzjoni għadha mhijiex validata peress li għadu ma ntbagħatx l-originali tal-“payment voucher” mill-applikant. Huwa għalhekk li teknikament jingħad li ma hemmx applikazzjoni. Għall-istess raġuni, fit-tweġiba għall-mistoqsija 2041 ingħad li għad ma hemmx applikazzjoni.
MEPA — Applikazzjoni għal fond kummerċjali li jkollha refusal
Question
Jista' il-Ministru jgħid jekk applikazzjoni għal fond kummerċjali li jkollha refusal mill-istadji kollha tal-MEPA, tistax issir mingħajr ebda tibdil skond l-applikazzjoni oriġinali?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li l-Att dwar l-Ippjanar ta’ l-Iżvilupp ma jeskludix li ssir applikazzjoni simili għal oħra li tkun ġiet irrifjutata. Jingħatax permess jew le hija kunsiderazzjoni oħra.
Jista' il-Ministru jinformani min kienu l-kumpanniji ta' l-iproċessar tat-tadam li tħallsu f'isem il-bdiewa minkejja li ppreżentawx id-dokumenti tagħhom?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Numru 2362.