Legislature:
Category:
Reset
Active:

Heritage Malta — Xogħlijiet ta’ Arti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il biċċa xogħol ta’ arti jew ta' importanza skorika nxtrat għall-kollezzjoni nazzjonali bejn l-2014 u l-2015? Jista' jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta' dawn l-oġġetti, l-ispiża abbinata ma’ kull oġġett, mingħand min inxtrat u għaliex inħasset il-ħtieġa li Heritage Malta takkwista dawn l-oġġetti kif ukoll il-qagħda tal-oġġett min-naħa ta' konservazzjoni?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li fl-2014 u fl-2015 inxtraw 333 oġġett għall-kollezzjoni nazzjonali. Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bl-informazzjoni mitluba.

Tempji ta’ Ħal Tarxien u Għar Dalam — landscaping

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk Heritage Malta għandhiex ħsieb li tagħmel landscaping fiż-żoni tal-madwar it-Tempji ta' Ħal Tarxien u Għar Dalam? Jekk fl-affermattiv, meta ħa jibda dan ix-xogħol u kemm fondi hemm abbinati ma’ dawn il-proġetti?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li fit-Tempji ta’ Ħal Tarxien diġa tlesta ħafna xogħol ta’ landscaping li sar minn Heritage Malta waqt il-proġett ko-finanzjat mill-UE. Il-ħajt fin-naħa ta’ wara tas-sit għandu jinbidel fl-2017, u qed isiru l-preparazzjonijiet meħtieġa għax-xogħol li jifdal. Rigward Għar Dalam, inbeda proċess ta’ tibdil gradwali ta’ speċi ta’ pjanti aljeni li hemm fil-ġnien bi speċi lokali. Barra minn hekk, qed jitħejja masterplan għal dawk l-inħawi. Fiż-żewġ każijiet, għadu prematur li jiġu stabbiliti kemm jenħtieġu fondi għal dan ix-xogħol.

Heritage Malta – impjegati ġodda

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk impjegat ġdid f'Heritage Malta, li jkun għadu taħt probation ta' sena hux eleġibbli biex joqgħod għall-interview għall-post ieħor li jkun mitqies bħala promozzjoni fi grad?

Response (BONNICI, OWEN)

L-informazzjoni għadha qed tinġabar u ser tingħata f'seduta oħra.

Eurovision – parteċipazzjoni Maltija — nefqa

Question

Jista l-Ministru jikkonferma li l-parteċipazzjoni Maltija fil-Eurovision fi Stokkolma swiet aktar minn miljun ewro?

Response (BONNICI, OWEN)

Għalkemm l-informazzjoni mitluba hija ta’ natura kummerċjali, nassigura li l-ammont huwa ferm inqas minn miljun ewro, liema ammont ġie kopert kollu mir-reklamar.

Parteċipazzjoni Maltija fil-festival tal-Eurovision

Question

B’referenza għall-mistoqsijiet parlamentari 25522, 25523 u 25524, jista’ l-Ministru jgħid iż-żieda ta’ 120% f’reklamar fuq is-snin ta’ qabel koprietx in-nefqa ta’ miljun ewro għall-parteċipazzjoni Maltija fi Stokkolma?

Response (BONNICI, OWEN)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant ghar-risposta tal-mistoqsija parlamentari numru 25694.

Reġistru tal-Qorti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’passi ħadet l-amministrazzjoni tal-Qorti in vista tad-diversi lmenti mill-impjegati tar-Reġistru tal-Qorti fl-aħħar ġimgħat minħabba t-trabijiet, irwejjaħ u intejjen li qed ikun hemm fir-Reġistru tal-Qorti?

Response (BONNICI, OWEN)

Id-Dipartiment tal-Qrati tal-Ġustizzja jagħmel l-almu kollu sabiex waqt l-eżekuzzjoni tax-xogħol fil-proġett ta’ Triq Santa Luċija inaqqas l-inkonvenjent lill ħaddiema, il-Prokuratura Legali, l-Avukati u l-pubbliku li juża r-Reġistru tal-Qorti. Isir tindif regolari u anke aktar minn darba matul il-ġurnata skont kif meħtieġ. Kull meta kien hemm xi lment, immedjatament ittieħdu l-prekawzjonijiet kollha.

Reġistru tal-Qorti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk kienx infurmat li fl-aħħar ġimgħat l-impjegati tar-Reġistru tal-Qorti kienu qed ibatu minn trabijiet, irwejjaħ u intejjen ta’ thinner fir-Reġistru li bilkemm ħallihom jaħdmu?

Response (BONNICI, OWEN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari numru 25755.

Reġistru tal-Qorti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’passi ħa wara li nhar il-Ġimgħa 27 ta’ Mejju 2016 tant kemm it-trabijiet, l-irwejjaħ u l-intejjen fir-Reġistru tal-Qorti laħqu livelli inaċċettabbli li l-impjegati tar-Reġistru ma felħux iktar u ħarġu ‘l barra mill-bini minn kmieni filgħodu?

Response (BONNICI, OWEN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari numru 25755.

Reġistru tal-Qorti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min ser jerfa’ r-responsabiltà għall-ħsara lis-saħħa tal-impjegati, il-ħela ta’ ħin u l-possibbilità li atti li kellhom jiġu ppreżentati ma setgħux ikunu ppreżentati nhar il-Ġimgħa 27 ta’ Mejju 2016 wara li l-impjegati tar-Reġistru tal-Qorti ma felħux iktar l-irwejjaħ, l-intejjen u t-trabijiet fir-Reġistru u kellhom joħorġu ‘l barra?

Response (BONNICI, OWEN)

Id-Dipartiment tal-Qrati tal-Ġustizzja dejjem għamel l-almu kollu sabiex waqt l-eżekuzzjoni tax-xogħolijiet li jkunu qed isiru s-saħħa tal-ħaddiema tiġi mħarsa. Nhar is-27 ta’ Mejju, 2016 ma kien hemm l-ebda diffikultajiet għal preżentata tal-atti u fil-fatt l-atti ġew preżentati b’mod normali.

Authorised Officer b'responsabilità għal-lokalitajiet tal-Belt, Furjana u Marsa

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 25238, 25294 u 25419 u jgħid l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament meta beda bħala Authorised Officer b'responsabiltà għal-lokalitajiet tal-Belt, Furjana u Marsa u kemm dam jaħdem f’din il-kariga? Jista' jgħid jekk daħalx jaħdem wara sejħa pubblika jew le? Jista' jgħid x’kienet il-paga tiegħu sena b’sena kemm dam jaħdem bħala Authorised Officer? Jista' jgħid x’kienu l-perkaċċi l-oħra kollha li kellu u kemm kienet l-ispiża fuqhom sena b’sena?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsilli Lokali rispettivi li l-persuna msemmija beda jaħdem bħala Authorised Officer mal-Kumitat Konġunt tal-Belt wara sejħa pubblika. Aktar tard kienu ngħaqdu f’dan il-Kumitat Konġunt il-Furjana u l-Marsa. Beda fil-Kumitat Konġunt imsemmi fis-sena 2000 u dam sakemm irtira fl-2014. F’dan il-perjodu l-ħlas li rċieva mingħand il-Kunsill Lokali tal-Belt il-ħlas kif ġej: Lm5,400 fl-2000; Lm5,400 fl-2001; Lm5,400 fl-2002; Lm5,400 fl-2003; Lm5,400 fl-2004; Lm5,400 fl-2005; Lm5,400 fl-2006; Lm5,400 fl-2007; €12,000 fl-2008; €12,000 fl-2009; €12,000 fl-2010; u €9,000 fl-2011, sakemm id-delega tal-infurzar u x-xogħol relatat għaddiet għand il-Kumitati Konġunti. Dan ifisser total ta’ €145,629. Il-Furjana daħlet fis-sistema fis-sena 2004 u għalhekk ix-xogħol tiegħu relatat ma’ din il-lokalita’ fil-Kumitat Konġunt imsemmi beda fl-2004 u tħallas għalih mill-Kunsill Lokali tal-Furjana kif ġej: Lm1,835 fl-2004; Lm1,770 fl-2005: Lm2,555 fl-2006; Lm2,345 fl-2007; Lm7,500 fl-2008; €6,695 fl-2009: €6,135 fl-2010; u €6’645 fl-2011, sakemm id-delega tal-infurzar u x-xogħol relatat għaddiet għand il-Kumitati Konġunti. Dan ifisser total ta’ €56,756.65. Ma kellu l-ebda perkaċċi. Il-Marsa daħlet fis-sistema fis-sena 2009 u għalhekk ix-xogħol tiegħu relatat ma’ din il-lokalita’ fil-Kumitat Koġunt imsemmi beda fl-2009 u tħallas għalih mill-Kunsill Lokali tal-Marsa kif ġej: €5,028 fl-2009, €5,207 fl-2010; u €5,136 fl-2011, sakemm id-delega tal-infurzar u x-xogħol relatat għaddiet għand il-Kumitati Konġunti. Dan ifisser total ta’ €15,371. Ma kellu l-ebda perkaċċi. B’kollox, il-persuna qalgħet €217,756.65.

San Pawl il-Baħar — Ċitazzjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar in-numru ta’ ċitazzjonijiet li l-wardens ħarġu fil-lejl ta’ bejn il-Ġimgħa 20 u s-Sibt 21 ta’ Mejju 2016, fil-lokalità ta’ San Pawl il-Baħar? Għal liema kontravenzjonijiet ħarġu dawn iċ-ċitazzjonijiet?

Response (BONNICI, OWEN)

Fir-Reġjun Tramuntana titħaddem rotta bejn is -6.00pm u nofs il-lejl fejn il-Lokalita ta’ San Pawl il –Baħar tiġi sorveljata għall-Infurzar Lokali minn 2 Gwardjani Lokali. Waqt il-qadi ta’ dmirijiethom il-Ġimgħa 20 ta’ Mejju,2016 ngħataw 24 ticket fi 17 il- triq differenti fil-lokalita ta’ San Pawl il –Baħar. 2 ċitazzjonijiet kienu mgħotija peress illi l-liċenzja tal-vetturi kienet skaduta u l-20 ċitazzjoni jirrigwardjaw pparkjar ħazin bħal pparkjar f’kantunieri, mas- central strips, double parking u fuq double yellow lines.

Qorti tal-Maġistrati – kawżi ċivili ta’ libell

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il kawża ċivili ta' libell ġew ippreżentati fil-Qorti tal-Maġistrati fl-aħħar għaxar snin u jgħid kemm minnhom ġew deċiżi favur min fetaħ il-kawża ta' libell?

Response (BONNICI, OWEN)

In-numru ta’ libelli ċivili ppreżentati fil-Qorti ta’ Malta u Għawdex fl-aħħar għaxar snin, kien kif muri fit-tabella hawn taħt: Sena Nru ta’ Libelli ppreżentati 2006 67 2007 66 2008 77 2009 55 2010 29 2011 16 2012 38 2013 47 2014 50 2015 19 2016 (sat-23/05/2016) 17 Ma tinżammx statistika dwar l-eżitu ta’ kawżi ċivili u għalhekk ma jistax jingħad kemm minnhom ġew deċiżi favur min fetaħ il-kawża ta' libell.

Awtorità tax-Xandir – Chairperson – Eurovision Song Contest

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma li ċ-Chairperson tal-Awtorità tax-Xandir telgħet Stokkolma għall-Eurovision Song Contest? X’kien l-skop tal-mawra? Kemm swiet fit-total din il-mawra inkluż vjaġġi, akkomodazzjoni u perkaċċi?

Response (BONNICI, OWEN)

L-informazzjoni għadha qed tinġabar u ser tingħata f’seduta oħra.

Awtorità tax-Xandir — Chairperson - Eurovision Song Contest

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il Chairperson tal-Awtorità tax-Xandir tela mad-delegazzjoni tal-PBS, bħala parti mid-delegazzjoni jew mhux, jara l-Eurovision Song Contest matul is-snin?

Response (BONNICI, OWEN)

L-informazzjoni mitluba mill-Onor Interpellant ser tingħata f’seduta oħra.

Heritage Malta f’Għawdex – mużewijiet magħluqa

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk fil-weekend ta' bejn is-16 u s-17 ta' April, kienx hemm xi siti jew mużewijiet ta' Heritage Malta f'Għawdex li baqgħu magħluqa? Jekk fl-affermattiv liema kienu dawn is-siti u għal liema raġuni baqgħu magħluqa?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li nhar is-16 u s-17 t’April Heritage Malta fetħet is-siti u l-mużewijiet tagħha kollha f’Għawdex bħal kull ġurnata oħra.

Heritage Malta – ħaddiema fi gradi ta’ management

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk Heritage Malta hiex qed tutilizza ħaddiema fi gradi ta’ management u fi grad A tal-Ftehim Kollettiv, għal tindif tas-siti tagħha? Jekk fl-affermattiv, jista' jgħid meta kienu dawn l-istanti u għaliex kien hemm din il-ħtieġa?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li ma kien hemm l-ebda okkazjoni meta ħaddiema tal-gradi msemmija intużaw għat-tindif.

Heritage Malta – ħaddiema – taħriġ speċjalizzat

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il ħaddiem ta' Heritage Malta (mis-sena 2013 sas-sena 2015) ingħataw l-opportunità li jattendu għall-konferenzi jew taħriġ speċjalizzat barra minn xtutna?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li mill-2013 sal-2015 kien hemm 51 okkazjoni meta uffiċjali minn Heritage Malta attendew konferenzi jew żjarat speċjalizzati f’mużewijiet, inkluż laqgħat marbutin ma’ proġetti ko-finanzjati mill-UE.

Heritage Malta – infiq fuq sessjonijiet ta’ team building

Question

Jista' l-Ministru jgħid x' kienet in-nefqa ta' Heritage Malta allokata speċifikament għall-attivitijiet ta' sessjonijiet ta' team building fis-snin 2013, 2014 u 2015, sena b’sena? Jista' jgħid kemm saru attivitajiet ta' team building f'dawn is-snin, sena b’sena?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li bejn l-2013 u l-2015 ma sarux sessjonijiet ta’ team building f’Heritage Malta ħlief għal sessjoni informali b’mod volontarju fil-Katakombi ta’ San Pawl f’Settembru 2015. Programm speċifiku ta’ team building beda fl-2016 u diġa saru żewġ sessjonijiet.

Heritage Malta – proġett ta’ Gozo Museum

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li tiġi involuta l-komunità lokali tar-Rabat Għawdex fil-proġett tal-Gozo Museum? Jekk fl-affermattiv, jista' jgħid meta Heritage Malta ħa tibda dan il-proċess ta' laqgħat ta' konsultazzjoni u liema individwi/għaqdiet ħa jkunu mistiedna jipparteċipaw?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li Heritage Malta għandha l-ħsieb tikkonsulta mal-lokalitajiet kollha f’Għawdex, mhux biss mal-komunita’ lokali tar-Rabat. Dan għax temmen li kull lokalita’ għandha xi ħaga partikulari x’toffri fir-rigward tar-rakkont tal-istorja tal-gżira Għawdxija fit-twettiq ta’ dan il-mużew ġdid. Il-proċess ta’ diskussjoni huwa ppjanat li jibda aktar tard din is-sena.

Heritage Malta – Tas-Silġ, Borġ in-Nadur u San Pawl Milqi — viżitaturi

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm viżitaturi li żaru s-siti ta' Tas-Silġ, Borġ in-Nadur u San Pawl Milqi fis-sena 2015? Jista' jgħid x'inhuma l-pjanijiet ta' Heritage Malta marbuta ma’ dawn is-siti?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li matul l-2015 kien hemm 162 persuna li zaru Borg in-Nadur, 262 li żaru Tas-Silġ, u 383 li marru San Pawl Milqi. Dawn is-siti jinfetħu biss b’appuntament. Ma hemmx pjani speċifiċi għal San Pawl Milqi, ħlief manutenzjoni u konservazzjoni meħtieġa. Għal Tas-Silġ qed jiġu mħejjija faċilitajiet bażiċi għall-viżitaturi, b’kollaborazzjoni mad-Direttorat tar-Restawr. Fl-istess waqt, qed jitħejja master plan għall-integrazzjoni tal-fdalijiet ta’ Borġ in-Nadur f’Heritage Park għall-inħawi ta’ Wied Dalam.