Legislature:
Category:
Reset
Active:

ETC

Question

Jista' l-Ministru jikkunsidra għall-xogħol mill-ETC l-persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant, li l-persuna ndikata bħal kull persuna oħra li tirreġistra għal xogħol, taqa' taħt ir-responsabbilta' tal-Employment Advisors. Dawn xogħolhom huwa li jirreferu lil dawk kollha reġistranti jew li qed ifittxu xogħol, għal intervisti dwar possibilta' ta' mpjieg skond il-preferenzi tagħhom. Ta' min jinnota, li fil-każ tal-persuna ndikata, dan diġa' ġie riferut tmintax-il darba għal intervista ma' diversi kumpaniji jew employers.

Kanna tal-Ilma Maqsuma

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk jistgħux jsiru it-tiswijiet dwar il-kanna tal-ilma maqsuma li hemm qrib flat 2, block E5, Ta' Xbiex Hsg Estate mingħajr il-bżonn li joqgħodu jinqalgħu l-madum tal-ikwilini?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Għaddejt it-talba ta' l-Onor. Interpellant lid-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta' Djar għall-azzjoni meħtieġa.

Fondazzjoni Trasport Ħajja Indipendenti

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ilha mwaqqfa l-Fondazzjoni Trasport Ħajja Indipendenti, x'jgħid l-istatut ta' din il-fondazzjoni dwar l-annual general meetings u kemm-il annual general meeting sar?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li l-Fondazzjoni Trasport għall-Ħajja Indipendenti twaqqfet fl-1994. Dwar il-Laqgħa Ġenerali Annwali l-istatut tal-Fondazzjoni jgħid: Kull sena, il-Bord għandu jsejjaħ laqgħa ġenerali annwali għall-membri tal-Fondazzjoni li matulha: i) il-Bord għandu jressaq għall-approvazzjoni r-rapporti annwali tas-segretarju u tat-teżorier; ii) il-membri għandhom jeleġġu minn fosthom żewġ rappreżentanti sabiex iservu fuq il-Bord tal-Fondazzjoni. Il-quorum ta' din il-laqgħa ġenerali għandu jkun ta' mhux anqas minn rappreżentant wieħed minn kull entita' fondatriċi u tletin fil-mija tal-membri li isimhom jidher fuq ir-reġistru tal-membri tal-Fondazzjoni. Sabiex ikun jista' joħroġ għall-elezzjoni, membru reġistrat tal-Fondazzjoni għandu jkun propost u ssekondat minn membri oħrajn, jew kwalunkwe Trustee. Membru reġistrat għandu juri bil-miktub li qed jaċċetta l-proposta. Notifika tal-laqgħa ġenerali annwali għandha tasal b'posta normali għand il-membri reġistrati mhux aktar tard minn sebat ijiem qabel id-data tal-laqgħa ġenerali annwali. Ninsab infurmat ukoll li l-ewwel laqgħa ġenerali annwali saret fit-12 ta' Ottubru 2000. Il-Fondazzjoni ma hijiex għaqda governattiva imma tirċievi għajnuna finanzjarja minngħand il-Gvern.

Fondazzjoni Trasport Ħajja Indipendenti

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid min huma l-membri tal-Bord tal-Fondazzjoni Trasport Ħajja Indipendenti u liema entita' jirrapreżentaw?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-Fondazzjoni li għamlet referenza għaliha l-Onor. Interpellanti hi organiżżazzjoni mhux governattiva mwaqqfa bejn il-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabilita' u l-Fondazzjoni Ħajja Indipendenti. Ninsab infurmat li l-Bord tad-Diretturi hu kompost kif ġej: Chairperson Is-Sinj. Connie Camilleri maħtura mill-Fondazzjoni Ħajja Indipendenti Membri Is-Sur Joe Gasan maħtur mill-Fondazzjoni Ħajja Indipendenti Is-Sur Neville Curmi maħtur mill-Kummissjoni Persuni b'Diżabilita' Is-Sur Wenzu Dalli maħtur mill-Kummissjoni Persuni b'Diżabilita' Is-Sur Tonio Mercieca maħtur mill-Laqgħa Ġenerali tal-Fondazzjoni Trasport għall-Ħajja Indipendenti Is-Sinj. Graziella Buttigieg maħtura mill-Laqgħa Ġenerali tal-Fondazzjoni Trasport għall-Ħajja Indipendenti

Fondazzjoni Trasport Ħajja Indipendenti

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm-il xufier ġew impjegati mal-Fondazzjoni Trasport Ħajja Indipendenti u kemm min dawn m'għadhomx jaħdmu mal-Fondazzjoni u għal liema raġuni?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li kien hemm tmien xufiera mpjegati mal-Fondazzjoni Trasport għall-Ħajja Indipendenti minn kemm ilha mwaqqfa l-Fondazzjoni. Ħamsa minnhom mgħadhomx mal-Fondazzjoni. Wieħed minnhom ġie tterminat l-impjieg tiegħu u l-erba l-oħra ħallew l-impjieg huma.

Personal Assistant Project

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid f'hiex wasal il-proġett tal-personal assistant u liema diżabilitajiet ser jibbenefikaw minnu?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Is-servizz ta' Assistenza Personali (personal assistance) huwa maħsub biex jagħti sapport lil persuni b'diżabilita' severa fil-bżonnijiet personali tagħhom biex dawn ikunu jistgħu jipparteċipaw b'mod sħiħ fil-ħajja ta' kuljum. Il-Ministeru ddeċieda li titwaqqaf taqsima taħt il-Fondazzjoni għal Servizzi ta' Ħarsien Soċjali (Foundation for Social Welfare Services) biex tiżviluppa dawn is-servizzi u servizzi oħra relatati. Il-Fondazzjoni ħarġet sejħa għall-applikazzjoni għal kap ta' din it-taqsima. Il-proċess ta' selezzjoni għadu għaddej. Fil-preżent, il-Ministeru jagħti għotja fis-sena lill-Għaqda tal-Muscular Dystrophy biex jiffinanzja parti mill-ispiża li din l-għaqda tagħmel biex tagħti servizz limitat ta' assistenza personali. Irrid ngħid ukoll li permezz tas-servizz tal-"home help", hemm numru ta' persuni b'diżabilita' severa li qed jingħataw servizz ta' "assistenza personali". Dan kien possibbli bil-politika tal-gvern kif imwegħda fil-programm elettorali tiegħu li "servizzi speċjaliżżati għall-anzjani jkunu miftuħin ukoll għall-persuni b'diżabbilta' li għalkemm ta' eta' iżgħar ikollhom l-istess bżonnijiet bħall-anzjani", liema politika ġiet addotta f'Ottubru ta' 1998.

Housing Authority

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk tistax il-housing authority tikkunsidra li tinstalla lift fi block Misraħ Lewża, 5A, San Ġwann kif wkoll fi block 5D, Misraħ Lewża, San Ġwann?

Response (GONZI, LAWRENCE)

L-Awtorita' tad-Djar tikkunsidra talbiet għal stallazzjoni ta' lifts fil-blokki ndikati jekk hemm tgħix fihom persuna li għandha diżabilita' ċertifikata. Jekk dan hu l-każ, għandha ssir applikazzjoni taħt Skema V lill-Awtorita'.

Bonus Statutorju

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk huwiex aċċettabbli li għax ikollho kuntratt ma ambaxxata barranija ibbażata f'Malta hemm personnel Maltin li la huma intitolati għall-bonus statutorju u lanqas għaż-żiediet għall-għoli tal-ħajja li jagħti il-Gvern?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Għalkemm l-Ambaxxati barranin huma koperti b'immunita' diplomatika, meta jkollu xi lment dwar kundizzjonijiet ta' l-impjieg minn impjegati Maltin li jaħdmu ma' dawn l-Ambaxxati, id-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijali u ta' l-Impjieg jagħmel dak possibbli biex l-ilment jiġi ndirizzat.

Malta Stock Exchange

Question

JIsta' l-Ministru jgħid kemm kienu dawk li bagħtu għalihom sabiex jagħmlu interview għal impjieġ ta' messenger/drivers mal-Malta Stock Exchange f'April/Mejju 2001? Min liema lokalita kien? Kemm kien ilu jirreġistra kull wieħed minnhom? Jista' jgħid jekk kienx hemm xi uħud minnhom li kien jirreġistraw bħala disabled? Minn fejn kien min intgħażel, kemm kellu eta u kemm kien ilu jirreġistra għax-xogħol?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li b'kollox kien hemm 48 persuna minn 23 lokalita' differenti li kienu jirreġistraw u li bagħtu għalihom għall-intervista dwar impjieg ta' messenger/driver mal-Malta Stock Exchnage f'April/Mejju 2001, li minnhom 23 kienu qed jirreġistraw bħala disabled. Dawn l-48 persuna kienu ilhom jirreġistraw għax-xogħol għal perijodi li kienu jvarjaw bejn dsatax-il sena u tlitt xhur. Ninsab infurmat ukoll li min intgħażel hu minn Ħal-Qormi, għandu 29 sena u kien ilu jirreġistra għax-xogħol mit-2 ta' Ġunju 1997.

Relief

Question

Jista' l-Ministru jara li kemm jista' jkun malajr, jinħareġ ir-relief ta' missier ġuvni li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament peress li m'għandhomx mezzi? JIsta' dan is-sinjur jiġi informat bl-aħħar żvilupp?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-każ tal-persuna minnu ndikata ġie maħdum u ser jitħallas l-Għajnuna Soċjali tal-Qgħad mit-30 ta' Mejju, 2001.

Mustering Room

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta saret l-ispezzjoni fil-mustering room tal-Mellieħa imsemmija fit-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari nru. 25732? Xi rriżulta minn din l-ispezzjoni? X'deċiżjonijiet ittieħdu u kif se jiġu nfurzati dawn id-deċiżjonijiet biex titħares is-saħħa tal-ħaddiema milquta?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li l-ispezzjoni fil-post indikat mill-Onor. Interpellant saret fl-14 ta' Mejju 2001. Min hu responsabbli mill-mustering room qed jintalab isib post alternattiv u li sakemm dan iseħħ jara li l-post ikun ventilat aħjar.

SWDP

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari nru. 25991?

Response (GONZI, LAWRENCE)

L-aġenzija APPOĠĠ għandha diversi servizzi li joffru għajnuna lil persuni li jiffaċċjaw sitwazzjonijiet diffiċli. - Servizz ta' Diżabilita' Minn 1996 sa l-aħħar ta' Mejju dan is-servizz taha appoġġ lil madwar 20 persuna li ġew identifikati li jbatu minn autism. Madanakollu s-servizz ingħata lil madwar 769 persuna li għandhom xi tip ta' diżabilita'. - Servizz għall-Irġiel li jixtiequ jaħdmu fuq il-Vjolenza Tagħhom. Dan is-servizz li ġie mwaqqaf mill-1999 taha appoġġ lil 70 klijent raġel. - L-aġenzija ma toffrix servizz speċifiku għall-persuni li jkunu għaddejjin minn sitwazzjoni ta' 'grief'. Madanakollu bosta persuni jagħmlu użu mis-servizz tas-Supportline 179. Huwa diffiċli biex tikkwantifika b'eżattezza kemm għamlu użu minħabba grief. - L-aġenzjija għandha servizz li ġie mwaqqaf minn 1996 ġewwa l-isptar Monte Carmeli fejn jingħata għajnuna lill-persuni li jbatu minn problemi ta' saħħa mentali. Dan is-servizz ta' social work minn 1996 s'issa ngħata lin-numru totali ta' 1,087 persuna. - Foster Care Dan is-servizz ġie mwaqqaf f'Marzu tas-sena 2000. L-aġenzija b'dan is-servizz tħarreġ u toffri appoġġ lil persuni li jixtiequ jagħmlu fostering. Bħala talba biex tfal jiġu fostered l-aġenzija kellha 45 tifel u tifla fejn il-ġenituri bioloġiċi tagħhom aċċettaw li jingħata s-servizz.

Djar — Proprjeta' Privata

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm-il kuntratt ta' xiri ġie konkluż ma' persuni jew soċjetajiet privati għall-akkwist ta' proprjeta' privata mill-housing authority bejn Ottubru 1998 sal-lum? Min kienu l-persuni/soċjetajiet konċernati u jistax iqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopji tal-kuntratti relattivi?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 25862, f'Seduta Numru 540.

Siġurta' Soċjali

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid meta se jsir il-ħlas lura ta' kontribuzzjonijiet tas-Sigurta' Soċjali li tħallsu żejda fl-1999 u 2000 f'isem il-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament? X'qed iżomm milli jsir dan il-ħlas?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jagħmel din il-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Siġurta' Soċjali — Għawdex

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk ittieħdetx xi deċiżjoni biex xogħol konness mas-Sigurta' Soċjali li kien isir Għawdex issa jibda jsir Malta? Għaliex ittieħdet din id-deċiżjoni? Liema xogħol inġieb Malta? Sakemm issir iċ-ċaqlieqa kollha hemm xogħol imwaħħal għax mhux f'postu s-software biex jinħadem ix-xogħol? Meta se jkun hemm kollox jerġa jaħdem kif suppost?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor Interpellant li ma ttieħdet l-ebda deċiżjoni li xogħol konness mas-Sigurta' Soċjali u li kien isir Għawdex issa jibda jsir Malta. Altru milli jitnaqqas ix-xogħol f'Għawdex ninforma lill-Onor. Membru li riċentament d-Dipartiment ittrasferixxa t-Taqsima tal-korrimenti f'Għawdex fl-istess waqt li bdiet titħaddem sistema ġdida ta' software mibnija mill-MITTS. Din is-sistema flimkien mal-ħaddiema fit-Taqsima msemmija wettqu din il-bidla mingħajr ebda ntopp ta' xejn. Għaddej proċess fejn aktar xogħol konness mas-sigurta' soċjali jsir mill-ħaddiema tad-Dipartiment f'Għawdex. Tajjeb infakkar li d-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali kien fost l-ewwel dipartimenti li emmen fil-kapaċita' tal-ħaddiema Għawdxin billi tella' taqsima sħiħa tax-short-term benefits u r-rekords tal-kontribuzzjonijiet f'Għawdex. Dawn it-Taqsimiet għadhom impenjati u huma nvoluti bis-sħih fi proġetti mportanti li qed jitwettqu fid-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali sabiex jitjib is-servizz.

Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabilita

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'passi ħadet il-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabilita' dwar l-ilmenti imressaq mil-persuna b'diżabilita' li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament li waħedha jkollha tagħmel ħafna xogħol li ma tiflaħx għalix fl-iskola fejn taħdem?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li fit-28 ta' Frar 2001, il-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant ressqet ilment lill-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabilita' dwar allegata diskriminazzjoni fil-konfront tagħha fuq il-post tax-xogħol għax għandha diżabilita'. Skond il-proċedura stabbilita, il-Kummissjoni talbet il-kummenti tal-prinċipal ta' din il-persuna dwar l-ilment. Il-Kummissjoni eżaminat il-kummenti sottomessi u wara diskussjoni mal-persuna li ressqet l-ilment, kien hemm qbil li l-kwistjoni ma kienetx waħda ta' diskriminazzjoni minħabba diżabilita' kontemplata fil-liġi, iżda waħda ta' nuqqas ta' staff li kien qed joħloq ċertu tbatija lill-persuna konċernata. Dwar dan il-persuna ngħatat parir dwar x'għandha tagħmel. Il-persuna li ressqet l-ilment ġiet infurmata b'dan bil-miktub ukoll.