Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #12575 Sitting 249 2000-02-23 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru ta' l-Intern

PA — Ħaddiema ġodda

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew impjegati ħaddiema ġodda ma' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar mis-16 ta' Settembru, 1999 sal-4 ta' Jannar, 2000? Jista' l-Ministru jgħid ukoll jekk ġewx impjegati ħaddiema ġodda meta ħarġu l-applikazzjonijiet għal dawn l-impjiegi? Jekk jirriżulta li ġew impjegati ħaddiema ġodda mingħajr applikazzjonijiet, jista' l-Ministru jgħid kemm dawk impjegati kien ilhom applikati għall-imsemmi mpjieg? U jekk jirriżulta li lanqas kienu applikati għall-imsemmi mpjieg jista' l-Ministru jgħid xi kriterji ntużaw biex dawn ingħataw l-impjieg in kwestjoni?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li bejn is-16 ta` Settembru 1999, u l-4 ta` Jannar 2000, ġew impjegati ħames (5) persuni ġodda mill-Awtorita` ta` l-Ippjanar. Erbgħa (4) minnhom ġew impjegati wara sejħa għal applikazzjonijiet, filwaqt li l-ħames persuna ġiet appuntata b`kuntratt definittiv ta` sena, peress li minn dawk li applikaw ma nstab ħadd li kellu l-kwalifiki u l-esperjenza meħtieġa fil-qasam konċernat.
Leg 9 PQ #14061 Sitting 248 2000-02-23 Oral · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Apparat elettroniku

Question

Jista' l-Ministru jara jekk il-pulizija jistgħux jikkonfiskaw apparat elettroniku, bħal computer hard discs, biex jieħdu tagħrif ta'natura kummerċjali u personali minn stabbilimenti kummerċjali u djar privati? X'safeguards hemm għat-tagħrif li jkun ittieħed mill-hard discs?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li l-Pulizija ma tikkonfiskax oġġetti, iżda tista` televa kull oġġett li jista` jkun utli għall-investigazzjoni. L-operat tal-Pulizija waqt l-investigazzjoni huwa soġġett għall-liġi kif previst fil-Kodiċi Kriminali.
Leg 9 PQ #12568 Sitting 247 2000-02-22 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru ta' l-Intern

Ħabs Ċivili — Ħaddiema ġodda

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew impjegati ħaddiema ġodda fil-Ħabs Ċivili mis-16 ta' Settembru, 1999 sal-4 ta' Jannar, 2000? Jista' jgħid ukoll jekk ġewx impjegati ħaddiema ġodda meta ħarġu l-applikazzjonijiet għal dawn l-impjiegi? Jekk jirriżulta li ġew impjegati ħaddiema ġodda mingħajr applikazzjonijiet, jista' jgħid kemm dawk impjegati kien ilhom applikati għall-imsemmi mpjieg? U jekk jirriżulta li lanqas kienu applikati għall-imsemmi mpjieg jista' jgħid xi kriterji ntużaw biex dawn ingħataw l-impjieg in kwestjoni?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li bejn is-16 ta` Settembru 1999 u l-4 ta` Jannar 2000 ġew impjegati 4 Probation Officers u 4 Trainee Probation Officers mad-Dipartiment tas-Servizzi Korrettivi. Dawn ġew impjegati wara li ħarġet sejħa għall-applikazzjonijiet approvata mill-Kummissjoni dwar Servizz Pubbliku.
Leg 9 PQ #13935 Sitting 247 2000-02-22 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Akkademja

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma l-korsijiet li bħalissa qed isiru fl-akkademja tal-pulizija? Kemm hemm parteċipanti f'kull kors? Kull kemm żmien isiru korsijiet oħra għal dawk li jkunu attendew kors meta jkunu daħlu fil-korp?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li fl-Akkademja għal Ġustizzja Kriminali bħalissa jinsab għaddej kors għar-rekluti ġodda li għalih qed jattendu 76 persuna. Dan il-kors beda fl-4 ta` Ottubru 1999, u hu mistenni li jispiċċa fl-24 ta` Marzu 2000. Fuq bażi regolari jsiru korsijiet ta` ġimgħa l-wieħed lill-Membri tal-Korp tal-Pulizija f`taħriġ ta` sparar b`armi żgħar. Mill-bidu ta` din is-sena nżammu erba` minn dawn il-korsijiet li għalihom attendew 26 membru tal-Korp. Ninsab infurmat ukoll li b`koordinazzjoni mall-Human Resources Branch tal-Pulizija, f`Ottubru 1999, fl-Akkademja inbdew korsijiet f`diversi suġġetti li jwasslu għal eżamijiet sal-Livell Ordinarju u li ser jintemmu f`Mejju/Ġunju ta` l-2000. Is-suġġetti u l-attendenza minn membri tal-Korp għal dawn il-korsijiet hu kif jidher hawn taħt : Suġġett Attendenza ------- ---------- Ingliż 12 Malti 7 Matematika 5 Studju Soċjali 12 Computer Studies 12 Soċjoloġija 4 Ninsab infurmat ukoll li barra minn dak mistenni hawn fuq, huwa ppjanat li minn April li ġej ser jibdew isiru In-Service Refresher Courses għas-surġenti u l-kuntistabbli. Huwa ppjanat li dawn il-korsijiet ta` ħmistax-il ġurnata kull wieħed isiru fuq bażi permanenti matul is-sena. F`dawn il-korsijiet jiġi mgħallma dawn is-suġġetti : - Criminal Law, Police Regulations, Traffic Law and Regulations, Drug Awareness, Scene of Crime, Discipline/Motivation, Police Ethics, Customer Care, Domestic Violence, Communications u Computer Awareness.
Leg 9 PQ #13936 Sitting 247 2000-02-22 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Membri

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhu n-numru ta' membri tal-korp tal-pulizija li għadhom iservu minkejja li għalqu l-25 sena servizz? Jista' jgħid ta' liema rank huma?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li fil-preżent hemm 125 membru tal-Korp tal-Pulizija li għalqu l-25 sena servizz. Dawn huma mqassma hekk - Kummissarju 1; Deputat Kummissarju 1; Assistenti Kummissarju 2; Supretendenti 2; Spetturi 12; Surġenti Maġġuri 3; Surġenti 27 u Kuntistabbli 75.
Leg 9 PQ #13937 Sitting 247 2000-02-22 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Ex-membri li reġgħu daħlu

Question

Jista' l-Ministru jgħid minn Settembru, 1998 sal-lum kemm kien hemm talbiet biex persuni jittieħdu lura fil-korp tal-pulizija? Ta' liema rank huma? Kemm ġew aċċettati? Kemm kienu ilhom barra mill-korp kull wieħed li reġa' applika biex jidħol?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li fil-perijodu speċifikat mill-Onorevoli Interpellant, kien hemm 30 persuna li għamlu talba sabiex jerġgħu jidħlu lura fil-Korp tal-Pulizija. Qabel ma telqu mill-Korp kienu jokkupaw dawn il-karigi - Supretendent 1; Spetturi 2; Surġenti 2; Kuntistabbli 25. Ninsab infurmat ukoll li ħadd minnhom ma ddaħħal lura fil-Korp.
Leg 9 PQ #13938 Sitting 247 2000-02-22 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Modernizzar

Question

Matul din is-sena finanzjarja kemm hu maħsub li se jintnefaq biex il-korp tal-pulizija jiġi modernizzat b'użu ta' apparat ġdid biex tiġġieled il-kriminalita', nuqqasijiet mis-sewwieqa tat-traffiku eċċ? X'tagħmir se jinxtara? Minn fejn? X'infiq se jsir f'kull każ?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li n-nefqa komplessiva taħt il-Vot Kapitali tal-Pulizija biex jitjiebu il-faċilitajiet li għandhom għad-dispożizzjoni tagħhom id-diversi Taqsimiet tal-Korp mistennija tlaħħaq Lm500,000, żieda ta` 40% minn dak provdut fil-budget għas-sena 1998. Din in-nefqa tkopri t-tkomplija tax-xogħol fuq il-bini tal-kumpless li qed jittella fil-bitħa tas-CID u li, barra Lock-Up ġdid, se jkun jinkludi ukoll Laboratorji Forensiċi moderni u kwartieri attrezzati kif jixraq għat-Taqsimiet tas-CID, Drogi, Frodi u Vizzji. Mistennija jinxtraw ukoll numru ta` muturi biex tkompli tissaħħaħ it-Taqsima tat-Traffic, kif ukoll muturi żgħar u karozzi biex jaqdu l-ħtiġijiet ta` trasport ġenerali tal-Korp. Barra minn hekk, fis-sena 2000 għandu jinxtara u jibda jintuża tagħmir li jikkontrolla s-sewqan eċċessiv permezz hekk imsejjaħ speed cameras. Filwaqt li mistenni jsir ix-xiri u stallazzjoni tal-apparat li jintuża għall-identifikar ta` marki tas-swaba - l-AFIS. Finalment għandhom jinxtraw ukoll numru ta` bullet proof vests biex tiġi assigurata protezzjoni aħjar għal membri tal-Korp li jagħmlu xogħol b`element akbar ta` riskju. Dan ix-xiri u dawn ix-xogħlijiet kollha mistennija jsiru permezz ta` kuntratti wara ħruġ ta` sejħiet għall-offerti skond il-proċeduri stabbiliti.
Leg 9 PQ #13976 Sitting 247 2000-02-22 Oral · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Prostituzzjoni

Question

Jista' l-Ministru jagħti n-numru ta' reati konnessi ma' prostituzzjoni, sena b'sena mill-1989 sa l-1999?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li n-numru ta` mressqa l-Qorti fuq reati konnessi ma` prostituzzjoni fil-perijodu speċifikat mill-Onor. Interpellant kien kif ġej : SENA 1989 1990 1991 1992 1993 1994 1995 1996 1997 1998 1999 ---- ---- ---- ---- ---- ---- ---- ---- ---- ---- ---- ---- Nru 12 9 12 26 17 29 54 58 75 49 130
Leg 9 PQ #14023 Sitting 247 2000-02-22 Oral · Final From: CHARLES BUHAGIAR To: Ministeru ta' l-Intern

Valletta — Triq id-Dejqa

Question

Jista' l-Ministru jaċċerta lill-Kamra li dawk il-jacks li qegħdin jaqsmu Triq id-Dejqa, il-Belt Valletta minn faċċata għal oħra hekk kif tidħol għal din it-triq minn Triq it-Teatru, mhumiex ta' periklu għal pubbliku li jgħaddi minn taħthom peress li maż-żmiem dawn jistgħu jinħallu u jaqgħu għall-isfel fit-triq? Jista' l-Ministru jgħid min approva dawn l-istrutturi?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li l-perit inkarigat mill-proġett li qed isir fil-lokalita` li rrefera għaliha l-Onorevoli Interpellant, ħass il-ħtieġa li tiġi rinfurzata il-faċċata minħabba xogħol ta` żvilupp li qed isir u għalih hemm permess. Għal dan il-għan, il-Perit ta` l-imsemmi proġett talab il-permess ta` l-Awtorita` ta` l-Ippjanar biex jirfed il-faċċcata, liema talba ġiet aċċettata, u dan biex tonqos il-possibilita` li jiġri xi nċident bħalma kien ġara f`sit ieħor fl-istess triq. Ir-responsabbilita` għas-sigurta` ta` dan l-irfid hija tal-Perit inkarigat mill-Proġett.
Leg 9 PQ #14085 Sitting 247 2000-02-22 Oral · Final From: ANGELO FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Gżira - Kunsill Lokali

Question

Jista' l-Ministru jinvestiga jekk fil-każ indikat fid-dokument mibgħut separatament minn din il-mistoqsija jikkostitwixxix indħil mis-sindku tal-kunsill lokali tal-Gżira? Jekk fl-affermattiv, peress li ndħil minn sindki fix-xogħol tal-pulizija jista' jirrifletti ħażin fuq il-ben amministrazzjoni ta' l-istess kunsill lokali, jista' l-Ministru jara li dan it-tip ta' ndħil jiġi mwaqqaf minnufih?

Response (BORG, TONIO)

Is-suġġett tal-Mistoqsija jikkonċerna primarjament l-operat u funzjonijiet tal-Kunsilli Lokali. Għalhekk nissuġerixxi lill-Onorevoli Interpellant biex jirreferi din il-Mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Leg 9 PQ #12550 Sitting 246 2000-02-22 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru ta' l-Intern

Dipartiment tal-Karta ta' l-Identita' — Impjegati ġodda

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew impjegati ħaddiema ġodda mad-Dipartiment tal-Karta ta' l-Identita' mis-16 ta' Settembru, 1999 sa l-4 ta' Jannar, 2000? Jista'jgħid ukoll jekk ġewx impjegati ħaddiema ġodda meta ħarġu l-applikazzjonijiet għal dawn l-impjiegi? Jekk jirriżulta li ġew impjegati ħaddiema ġodda mingħajr applikazzjonijiet, jista' jgħid kemm dawk impjegati kien ilhom applikati għall-imsemmi mpjieg? Jekk jirriżulta li lanqas kienu applikati għall-imsemmi mpjieg, jista'jgħid xi kriterji ntużaw biex dawn ingħataw l-impjieg in kwestjoni?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li fil-perijodu speċifikat mill-Onorevoli Interpellant, ma kienx hemm impjiegi ġodda fl-Uffiċċju tal-Karti ta` l-Identita` fid-Depot tal-Pulizija.
Leg 9 PQ #12986 Sitting 246 2000-02-22 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Permessi għal barranin

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn persuni barranin li għandhom permess jaħdmu Malta llum? Minn liema pajjiżi huma u kemm hemm pendenti?

Response (BORG, TONIO)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista li turi t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant. Dwar in-numru ta` applikazzjonijiet minn persuni barranin għal permess biex jaħdmu f`Malta, li għad iridu jiġu pproċessati, nirreferi lill-Onor. Interpellant għall-aħħar parti tat-tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 12897.
Leg 9 PQ #13033 Sitting 246 2000-02-22 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru ta' l-Intern

Persuni barranin — Resident permits

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn persuni barranin residenti Malta li għandhom residence permits? Minn liema pajjiżi jiġu? Kemm minnhom huma ċittadini tal-Unjoni Ewropea u ta' pajjiżi oħra li qed jistennew li jidħlu?

Response (BORG, TONIO)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li turi t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant.
Leg 9 PQ #13668 Sitting 246 2000-02-22 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru ta' l-Intern

Air gun shooting — Permessi

Question

Billi fil-gazzetta "The Times" tal-lum hemm artiklu li jgħid illi l-għada u l-pitgħada kellha terġa' tiġi organizzata kompetizzjoni ta' l-isparar b'air guns, jista' l-Ministru jgħid: (i) kemm ilu li ħareġ il-permess għall-range tal-Bidnija biex din tintuża għal air gun shooting; (ii) meta nħarġu l-permessi biex persuni jistgħu jisparaw airguns; u (iii) jekk ħarġux permessi allura biex wieħed jista' jikkaċċja bl-air guns? Billi diġa' saru kompetizzjonijiet fil-passat, jista' l-Ministru jgħid kemm ittellgħu persuni il-qorti fuq reati simili u billi organizzaw u/jew ipparteċipaw ġo dawn l-attivitajiet illi kienu llegali? F'każ illi l-permessi għadhom ma ħarġux u allura din l-attivita' hija llegali, jista' l-Ministru jgħid x'passi se jieħu hu jew il-kummissarju tal-pulizija biex din l-attivita' tieqaf?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li l-permess għall-air weapons target shooting range li rrefera għaliha l-Onor. Interpellant inħareġ fil-bidu ta` Jannar ta` din is-sena filwaqt li l-permessi għall-ġarr ta` airweapons għall-ranges liċenzjati ukoll bdew jinħarġu din is-sena. Ninsab infurmat ukoll li ma jinħarġux liċenzji għall-ġarr ta` airweapons għal skop ta` kaċċa. Dwar il-kompetizzjoni ta` l-isparar b`airguns kif imħabbra fil-gazzetta, ninsab infurmat li din ma saritx, fuq ordni tal-Pulizija. Dwar il-parti tal-Mistoqsija li tirreferi għall-persuni li ttellgħu l-Qorti in konnessjoni ma` attivitajiet li jinvolvu air weapons, nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 12889.
Leg 9 PQ #13929 Sitting 246 2000-02-22 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Impjegati

Question

Jista'l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari numru 12737 dwar flus dovuti għall-extra duty tal-pulizija?

Response (BORG, TONIO)

B`referenza għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 12737 qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li turi t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant dwar ħlasijiet dovuti lill-Pulizija minn banek, kumpaniji, individwi, etc. għal xogħol extra duty li sar minn membri tal-Korp.
Leg 9 PQ #13933 Sitting 246 2000-02-22 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Ta'Qali - Żwiemel

Question

Jista' l-Ministru jara li l-pulizija jwaqqfu l-ħafna ġiri mid-dilettanti taż-żwiemel fit-triq pubblika ħdejn it-training grounds tal-football f'Ta' Qali nhar ta' ħadd filgħodu kmieni? Japprezza li peress li din mhux xi ħaġa organizzata, u l-vetturi wkoll jgħaddu minn din it-triq, hemm perikolu serju ta' xi inċident serju?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li l-Pulizija ser tieħu ħsieb sabiex twaqqaf l-abbużi li rrefera għalihom l-Onorevoli Interpellant, jekk dawn jirriżultaw.
Leg 9 PQ #13971 Sitting 246 2000-02-22 Oral · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Ħaddiema barranin

Question

Jista' l-Ministru jagħti dettalji dwar ħaddiema barranin jaħdmu f'Malta sena b'sena mill-1989 sa l-1999, minn liema pajjiżi ġejjin u f'liema xogħol qed jaħdmu?

Response (BORG, TONIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellanti li kull l-ewwel Tnejn tax-xahar id-Dipartiment ta` l-Informazzjoni jippubblika lista voluminuża u aġġornata ta` nies barranin li għandhom il-liċenzji ta` l-impjieg skond l-artikolu 11(3) ta` l-Att dwar l-Immigrazzjoni (Kap. 217). Din il-lista tinkludi l-isem tal-barrani, il-professjoni jew ix-xogħol li jagħmel, ma` min jaħdem, u sakemm hi valida l-liċenzja.
Leg 9 PQ #14042 Sitting 246 2000-02-22 Oral · Final From: JOE CILIA To: Ministeru ta' l-Intern

Artijiet — Dikussjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid fejn waslu d-diskussjonijiet interni biex artijiet governattivi jiġu mgħoddija lil NGOs?

Response (BORG, TONIO)

Id-diskussjonijiet interni biex proprjeta` tal-Gvern tingħata lil NGO`s qegħdin fil-fażi finali u huwa maħsub li fi żmien qasir titressaq Riżoluzzjoni Parlamentari f`dan is-sens, wara li ġew approvati mill-Kabinett.
Leg 9 PQ #14043 Sitting 246 2000-02-22 Oral · Final From: JOE CILIA To: Ministeru ta' l-Intern

Airport Security — Staff

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhu l-istaff complement fl-Airport Security? Jista' jagħti kemm hemm ħaddiema f'kull grad? Jaħseb li hemm postijiet vakanti fl-Airport Security?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li l-istaff fl-Airport Security hu kompost minn ħames persuni; tlett Assistant Managers u żewġ skrivani. Preżentament il-post ta` Airport Security Manager hu vakanti u l-proċess ta` mili ta` din il-vakanza kważi intemm. Is-Segretarju Permanenti fil-Ministeru ta` l-Intern assuma d-doveri ta` aġent Airport Security Manager.
Leg 9 PQ #14062 Sitting 246 2000-02-22 Oral · Final From: RITA LAW To: Ministeru ta' l-Intern

PA — Applikazzjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li t-talba ta' l-applikanta, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, għadha ma resqitx għad-deċiżjoni tal-bord ta'l-Awtorita' ta'l-Ippjanar, peress li din il-persuna għandha diżabilita' fl-għajnejn u qed tistenna l-permess bil-ħerqa? Jista' jgħid fiex waslet it-talba ta' din il-persuna?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li l-applikazzjoni li rreferit għaliha l-Onor. Interpellanti kien hemm bżonn li jsiru konsultazzjonijiet dwarha ma` dipartimenti oħra u għalhekk ħadet ftit aktar fit-tul minn oħrajn. Ninsab infurmat ukoll li r-rapport dwar din l-applikazzjoni qiegħed jiġi preparat u hu mistenni li jkun finalizzat llum.