Legislature:
Category:
Reset
Active:

Fondazzjoni għall-iskejjel t'Għada

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk hux dispost issa li jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra d-dokument li għamlet il-fondazzjoni għall-iskejjel t'għada dwar l-iskejjel ta' l-Istat?

Response (GALEA, LOUIS)

Peress li d-dokument issa ser jiġi aġġornat mhux opportun li d-dokument jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Pembroke — Bini ta' Skola Ġdida

Question

Jista' il-Ministru jgħid fiex waslet l-applikazzjoni għal bini ta' skola primarja ġdida f'Pembroke? Meta se jibda x-xogħol fuq din l-iskola u kemm se tiġi tiswa? Jista' jgħid ukoll kemm tista' tkun il-popolazzjoni ta' din l-iskola ġdida?

Response (GALEA, LOUIS)

F'dan l-istadju m'għandi xejn x'inżid mat-tweġibiet riċenti għal mistoqsijiet numri 10452 u 11135.

Skejjel — Eżamijiet tal-Matsec

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 10373 u cioe' jista' jgħid jgħid kemm applikaw studenti, subien u bniet separatament, biex joqogħdu għall-eżamijiet tal-Matsec - intermediate u avanzat? Kemm hemm mill-iskejjel ta' l-Istat, tal-knisja u indipendenti?

Response (GALEA, LOUIS)

It-tagħrif mitlub ser jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Pembroke — Skola Primarja

Question

Jista' il-Ministru jikkonferma jekk sarux xi arranġamenti bejn is-sindku/kunsill ta' Pembroke, l-iskola primarja ta' l-istess lokalita' u l-Luxol club fuq xi teħid ta' xi art ta' l-iskola biex issir xi faċilita' sportiva? Jekk fl-affermattiv, hemm xi kuntratti fuq dan?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-Kunsill Lokali ta' Pembroke ressaq proposta lill-awtoritajiet ta' l-Edukazzjoni bil-għan li parti minn art li tinsab fl-iskola Primarja Bice Mizzi Vassallo ta' Pembroke tiġi trasformata fi sports centre b'enfasi speċjali għall-isport tat-tennis. L-amministrazzjoni tal-Luxol Sports Club wrew interess fl-iżvilupp ta' din il-faċilita' kif proposta, fejn huma lesti wkoll li jinvestu fil-bini tagħha. Il-materja issa tinsab għall-konsiderazzjoni tad-Diviżjoni u l-Ministeru ta' l-Edukazzjoni. Huwa ċar li s'issa m'hemm l-ebda kuntratt.

NGOs — Impjegati

Question

Jista' il-Ministru jagħti lista ta' l-NGOs li għandhom impjegati full-time jew part-time, kemm hemm impjegati full jew part-time f'kull NGO u taħt liema kapaċita' huma impjegati?

Response (GALEA, LOUIS)

Peress li t-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar u jiġi verifikat, tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.

Kulleġġ St Edwards — Sixth Form

Question

Jista' il-Ministru jgħid bħalissa kemm hemm studenti fl-ewwel u fit-tieni sena separatament fis-sixth form tal-kulleġġ ta' St Edwards? Kemm huma barranin u ta' liema nazzjonalita' huma? Kemm huma bniet u kemm huma subien?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li n-numru ta' studenti fl-ewwel u fit-tieni sena fis-Sixth Form ta' St. Edward's College hu: Subien Bniet Total L-ewwel sena 24 11 35 It-tieni sena 29 10 39 Total 53 21 74 Informat ukoll li hemm 16-il student barrani li huma ta' dawn in-nazzjonalitajiet: 4 Brittaniċi (1 maskil u 3 bniet), 1 Russu, 1 Ungeriż, 1 Filippin, 2 Taljani (maskili), 2 minn Belarus (bniet), 1 Libjan, 2 Bulgari (maskili), 1 Ġermaniża, 1 Korean. Total ta' 10 subien u 6 bniet.

Kulleġġ ta' St Edwards — Sixth Form

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm għalliema li jgħallmu fis-sixth form tal-kulleġġ ta' St Edwards? Jista' jgħid kemm minn dawn se jispiċċaw bla mpjieg? Peress li hemm minn dawn l-għalliema li jgħallmu wkoll f'sezzjonijiet oħra ta' l-iskola, kif se jinħadem min se jitlef l-impjieg?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li fil-Kulleġġ St Edwards hemm 6 għalliema li jgħallmu fis-Sixth Form biss u hemm 23 għalliem li jgħallmu fis-Sixth Form u klassijiet oħra. Peress li l-Kulleġġ hu wieħed privat, m'hinix f'pożizzjoni nipprovdi t-tagħrif għat-tieni u t-tielet parti tal-Mistoqsija.

Kulleġġ ta' St Edwards — Sixth Form

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'inhu l-ħlas ta' miżati li jsir mill-istudenti li jattendu s-sixth form tal-kulleġġ ta' St Edwards? Jista' jgħid jekk l-istudenti Maltin u dawk barranin iħallsux l-istess? Studenti li jiġu mill-pajjiżi ta' l-Unjoni Ewropa jħallsu bħal studenti Maltin?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-Kulleġġ St Edwards għandhom skala ta' miżati bbażata fuq il-kwalifiki, li l-kopja tagħha ser titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Studenti mill-Unjoni Ewropea jħallsu l-istess miżati bħal studenti Maltin. Studenti li huma wlied ġenituri li jiġu minn pajjiżi barra mill-Unjoni Ewropea iħallsu Lm70 fis-sena aktar.

Għalliema mal-Gvern

Question

Jista' il-Ministru jgħid meta se terġa' issir sejħa għall-impjieg ta' għalliema mal-gvern? Kemm huwa stmat li hemm bżonn għalliema u f'liema suġġetti?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li sejħa pubblika għall-impieg ta' għalliema mal-Gvern issir kull sena għall-ħabta ta' April/Mejju. Informat ukoll li d-Dipartiment ta' l-Operat iħejji l-Classification Exercise fix-xhur ta' Mejju u Ġunju ta' kull sena skolastika. Hu permezz ta' dan l-eżerċizzju li wieħed ikun jaf l-istima ta' kemm hemm bżonn għalliema fl-iskejjel għas-sena skolastika li jkun imiss.

Skejjel — Studenti

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm huwa stmat li se jispiċċaw studenti mill-iskejjel ta' l-Istat, tal-knisja u dawk indipendenti, subien u bniet separatament, għaliex fi ftit ġimgħat oħra jkunu spiċċaw l-istudji sekondarji tagħhom?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li n-numru ta' studenti fl-aħħar sena ta' l-iskola sekondarja fl-iskejjel ta' l-Istat, tal-Knisja u dawk Indipendenti hu: Subien Bniet Total Skejjel ta' l-Istat 1747 2015 3762 Skejjel tal-Knisja 806 675 1481 Skejjel Indipendenti 247 192 439 Total 2800 2882 5682

Edukazzjoni — Dipartiment ta' l-IT

Question

Jisa' il-Ministru jgħid x'kien l-allokament ta' riżorsi finanzjarji lid-dipartiment ta' l-IT fl-edukazzjoni bejn is-sena 2000 u s-sena 2004? Jista' jagħti rendikont ta' kif intnefqu dawn il-flus?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-allokament ta' riżorsi finanzjarji kien hekk : Sena Lm 2000 1,000,000 2001 1,300,000 2002 1,100,000 2003 1,100,000 2004 1,050,000 It-tqassim ta' kif intefqu dawn il-flus sena b'sena jirrikjedi ċertu xogħol biex jinġabar u jiġi verifikat.

Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni — Taħriġ fl-ECDL

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'inhuma s-servizzi li qed jingħataw mid-diviżjoni ta' l-edukazzjoni fir-rigward ta' taħriġ fl-ECDL u r-rwol tad-diviżjoni bħala ċentru ta' l-eżamijiet għall-ECDL? Jista' jagħti rendikont kemm qagħdu studenti għall-eżamijeit ta' l-ECDL fiċ-ċentru ta' l-eżamijiet ta' l-ECDL tad-diviżjoni matul is-sena 2004?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li s-servizzi offruti miċ-ċentru tagħna ta' l-ECDL huma lezzjonijiet ta' : - ECDL Core (7 Modules) - ECDL Advanced (Word u Excel) - ECDL Start (4 Modules) - ECDL Equal Skills Informat ukoll li persuni adulti mis-16-il sena 'l fuq, jattendu ċ-Ċentru tagħna. Ir-rwol taċ-Ċentru hi li żviluppa l-użu tal-kompjuter fl-applikazzjonijiet kollha tiegħu. Numru kbir minn dawn l-istudenti jkollhom bżonn dawn iċ-ċertifikati biex japplikaw għax-xogħol. Informat li jsiru dawn l-eżamijiet erba' darbiet fis-sena. Fl-2004 ressaqna studenti għall-Ecdl Core biss, imqassam hekk :- F'April applikaw 283 studenti Ġunju applikaw 172 studenti Settembru applikaw 56 studenti Diċembru applikaw 287 studenti B'Total ta' 798 studenti.

Edukazzjoni — Dipartiment ta' l-IT

Question

Jista' il-Ministru jgħid xi ħlas għamlet id-diviżjoni ta' l-edukazzjoni f'overtime/pagamenti lil staff tad-dipartiment ta' l-IT fl-edukazzjoni matul is-sena 2004 biex dawn joffru servizz ta' ċentru ta' l-eżamijiet għall-ECDL liċenzjat mill-Computer Society of Malta? Kemm-il persuna ngħatat dan il-ħlas? Jista' jgħid kemm intnefqu flus biex id-diviżjoni ta' l-edukazzjoni tkun tista' toffri servizzi bħala ċentru għall-eżamijiet ta' l-ECDL?

Response (GALEA, LOUIS)

Infurmat li l-ħlas kollu li għamlet id-Diviżjoni ta’ l-Edukazzjoni f’overtime lill-istaff tad-Dipartiment ta’ l-I.T. fl-Edudazzjoni biex dawn joffru servizz bħala Ċentru ta’ l-eżamijiet għall-ECDL, matul is-sena 2004, kien jammonta għal Lm 180.93.6. Dan il-ħlas ingħata lill-persuna waħda bħala overtime għax-xhur ta’ Ottubru u Novembru, 2004. Fl-2003, id-Dipartiment ta’ l-I.T. investa s-somma ta’ Lm 200.00 sabiex seba’ skejjel fis-settur sekondarju jkunu jistaw jopperaw bħala Ċentri għall-eżamijiet ta’ l-ECDL. Fl-2004, tħalsu Lm 60 oħra sabiex tlett iskejjel oħra jkunu jistgħu jservu bħala ċentri għal dan l-eżami – dan kien meħtieġ peres li n-numru ta’ kandidati għal dan l-eżami kiber mis-sena ta’ qabel. Dan il-ħlas isir darba biss lill-Computer Society of Malta sabiex kull Ċentru jkun reġistrat biex jopera bħala Ċentru ta’ l-eżamijiet ta’ l-ECDL.

Edukazzjoni — Eżamijiet ta' l-ECDL

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm kien il-ħlas għall-kandidati li qagħdu għall-eżamijiet ta' l-ECDL offruti miċ-ċentru ta' l-eżamijiet ta' l-ECDL tad-diviżjoni? Dan il-prezz huwa sussidjat b'xi mod mid-diviżjoni ta' l-edukazzjoni jew fondi oħra pubbliċi? Jekk iva, kemm hu s-sussidju għal kull kandidat u bħala totali għas-sena 2004?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-ħlas tal-kandidati għall-eżamijiet ta' l-ECDL kien ta' LM2.75 kull module (massimu ta' 7 modules) u ħlas ta' LM8.00 għal 'skills card' (i.e. ċertifikat fejn jiġu rrekordjati r-riżultati ta' kull module). Dawn l-iSkills cards ingħataw b'xejn lill-kandidati mill-Ministeru għall-Investiment, Industrija u Teknoloġija. Kien hemm 1552 student li bbenefikaw minn dan is-sussidju li jammonta għal LM12416.00.

Skejjel ta' l-Istat — Għalliema li jgħallmu l-ECDL

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm mill-għalliema li qegħdin jgħallmu l-ECDL fis-suġġett ICT fl-iskejjel ta' l-istat fil-fatt għandhom ċertifikazzjoni huma stess fl-ECDL? Jista' jgħid jekk hux rekwiżit tad-diviżjoni li għalliema ta' l-ICT li jgħallmu l-ECDL, li jkollhom ċertifikat fl-ECDL biex ikunu jistgħu jgħallmuh? Jekk le, hemm xi ħsieb isir rekwiżit?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-għalliema li qed jgħallmu l-ICT fl-iskejjel ta' l-Istat 42 għalliema għandhom iċ-ċertifikat ta' l-ECDL. Informat ukoll li għalliema ta' l-ICT li jgħallmu l-ECDL għandhom kwalifiki li huma ta' livell għola u biex tidħol għall-kors fil-Fakulta' ta' l-Edukazzjoni wieħed irid ikollu diġa' iċ-ċertifikat ta' l-ECDL.

Institute of Health Care — Studenti

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk studenti ta' l-Institute of Health Care li jkunu rrepetew is-sena fis-sajf, jagħmlux work phase u jekk jitħallsux tax-xogħol tas-sajf?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li studenti ta' l-Institute of Health Care huma biss eleġibbli li matul il-kors tagħhom jitħallsu biss ta' erbgħa 'summer workphases' matul l-erbgħa snin tal-kors tagħhom. Informat ukoll li studenti li jirrepetu xi sena, per konsegwenza, ma jkunux eleġibbli li jitħallsu il-workphase allowance imma xorta jkunu meħtieġa illi jaħdmu il-workphase biex itellgħu s-siegħat neċessarji ta’ taħrig prattiku kif jitolbu r-regolamenti tal-kors relattiv.

Kulleġġ St Edwards — Sixth Form

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk l-awtoritajiet tal-kulleġġ ta' St Edwards informawx lid-diviżjoni ta' l-edukazzjoni li ddeċidew li jagħlqu s-sixth form fl-aħħar tas-sena skolastika fl-2005/06? Jekk fl-affermattiv, meta sar dan ? Jaf il-Ministru li ftit jiem ilu l-ġenituri ta' l-istudenti kollha li jattendu dan il-kulleġġ irċevew ittra fejn intqal li minn Settembru li ġej mhux se jiġu aċċettati studenti għall-ewwel sena tas-sixth form?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li t-tweġiba għall-ewwel parti tal-Mistoqsija hi fin-negattiv filwaqt li t-tweġiba għat-tieni parti hi fl-affermattiv.

Pembroke — Skola primarja

Question

Jista' il-Ministru jerġa' jikkonferma li l-iskola ġdida ta' Pembroke se ssir? Kemm se jkun l-investiment u meta beħsiebu jibda l-proġett? Jista' jagħti wkoll xi informazzjoni fuq l-iskola primarja Bice Mizzi Vassallo f'Pembroke fejn jidher li hemm xi lmenti fuq xi maintenance u fuq xogħlijiet żgħar iżda utli għat-tfal, speċjalment fix-xitwa? X'xogħlijiet saru fuq din l-iskola?

Response (GALEA, LOUIS)

Iva, qed isiru t-tħejjijiet biex tinbena skola ġdida f'Pembroke. Tlabt lil min hu konċernat biex jara l-ilmenti imressqa dwar xi xogħol ta' maintenance fl-iskola Biċe Mizzi Vassallo.

Universita' ta' Malta — VIP parking area

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk il-VIP parking area ta' l-Universita' ta' Malta hijiex riżervata wkoll għall-membri parlamentari?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-Membri tal-Parlament jistgħu jużaw il-'VIP parking area' meta jkunu fuq żjarat uffiċjali fl-Universita'.