Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #26082 Sitting 591 2001-07-25 Oral · Final From: JOE MIZZI To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Universita' ta' Malta

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma li administrative officers u faculty officers fl-Universita' ta' Malta jiffirmaw kollha l-ħin li jidħlu u jitilqu?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-Administrative Officers u Faculty Officers fl-Universita` ta' Malta jiffirmaw.
Leg 9 PQ #26092 Sitting 591 2001-07-25 Oral · Final From: JOE MIZZI To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Universita' ta' Malta

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm għandha karozzi l-Universita' ta' Malta għall-użu tagħha? Jista' jgħid minn min dawn il-karozzi qed jintużaw?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-Universita` ta' Malta għandha 22 karozza għall-użu tagħha. Lista li tagħti dettalji ta' liema huma dawn il-vetturi u min qed jużahom qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 9 PQ #26505 Sitting 591 2001-07-25 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

MCAST

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa stmat li se jkun hemm bżonn għalliema għal kull wieħed mis-sitt istituti li se jibdew il-ħidma tagħhom fi ħdan il-kulleġġ MCAST f'Ottubru li ġej? B'liema kundizzjonijiet se jiġu reklutati l-għalliema meħtieġa l-għalliema meħtieġa

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li n-numru ta' għalliema maħsub għal kull wieħed mis-sitt istituti f'dan l-istadju hu stmat li għandu jkun: 32 - Arti u Disinn 34 - Inġinerija Elettronika 40 - Inġinerija tal-bini u kostruzzjoni 11 - Teknoloġija tal-kommunikazzjoni u informazzjoni 85 - Negozu u Kummerċ 7 - Marittimu Il-kundizzjonijiet li bihom se jiġu reklutati l-għalliema ġew ippubblikati u kopja tas-sejħa qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 9 PQ #26514 Sitting 591 2001-07-25 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

MCAST

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk jikkonfermax li hemm il-ħsieb li biex imexxi l-Istitut tat-Teknoloġija ta' l-Informazzjoni u l-Komunikazzjoni tal-MCAST se tiġi avviċinata persuna offruta salarju ta' Lm 21,000 u tiġi reklutata permezz tal-Maltacom?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-MCAST fl-ewwel ta' Frar 2001 li għadda ppubblikat talba għal dawk l-azjendi kollha li xtaqu jidħlu f'xi forma ta' sħab mal-Kulleġġ il-ġdid. L-MCAST hu marbut mill-istatut tiegħu li jagħmel dak kollu li jista' biex imexxi t-tagħlim il-quddiem id f'id ma' l-industrija u s-settur kummerċjali. Waħda mill-azjendi li daħlet fi ftehim mal-Kulleġġ hi propju l-Maltacom li hi 'partner' naturali għall-kamp tat-teknoloġija u l-kommunikazzjoni u l-informatika. Fil-ftehim li jeżisti bejn il-Maltacom u l-Kulleġġ teżisti l-possibilita` li mpjegati taż-żewġ organizzazzjonijiet jistgħu jaħdmu fi ħdan xulxin u hemm il-ħsieb li l-Kap ta' l-Istitut tat-Teknoloġija, tal-Kommunikazzjoni u l-Informazzjoni jiġi sekondat minn sussidjarja tal-Maltacom. Mhux soltu li l-pakkett ta' ħlas f'dawn il-kumpaniji jiġi żvelat peress li hi informazzjoni ta' natura kummerċjali.
Leg 9 PQ #26587 Sitting 591 2001-07-25 Oral · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Aluminium

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhuwa x-xogħol ta' l-aluminium li se jsir fl-Iskejjel ta' Sta. Venera : Skola Primarja A, B u fis-sala tal-kumpless ta' l-iskola ta' Santa Venera hekk inhu stipulat permezz ta' l-offerti maħruġa fil-gazzetta tal-gvern bid-data ta' l-20 ta' April 2001? Meta se jinbeda u jitlesta dan ix-xogħol?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li x-xogħol ta' l-aluminium li ser isir fl-iskola Primarja 'A', Santa Venera, jikkonsisti fl-għeluq ta' l-arkati li jagħtu fuq il-bitħa, u tibdil tat-twieqi tal-klassijiet li jagħtu fuq il-kurituri. Ix-xogħol ta' l-aluminium li ser isir fl-iskola Primarja 'B'. Santa Venera, jikkonsisti fit-tibdil tat-twieqi tal-klassijiet li jagħtu fuq il-kurituri. Ix-xogħol li ser isir fis-sala tal-kumpless ta' Santa Venera jikkonsisti fit-tisħiħ ta' l-art tal-palk, u l-bini ta' control room fuq in-naħa ta' wara tas-sala. Jekk kollox imur kif ippjanat, jiġifieri ma jkunx hemm intoppi fl-għoti tat-tenders, ix-xogħol għandu jibda matul il-vaganzi, u jitlesta qabel tibda' s-sena skolastika li jmiss.
Leg 9 PQ #26860 Sitting 591 2001-07-25 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Organizzazzjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm skejjel din is-sena li matul is-sajf se jikru parti mill-faċilitajiet tagħhom lill-organizzazzjonijiet li jgħallmu l-Ingliz lill-barranin? Liema huma dawn l-iskejjel? F'kull każ x'faċilitajiet se jikru? Lil min se jikruhom? B'liema rata ta' ħlas f'kull każ?

Response (GALEA, LOUIS)

Region 1 (Għawdex) Informat li fiċ-Ċentru MA Refalo (Further Studies) sar ftehim bejn il-Kunsill ta' l-Iskola u l-Calypso Academy of English Language għas-snin 2000-2003, għal użu ta' sitt klassijiet u żewġ toilets. Bħala kumpens se jingħataw 45 draped armchairs, għaxar skrivaniji u jitħallsu wkoll Lm200 kull l-aħħar ġurnata ta' Ottubru għas-snin 2001, 2002 u 2003. L-English Language School marbuta li tagħmel tajjeb għal xi ħsarat li jista' jkun hemm. Region 2 F'Lily of the Valley, Skola Sekondarja tal-Bniet, Mosta se jinkrew erba' klassijiet matul Lulju lil IN LINGUA għall-prezz ta' Lm4 kull siegħa. F'Sir Luigi Preziosi, Skola Sekondarja tal-Bniet, St Andrews se jinkrew Klassijiet, Bitħa u Uffiċini lil Educ. English Culture għas-somma ta' Lm4,500. F'Antonio Bosio, Skola Sekondarja tas-subien se jinkrew 15-il klassi lil IN LINGUA bil-press ta' Lm5 fis-siegħa. Fl-Iskola Primarja ta' Ħal-Lija se jinkrew klassijiet u uffiċju lil NSTS English Language Institute għall-prezz ta' Lm20 fil-ġimgħa. Fl-Iskola Primarja ta' san Ġiljan se jinkrew klassijiet u parti mill-bitħa lil IN LINGUA għall-prezz ta' Lm25 kull klassi. Region 3 L-Iskola Primarja ta' l-Imsida se jinkrew klassijiet lil IN LINGUA għal Lm25, filwaqt li l-Iskola Sekondarja tas-subien Vincenzo Buġeja, St Venera 15-il klassi u uffiċju se jinkrew lil Educ. English Culture għas-somma ta' Lm1000. Region 4 M'hemm ebda arranġament għall-kiri ta' l-iskejjel.
Leg 9 PQ #26861 Sitting 591 2001-07-25 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Organizzazzjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid kif qed jiġu stabbiliti r-rati ta' ħlas li qed jintalbu mill-kapijiet ta' skejjel lill-organizzazzjonijiet li jikru klassijiet u uffiċini mill-iskejjel biex jgħallmu l-Ingliz lill-barranin?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li r-rati tal-ħlas għall-kiri ta' klassijiet u uffiċini fl-iskejjel jiġu stabbiliti mill-Kunsill Skolastiku ta' l-iskola partikolari.
Leg 9 PQ #27212 Sitting 591 2001-07-25 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Pixxina Nazzjonali

Question

B'referenza għall-artiklu li deher f'ġurnal bl-ingliż (The Malta Independent - 05/07/01) dwar il-Pixxina nazzjonali f' Tal Qroqq, jikkonferma l-Ministru li fost l-oħrajn, żdied il-vandaliżmu u l-ħsara u li żdied is-serq?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li għalkemm jirriżulta li żdiedu l-vandaliżmu u l-ħsara fil-Pixxina Nazzjonali, mhux minnu li s-serq fil-Pixxina Nazzjonali żdied. Fil-fatt minn Jannar ta' din is-sena sal-lum ġew rappurtati biss 4 każi ta' serq.
Leg 9 PQ #27495 Sitting 591 2001-07-25 Oral · Final From: HELENA DALLI To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Fakulta' ta' l-Arti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm irreġistraw studenti għal dawn is-suġġetti f'dawn l-aħħar erba' snin; near eastern studies; arabic; german u hebrew fil-fakulta' ta' l-arti u ta' l-edukazzjoni separatament? Minn dawn l-istudenti kemm minnhom irriżenjaw mill-kors? X'kienet ir-raġuni li twaqqaf id-dipartiment ta' l-Għarbi u Near Eastern Studies fil-fakulta' ta' l-arti?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li f'dawn l-aħħar erba' snin irreġistraw 18-il student għat-Tedesk li minnhom irreżenjaw 2 studenti. Għall-Għarbi irreġistraw 20 student li 6 minnhom irriżenjaw jew għażlu suġġett ieħor għal B.A. (Hons). Għall-Ibrajk ma seta' jirreġistra ħadd għaliex ma jeżistix bħala 'degree course' fil-Fakulta' ta' l-Arti, iżda jifforma biss parti mid-'degree' tan-'Near Eastern Studies'. Id-Dipartiment ta' l-Għarbi ilu mwaqqaf f'din l-Universita` għal ħafna snin: ftit ilu dan id-Dipartiment ħaddan fih in-'Near Eastern Studies' sabiex l-istudenti jkollhom għażla ta' ilsna oħra tal-Lvant Nofsani u l-kultura tal-popli ta' dawn l-inħawi u b'hekk l-Għarbi stess jiġi studjat fil-kuntest tiegħu iktar wiesgħa. L-istudenti setgħu japplikaw għad-'degree' fin-Near Eastern Studies minn sentejn 'l-hawn biss. F'dawn is-sentejn irreġistraw 6 studenti iżda 3 studenti rriżenjaw jew għażlu suġġett ieħor għal B.A. (Hons).
Leg 9 PQ #27650 Sitting 591 2001-07-25 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skavar ta' Fdalijiet Storiċi

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema huwa dawk il-pajjiżi u Universitajiet barranin li għandhom xi ftehim mal-Gvern u l-Universita' ta' Malta sabiex jgħinu f'xogħlijiet ta' skavar ta' fdalijiet storiċi fil-ġżejjer tagħna? X'progress sar abbażi ta' dawn il-kuntratti matul l-1999-2000 u 2001?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-Universitajiet barranin li għandhom xi ftehim mal-Gvern sabiex jgħinu f'xogħlijiet ta' skavar ta' fdalijiet storiċi fil-gżejjer Maltin huma: * L-Institute of Nautical Archaeology (INA) fi ħdan l-Universita` ta' Texas A&M Il-ftehim bejn id-Dipartiment tal-Mużewijiet u l-INA jagħmel provvedimenti sabiex isir survey u anki investigazzjonijiet dettaljati tal-fdalijiet arkejoloġiċi fl-ibħra Maltin, permezz ta' kollaborazzjoni bejn iż-żewġ organizzazzjonijiet, bl-għajnuna sħiħa ta' l-Awtorita` Marittima. Din is-sena, ipparteċipaw ukoll studenti mill-Universitajiet ta' Malta u Bristol, waqt li inkisbet għajnuna speċjalizzata teknika mill-Universita` ta' Trondheim fin-Norveġja. Din l-għajnuna teknika ġiet finanzjata mill-INA. Mill-1999, meta bdiet din il-kollaborazzjoni, twettqu numru ta' oġġettivi importanti. Inkiseb tagħrif ġdid dwar l-importanza tad-depositi arkejoloġiċi fil-protijiet ta' Malta. Ġew spezzjonati fdalijiet li kienu diġa' ġew dokumentati fl-imgħoddi, u ġew dokumentati fdalijiet oħra. Din is-sena, bdew jiġu studjati fdalijiet tal-perjodu puniku ta' importanza kbira xjentifika li jinsabu f'ibħra fondi madwar Malta. Żewġ rapporti xjentifiċi fuq dan ix-xogħol ġew applikati diġa fil-USA, u qed jiġi ppreparat studju ieħor għall-pubblikazzjoni xjentifika lokali. * L-Universita` ta' La Sapienza (Ruma) flimkien ma' l-Universita` La Cattolica (Milan) u l-Universita` ta' Lecce Il-kollaborazzjoni ma' dawn l-Universitajiet, li tmur lura għas-snin Sittin, jirrigwardja l-istudju u l-kura taż-żewġ siti arkeoloġiċi ta' Tas-Silġ (Marsaxlokk) u ta' San Pawl Milqi (Burmarrad). Din il-kollaborazzjoni qed tiġi ffinanzjata mill-fondi għar-riċerka ta' dawn it-tlett universitajiet, kif ukoll minn fondi tal-Ministero Degli Affari Esteri ta' l-Italja. Min-naħa tiegħu, dawn l-aħħar sentejn id-Dipartiment tal-Mużewijiet iffinanzja numru ta' xogħlijiet ta' natura loġistika u strutturali fuq dawn iż-żewġ siti arkeoloġiċi. Mill-1999 ix-xogħol ma' dawn it-tliet Universitajiet Taljani kien jinvolvi kemm ix-xogħol ta' riċerka arkeoloġika, kif ukoll xogħol importanti ta' konservazzjoni fuq il-fdalijiet arkeoloġiċi ġewwa Tas-Silġ (li inbeda fl-2000) u f'San Pawl Milqi (din is-sena). Dan ix-xogħol ta' konservazzjoni qed isir minn esperti nnominati mill-Istituto Centrale per il Restauro ta' Ruma, u qed jiġi ffinanzjat mill-fondi tal-Ministero per gli Affari Esteri. Parti mix-xogħol ma' dawn l-universitajiet taljani jinvolvi wkoll il-pubblikazzjoni tar-riżultati ta' din ir-riċerka kemm f'journals Maltin kif ukoll f'konferenzi barra minn Malta. * L-Universita` ta' Malta għandha programm ta' riċerka arkeoloġika f'Tas-Silġ. Dan ix-xogħol isir bħala parti minn Summer School li jiġi organizzat mid-Dipartiment ta' l-Arkeoloġija ta' l-Universita` ta' Malta. Il-programm ta' dawn ix-xogħlijiet jinkludi kemm riċerka arkeoloġika kif ukoll courses didattiċi.
Leg 9 PQ #27651 Sitting 591 2001-07-25 Oral · Interim From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Dipartiment tal-Mużewijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema huma dawk il-lokalitajiet f'Malta u Għawdex fejn qed isir skavar ta' fdalijiet storiċi koordinat mid-Dipartiment tal-Mużewijiet fil-mument? Meta huwa maħsub li jiġu finalizzati hawn ix-xogħlijiet?

Response (GALEA, LOUIS)

It-tagħrif mitlub qiegħed jinġabar u tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Leg 9 PQ #27652 Sitting 591 2001-07-25 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Bini Storiku

Question

Jista' l-Ministru jinfurmani f'liema lokalitajiet ta' Malta u Għawdex qed issir xogħol ta' restawr fuq bini storiku fil-mument? Meta huwa maħsub li jiġi finalizzat dan ix-xogħol?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li x-xogħol ta' restawr fuq il-wirt arkitettoniku f'Malta u Għawdex isir mill-Unit Għar-Restawr tad-Diviżjoni tax-Xogħlijiet. Min-naħa tiegħu, id-Dipartiment tal-Mużewijiet huwa bħal issa impenjat fuq ir-restawr ta' erba' siti arkeoloġiċi prinċipali, jiġifieri: * Ir-restawr tal-ħsara li saret fl-attakk vandalu fuq l-Imnajdra ta' April 2001, kif ukoll ir-restawr tal-ħsara li seħħet fl-1996 ġewwa Ħaġar Qim b'effett tal-maltemp. Dawn ix-xogħlijiet għadhom kif tlestew. * Il-konservazzjoni taż-żewġ siti arkeoloġiċi ta' Tas-Silġ (Marsaxlokk) u San Pawl Milqi (Burmarrad). Dan ix-xogħol qed isir b'kollaborazzjoni mal-Missione Archeologica Italiana A Malta u għandu l-appoġġ tekniku ta' l-Istituto Nazzionale per il Restauro ta' Ruma.
Leg 9 PQ #27676 Sitting 591 2001-07-25 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Applikazzjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm applikanti suġġett b'suġġett minn studenti ta' istituzzjonijiet edukattivi post-sekondarji governattivi, tal-knisja u privati? 1) fis-Systems of Knowledge 2) fil-Livell Intermediate 3) fil-Livell Avvanzat tal-Matsec

Response (GALEA, LOUIS)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 9 PQ #27678 Sitting 591 2001-07-25 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'kundizzjonijiet saru mill-Awtoritajiet edukattivi biex is-sit li hemm fil-lokalita' ta' Pembroke merfugħa għal skola ġdida tiġi fil-fatt użat għall-bini ta' skola ġdida primarja statali ta' Pembroke.

Response (GALEA, LOUIS)

Peress li l-Mistoqsija waslitli l-bieraħ, ma kienx hemm żmien biżżejjed biex jinġabar it-tagħrif mitlub, għaldaqstant it-tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Leg 9 PQ #27679 Sitting 591 2001-07-25 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Pembroke — Skola Primarja

Question

Jista' l-Ministru jgħid l-estensjoni li hemm ippjanata għall-iskola primarja ta' Pembroke kemm hemm il-ħsieb li tipprovdi spazju biex tlaħħaq ma' l-iżvilupp demografiku tal-lokalita'? F'liema qafas ta' żmien qed isiru dawn il-pjani?

Response (GALEA, LOUIS)

Peress li l-Mistoqsija waslitli l-bieraħ, ma kienx hemm żmien biżżejjed biex jinġabar it-tagħrif mitlub, għaldaqstant it-tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Leg 9 PQ #27680 Sitting 591 2001-07-25 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Pembroke — Skola Primarja

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'konsultazzjonijiet saru mal-Kunsill Lokali ta' Pembroke dwar il-pjani li hemm għall-estensjoni ta' l-iskola primarja tal-lokal? Meta saru dawn il-konsultazzjonijiet? X'irriżulta mill-konsultazzjonijiet?

Response (GALEA, LOUIS)

Peress li l-Mistoqsija waslitli l-bieraħ, ma kienx hemm żmien biżżejjed biex jinġabar it-tagħrif mitlub, għaldaqstant it-tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Leg 9 PQ #27607 Sitting 590 2001-07-24 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Mużew tal-Fine Arts

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari nru. 27464?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li hemm nuqqas ta' numru ta' Custodians and Guides. Il-fatt li dawn jaħdmu fuq roster ta' 7 ijiem fil-ġimgħa jintitolhom għal jumejn off fil-ġimgħa. Rigward it-tieni parti tad-domanda, informat li minn Ottubru li għadda bħala pass ta' sigurta` ingħalqet is-sala tal-wiri fil-basement u ġew kontemporanjament sospiżi l-wirjiet ta' l-arti kontemporanja li kienu jsiru fil-Loġġa tal-Mużew. B'hekk hemm żewġ swali biss li jridu jiġu sorveljati miż-żewġ gwardjani tal-Group 4. Ittieħdu wkoll diversi passi ta' sigurta` kontra serq u vandaliżmu fuq l-esebiti tal-Mużew ta' l-Arti li mhux opportun li jissemmew minħabba natura sensittiva ta' sigurta`. Il-kwestjoni kollha qed tiġi riveduta.
Leg 9 PQ #27612 Sitting 590 2001-07-24 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Malta College of Arts, Science & Technology

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġie jiswa l-folder li tqassam dan l-aħħar dwar il-Malta College of Arts, Science & Technology? Saret sejħa għall-offerti, jekk iva x'kienu l-offerti mitfugħa? Kemm saru kopji ta' dan il-folder?

Response (GALEA, LOUIS)

Nirreferi għat-tweġiba għall-Mistoqsija ta' l-istess Interpellant 27613 li ingħatat fis-Seduta tal-bieraħ.
Leg 9 PQ #27660 Sitting 590 2001-07-24 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Proximus

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Kumpanija Proximus hijiex tagħmel xi xogħol ta' relazzjonijiet pubbliċi jew xogħol ieħor relatat mal-Ministeru tiegħu, jew xi kumpanija, agenzija jew entita oħra li taqa' taħt ir-responsabilita' tiegħu? Jekk fl-affermattiv, jista' l-Ministru jgħid: X'inhu t-tip ta' xogħol? Kif saret l-għażla tal-kumpanija? Jekk saritx sejħa għall-offerti jew inkella ingħatax b'direct order? Meta l-entita' bdiet tagħmel użu mis-servizzi ta' din il-kumpanija? Xi ħlas sar lil din il-kumpanija min mindu din ingħatat ix-xogħol? Xi ħlas mistenni jkun dovut lil din il-kumpanija fit-12 il-xahar li ġejjien? Xi ħlas mistenni jkun dovut lil din il-kumpanija sat-terminu tal-kuntratt, fejn huwa l-każ? Xi inhuwa it-terminu tal-kuntratt fejn huwa l-każ?

Response (GALEA, LOUIS)

S'issa, ninsab informat li t-tweġiba hi fin-negattiv.
Leg 9 PQ #27663 Sitting 590 2001-07-24 Oral · Final From: MICHAEL FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Dipartiment tal-Eżamijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi s-somma li tħallset lill-impjegati tad-Dipartiment tal-Eżamijiet bejn Jannar u l-15 ta' Lulju 2001? Fl-istess żmien kemm tħallas għall-overtime fid-Dipartiment tal-Eżamijiet fl-istess perjodu?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li s-somma li tħallset lill-impjegati tad-Dipartiment ta' l-Eżamijiet bejn l-1 ta' Jannar u l-15 ta' Lulju 2001 kienet kif ġej: Ammont Lm Salarji 54,780 Bonus 1,412 Bonus supplimentari 1,163 N.I. 5,282 Total 62,637 Allowances 2,279 Overtime 2,459 Total 67,375