Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 12 PQ #4907 Sitting 63 2013-10-16 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru għat-Turiżmu

Kunsilli lokali – live streaming tal-laqgħat

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema huma l-kunsilli lokali li bdew jagħmlu live streaming tal-laqgħat tal-kunsill? Meta, f'kull każ, bdew dawn il-laqgħat, liema laqgħat ġew streamed, u kif wieħed jista' jaċċessa dawn l-istess trażmissjonijiet?

Response (VELLA, KARMENU)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Leg 12 PQ #4912 Sitting 63 2013-10-16 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru għat-Turiżmu

San Pawl il-Baħar — Kunsill Lokali - laqgħat

Question

B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 4694, fejn jien tlabt speċifikament dwar laqgħat pubbliċi dwar xogħlijiet infrastrutturali, jista’ l-Ministru jagħti r-risposta għad-domanda kif saret, u jagħti risposta dwar x'kienu r-rakkomandazzjonijiet li ġew diskussi u maqbula? Jista' jagħti tagħrif dwar x'inhi t-tifsira tal-kliem 'LAQGĦA ĠENERALI' kif użata fir-risposta, u jagħti wkoll tagħrif dwar liema proġetti partikulari ġew diskussi? Jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tar-reklami li saru fil-gazzetti u fin-notice boards?

Response (VELLA, KARMENU)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar li, apparti l-Laqgha Annwali tal-Lokalità, issejħet laqgħa pubblika apposta dwar xogħlijiet infrastrutturali fil-perjodu ndikat. Infurmat li għal din il-laqgħa kienu mistiedna l-entitajiet kollha konċernati permezz ta’ email. Matul il-laqgħa kien maqbul l-immaniġġjar tat-traffiku waqt l-iżvilupp tal-kumpless San Antonio Hotel & Spa Malta. Intant qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-Aġenda tal-Laqgħa Annwali tal-Lokalità, kif ukoll kopja tar-reklam mitlub.
Leg 12 PQ #4913 Sitting 63 2013-10-16 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru għat-Turiżmu

San Pawl il-Baħar — Kunsill Lokali - laqgħat

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema kienu l-laqgħat li saru mill-Kunsill Lokali ta' San Pawl il-Baħar, dwar proġetti jew ħtiġijiet oħra fil-lokalità ta' San Pawl il-Baħar, bejn April u Settembru ta' din is-sena, ma' ministri u segretarji parlamentari differenti, f'kull każ b'referenza individwali għall-proġett/ħtieġa li kienet taqa' taħt dan il-ministru/segretarju parlamentari, u li ġew diskussi f'dawn il-laqgħat? F'kull każ min kien mistieden jattendi min-naħa tal-kunsill u kif ħarġu l-inviti? Jista' jqiegħed kopja ta' dawn l-istess inviti fuq il-Mejda tal-Kamra? Min fil-fatt attenda għal kull waħda minn dawn il-laqgħat, individwalment?

Response (VELLA, KARMENU)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar li bejn April u Settembru 2013 kellu sitt laqgħat ma’ Ministri u Segretarji Parlamentari. Qed inpoġġi d-dettalji fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 12 PQ #4983 Sitting 63 2013-10-16 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru għat-Turiżmu

San Pawl il-Baħar — Spezzjonijiet fuq Latrini Pubbliċi

Question

B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 4756 li kienet tirreferi għall-mistoqsija parlamentari 4463 u r-risposti rispettivi għalihom, jista' l-Ministru jassigura li l-informazzjoni mogħtija hija korretta? Jista' jassigura li l-partijiet tad-domandi li ma ġewx imwieġba fil-fatt jitwieġbu? Minbarra hekk, jista' jagħti tagħrif dwar kemm-il darba l-manutenzjoni meħtieġa saret mill-Kunsill innifsu u mhux mill-kuntrattur?

Response (VELLA, KARMENU)

Waqt li nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġibiet li tajt għall-Mistoqsijiet Parlamentari numri 4463 u 4756, qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra r-riżultat tal-ispezzjonijiet tal-latrini pubbliċi bejn Jannar u Ġunju 2013, kif provdut mill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar. Minn dawn l-ispezzjonijiet l-Onor. Interpellant jista’ jara s-sitta u tletin (36) nuqqas li rriżultaw u li rreferejt għalihom fit-tweġibiet tiegħi għall-Mistoqsijiet Parlamentari relatati preċedenti. Intant infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar li huwa l-kuntrattur stess li jipprovdi l-istess bżonnijiet skont il-kuntratt, waqt li l-manutenzjoni meħtieġa dejjem issir mill-Kunsill Lokali.
Leg 12 PQ #4984 Sitting 63 2013-10-16 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru għat-Turiżmu

San Pawl il-Baħar — Ħasil ta’ bankini

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 4755, billi r-risposta mogħtija hi differenti mir-risposta mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 4464, jista' l-Ministru jagħti tagħrif mitlub fiż-żewġ domandi, u jagħti ukoll il-ħin (approssimattiv) li fih suppost li sar il-ħasil fil-perjodu msemmi? Billi fir-risposta ngħad li l-kontroll biex jiġi assigurat li x-xogħol isir hu fir-responsabbilità ta' min jissuġerixi x-xogħol, jista' jagħti tagħrif dwar kif hemm iċ-ċertezza li l-istess xogħol sar? Jista' jagħti tagħrif dwar jekk il-Kunsill Lokali jagħmilx spezzjonijiet dwar dan ix-xogħol?

Response (VELLA, KARMENU)

Nirreferi mill-ġdid lill-Onor. Interpellant għat-tweġibiet li tajt għall-Mistoqsijiet Parlamentari numri 4464 u 4755. Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar li matul il-perjodu li qed jirreferi għalih l-Onor. Interpellant saru 153 ħasla mill-GreenMT matul il-bankina tax-xatt, bix-xogħol isir fit-3.30 am. Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra informazzjoni dwar il-frekwenza ta’ tali ħasil tal-bankini minn GreenMT. Ma’ dawn il-ħasliet saru wkoll 24 ħasla oħra mid-Dipartiment tal-Manutenzjoni u t-Tindif. Dawn saru fuq frekwenza ta’ tliet darbiet fil-ġimgħa, ġimgħa iva u ġimgħa le għal tmien ġimgħat, fis-2.00 am, matul il-bankina mill-Gillieru Harbour Hotel sal-Iskola Primarja ta’ San Pawl il-Baħar. Infurmat ukoll mill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar li x-xogħol li sar mid-Dipartiment tal-Manutenzjoni u t-Tindif kien iffinanzjat kollu mill-Ministeru għat-Transport u l-Infrastruttura bħala parti mill-għajnuna li ngħatat fir-rigward ta’ indafa f’żoni turistiċi. Għaldaqstant il-Kunsill Lokali ma ħallas xejn lid-Dipartiment tal-Manutenzjoni u t-Tindif għal dan ix-xogħol Intant ninsab infurmat ukoll mill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar li GreenMT huma ngaġġati wara sejħa ta’ espressjoni ta’ nteress f’Jannar 2013. Kif diġa spjegajt fit-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari numru 4464 ix-xogħol ta’ ħasil tal-bankini tax-xatt minn GreenMT ukoll ma sewa xejn finanzjarjament. Dwar l-aħħar parti tal-mistoqsija jien infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar li kull filgħodu kemm il-kunsill inniffsu għamel spezzjonijiet tax-xogħol li jkun sar ftit tas-siegħat qabel filgħodu kmieni, kif ukoll minn GreenMT.
Leg 12 PQ #5039 Sitting 63 2013-10-16 Oral · Final From: ROBERT ARRIGO To: Ministeru għat-Turiżmu

Il-Belt Valletta – uffiċċju ta’ informazzjoni għat-turisti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx ħsieb li jagħmel uffiċċju ta’ informazzjoni turistika f’Bieb il-Belt jew biswit, ħdejn it-teatru?

Response (VELLA, KARMENU)

Ninsab infurmat illi l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu għandha l-ħsieb u qed taħdem sabiex tiftaħ uffiċċju ta’ informazzjoni turistika f’dawk l-akkwati.
Leg 12 PQ #5051 Sitting 63 2013-10-16 Oral · Final From: DAVID AGIUS To: Ministeru għat-Turiżmu

Kunsilli lokali — sindki

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min kienu s-sindki ta’ kull lokalità mit-twaqqif tal-kunsilli lokali sal-lum?

Response (VELLA, KARMENU)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Leg 12 PQ #5052 Sitting 63 2013-10-16 Oral · Final From: DAVID AGIUS To: Ministeru għat-Turiżmu

Kunsilli Lokali — fondi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ingħataw fondi mill-Gvern lil kull kunsill lokali (kunsill kunsill) s-sena li għaddiet (2012) u kemm ingħataw matul din is-sena (2013)?

Response (VELLA, KARMENU)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mqassma fi tliet tabelli.
Leg 12 PQ #3658 Sitting 62 2013-10-15 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru għat-Turiżmu

Ministeru għat-Turiżmu — konsulenza

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ingħata xogħol ta’ konsulenzi lill-kumpanija li l-isem tagħha qed jintbagħat separatament, mill-1998 sa Marzu 2013, mill-Ministeru tiegħu jew dipartimenti, entitajiet, aġenziji u awtoritajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu? Jista’ jgħid jekk dan ix-xogħol ingħatax b’direct order jew b’tender u kemm kienet l-ispiża f’kull każ u għal liema raġuni ngħata x-xogħol?

Response (VELLA, KARMENU)

Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba
Leg 12 PQ #4383 Sitting 62 2013-10-15 Oral · Final From: CHARLÒ BONNICI To: Ministeru għat-Turiżmu

Ministeru għat-Turiżmu — ingaġġ ta’ konsulenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm konsulenti ingaġġati fil-Ministeru u kemm tħallsu f’konsulenzi s’issa mid-9 ta’ Marzu 2013 ’l hawn?

Response (VELLA, KARMENU)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li hemm żewġ konsulenti fil-Ministeru għat-Turiżmu. Wieħed ġie ngaġġat biex jagħmel xogħol ta’ konsulenza fuq bażi Part-Time u l-ieħor ġie ngaġġat fuq bażi Full-Time. It-tnejn għandhom kuntratt ta’ sena. L-ammont li tħallas s’issa l-konsulent li hu fuq bażi full-time hu ta’ €11,347.69 filwaqt li l-ammont li tħallas s’issa l-konsulent li hu fuq bażi part-time hu ta’ €6,631.36.
Leg 12 PQ #4612 Sitting 62 2013-10-15 Oral · Final From: TONI BEZZINA To: Ministeru għat-Turiżmu

V-18 – proġetti infrastrutturali

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari W54, jista’ l-Ministru jgħid liema huma dawk il-proġetti infrastrutturali li se jsiru fil-Belt Valletta għall-okkażjoni tal-V18? Jista’ jgħid kemm ġej jiswa kull proġett, kif se jiġi ffinanzjat u meta hu ppjanat li jibda u jispiċċa x-xogħol?

Response (VELLA, KARMENU)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħol u l-ippjanar fuq proġetti infrastrutturali marbuta mal-kultura bi preparazzjoni għal Valletta 2018 jinsabu għaddejjin u għaldaqstant f’dan l-istadju għadu mhux possibli li tingħata l-informazzjoni mitluba. Dan ix-xogħol qed isir f’qafas usa’ li jinkludi l-Presidenza ta’ Malta tal-Kunsill tal-UE kif ukoll iċ-ċelebrazzjoni tal-anniversarji li jiġu qabel.
Leg 12 PQ #4864 Sitting 62 2013-10-15 Oral · Final From: JUSTYNE CARUANA To: Ministeru għat-Turiżmu

Ministeru għat-Turiżmu — konferenzi u laqgħat

Question

Jista’ l-Ministru jelenka l-konferenzi u laqgħat li attenda barra minn Malta f’dawn l-aħħar sitt xhur?

Response (VELLA, KARMENU)

F’dawn l-aħħar sitt xhur il-Ministru kellu erba’ żjarat internazzjonali li jinkludu żjara fil-Libja bħala parti minn delegazzjoni li akkumpanjat lill-Prim Ministru, laqgħa tal-Kunsill informali tat-Trasport u t-Telekomunikazzjoni Ewropew, żjara lill-ħaddiema tal-Awtorita’ Maltija għat-Turiżmu fil-Ġermanja u laqgħa mas-Segretarju Ġenerali tal-Organizzazzjoni Dinjija għat-Turiżmu fi Spanja.
Leg 12 PQ #4087 Sitting 61 2013-10-14 Oral · Final From: DEO DEBATTISTA To: Ministeru għat-Turiżmu

Lukandi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hawn lukandi f’Malta u Għawdex u taħt liema kategorija jaqgħu? Kemm fetħu u għalqu lukandi f'dawn l-aħħar ħames snin?

Response (VELLA, KARMENU)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 12 PQ #4501 Sitting 61 2013-10-14 Oral · Final From: CLAUDETTE BUTTIGIEG To: Ministeru għat-Turiżmu

Ministeru għat-Turiżmu – Spejjeż ta’ Media Events

Question

Jista’ l-Ministru jgħid mill-10 ta’ Marzu 2013 sal-lum, xahar b’xahar, kemm ġew organizzati PR u media events mill-Ministeru tieghu? Kemm kienet l-ispiża ta’ kull attività u kemm kienet in-nefqa totali ta’ dawn l-attivitajiet? Min kienu l-kuntratturi li ħadmu fuq dawn l-attivitajietu jekk dawn intgħażlux wara sejħa pubblika?

Response (VELLA, KARMENU)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Leg 12 PQ #4502 Sitting 61 2013-10-14 Oral · Final From: CLAUDETTE BUTTIGIEG To: Ministeru għat-Turiżmu

Segretarju Parlamentari għall-Kultura u l-Gvern Lokali — spejjeż ta' media events

Question

Jista’ l-Ministru jgħid mill-10 ta’ Marzu 2013 sal-lum, xahar b’xahar, kemm ġew organizzati PR u media events mill-Uffiċċju tas-Segretarju Parlamentari għall-Kultura u l-Gvern Lokali? Kemm kienet l-ispiża ta’ kull attività u kemm kienet in-nefqa totali ta’ dawn l-attivitajiet? Min kienu l-kuntratturi li ħadmu fuq dawn l-attivitajietu jekk dawn intgħażlux wara sejħa pubblika?

Response (VELLA, KARMENU)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Leg 12 PQ #4761 Sitting 61 2013-10-14 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru għat-Turiżmu

Il-Mellieħa — rotot tat-Trasport Pubbliku

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 4407, fejn irriżulta li "l-kunsilli lokali reġgħu ġew ikkonsultati", jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'kienu l-proposti oriġinali li saru mill-kunsill lokali tal-Mellieħa u San Pawl il-Baħar, kemm fl-ewwel kif ukoll fit-tini konsultazzjoni li saret magħhom mill-Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura?

Response (VELLA, KARMENU)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Leg 12 PQ #4804 Sitting 61 2013-10-14 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru għat-Turiżmu

Kunsilli lokali — servizzi

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 3338, filwaqt li niġbed l-attenzjoni li imkien ma tlabt l-ismijiet ta' dawk li taw is-servizzi/għamlu x-xogħol kif indikat fid-domanda, jista' l-Ministru jagħti l-informazzjoni mitluba għal dak li jirrigwarda l-Kunsill Lokali ta' San Pawl il-Baħar? F'dan il-każ jista' jagħti ukoll id-dettalji kif mogħtija fir-risposta ta' mistoqsija parlamentari 3338 għal dawk li taw is-servizz?

Response (VELLA, KARMENU)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant.
Leg 12 PQ #4935 Sitting 61 2013-10-14 Oral · Final From: SILVIO SCHEMBRI To: Ministeru għat-Turiżmu

Is-Siġġiewi — Triq Dun Manuel Zammit - żamm ta' ilma

Question

Jista' l-Ministru jara li l-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi jwettaq ix-xogħlijiet neċessarji fi Triq Dun Manuel Zammit is-Siggiewi peress li hemm problema ta' żamm ta' ilma f’din it-triq b’konsegwenza li qiegħda toħloq inkonvenjent kbir lir-residenti kull meta tagħmel ix-xita?

Response (VELLA, KARMENU)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi li wara li talab il-parir tal-Perit tal-Kunsill, kien stabbilixxa li Triq Dun Manwel Zammit għandha diffett fl-istruttura tagħha li ġej minn meta din inbniet mill-ġdid. Il-parir tal-Perit ingħata wara li sar survey tal-livelli tal-parti tat-triq fejn iżomm l-ilma. Il-Kunsill Lokali ma setax jipproċedi bix-xogħlijiet minħabba li ngħata l-parir li huwa ferm diffiċli li tiġi mplimentata b’suċċess bidla minima fil-livelli tat-triq u li x’aktarx ix-xogħlijiet ikunu saru għalxejn. Infurmat li l-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi fl-aħħar snin ġibed l-attenzjoni ta’ Transport Malta bosta drabi rigward l-inkonvenjent f’din it-triq bil-ħsieb li titranġa.
Leg 12 PQ #4242 Sitting 60 2013-10-09 Oral · Final From: TONI BEZZINA To: Ministeru għat-Turiżmu

Iż-Żurrieq – Torri ta’ Xutu — restawr

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk ix-xogħol ta' restawr fuq it-Torri ta' Xutu f'Wied iż-Żurrieq hux imdaħħal fil-programm ta' xogħlijiet ta' restawr tal-Gvern? Jekk fl-affermattiv, meta hu pprogrammat li jibda u jispiċċa ix-xogħol ta' restawr fuq dan it-torri?

Response (VELLA, KARMENU)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi kien imwiegħed lill-Kunsill Lokali tal-Qrendi li t-Torri ta’ Xutu f’Wied iż-Żurrieq kellu jgħaddi f’idejn Din l-Art Ħelwa.
Leg 12 PQ #4243 Sitting 60 2013-10-09 Oral · Final From: TONI BEZZINA To: Ministeru għat-Turiżmu

Marsaxlokk – programm ta’ restawr

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk ix-xogħol ta' restawr fuq is-siti msemmija hawn isfel li jinsabu f' Marsaxlokk humiex imdaħħla fil-programm ta' xogħlijiet ta' restawr tal-Gvern? Jekk fl-affermattiv, meta hu pprogrammat li jibda u jispiċċa x-xogħol ta' restawr fuqhom? Is-siti huma kif gej: a) Torri Vendome; b) Il-Batterija ta' San Pawl, Delimara; ċ) Il-Batterija ta' Wolesley, Delimara; d) Il-Fortizza tas-Silġ; e) Il-Fortizza ta' Delimara?

Response (VELLA, KARMENU)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi minkejja li m’hemmx xogħol ta’ restawr ippjanat fuq l-imsemmija siti għas-sena 2014, is-Segretarjat Parlamentari responsabbli mill-Kultura u Kunsilli Lokali, b’kollaborazzjoni mal-Aġenziji responsabbli mir-Restawr u mal-Kunsilli Lokali għandu l- ħsieb li jfassal pjan ħolistiku ta’ prijoritajiet ta’ interventi ta’ restawr għas-snin li ġejjin. Rigward il-Fortizza ta’ Delimara, din hija amministrata minn Heritage Malta. Infurmat illi f’dan il-mument m’hemmx pjan immedjat ta’ restawr għal din il-Fortizza peress li l-fondi u r-riżorsi ta’ Heritage Malta qegħdin iffukati fuq il-Fortizzi ta’ Sant’Anġlu u Sant’Iermu. Meta dawn il-proġetti kbar ikunu qorbu li jitlestew, wieħed ikun jista’ jiffoka iżjed fuq il-Fortizza ta’ Delimara.