Legislature:
Category:
Reset
Active:

Raħal Ġdid — New Dock Street

Question

Jista' l-Ministru jara li t-Traffic Control Board jieħu passi biex New Dock Street, Raħal Ġdid li riċentement saret one way u qegħda toħloq inkonvenjent kbir fost ir-residenti, terġa' tiġi kif kienet?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jiena nfurmat li l-Bord għall-Kontroll tat-Traffiku kien ġie nfurmat li l-Kunsill Lokali ta' Raħal Ġdid kellu diversi talbiet mill-pubbliku biex Triq il-Baċir issir 'one way'. Il-Kunsill talab lill-Bord biex Triq il-Baċir ma tkunx aċċessibli minn Triq Għajn Dwieli. Il-Bord kien laqa` t-talba tal-Kunsill.

Maltacom — Bdil tan-numri tat-telephones

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma r-raġunijiet li għalihom il-Maltacom se tbiddel in-numri tat-telephones fil-pajjiż is-sena d-dieħla? Jista' jgħid dan it-tibdil kemm huwa stmat li jiswa fi spejjeż lill-Maltacom kif ukoll lill-gvern Malti?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li nħasset il-ħtieġa biex il-pjan preżenti tan-numri tat-telefon jiġi rivedut. Dan biex ikun jista' jilqa' għall-ħtiġijiet tal-futur immedjat meta tibda tidħol il-kompetizzjoni fil-qasam tat-Telekomunikazzjonijiet. Għal dan il-għan il-Gvern qabbad espert biex ifassal 'Numbering Plan' ġdid għal Malta li hu maħsub li jilqa' l-ħtiġijiet għal ħmistax-il sena li ġejjin.

Trasport Pubbliku — Wied il-Għajn

Question

Possibbli l-Awtorita' dwar it-Trasport Pubbliku tassigra li ma jitneħħix jew ma jitnaqqasx is-servizz tal-karozzi tal-linja li jgħaddu mill-inħawi tal-Jerma Palace Hotel għal Triq il-Gardiel, Wied il-Għajn, għaliex dan hu servizz ferm utli għan-nies li joqogħdu lejn in-naħa ta' Triq il-Qaliet, u Triq il-Magħluq, Wied il-Għajn? Billi hemm min qed jgħid li dan is-servizz jista' jitneħħa, possibbli l-Awtorita' dwar it-Trasport Pubbliku tikkonsidra l-fatt li dan is-servizz hu ferm utli għax kieku ma kienx għal dan is-servizz li kien inbeda taħt il-kunsill preċedenti ħafna nies ikollhom mixja ta' madwar 20 minuta biex jimxu sal-bus stop? Saritilha xi talba l-Awtorita' dwar it-Trasport Pubbliku biex dan is-servizz jitnaqqas jew jitneħħa?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li l-Awtorita` dwar it-Trasport Pubbliku ġiet mitluba biex issir laqgħa ma` l-Kunsill Lokali ta` Marsascala biex jiġu diskussi rotot ġodda. Fil-fatt din il-laqgħa saret il-Ġimgħa, 9 ta` Ġunju 2000.

Imtarfa — Bypass - Xogħlijiet

Question

Peress li x-xogħlijiet li nbdew, u s'issa ma tkomplewx, fil-bypass ta' l-Imtarfa qed jikkawżaw inkonventi fis-sistema ta' traffiku, u dan jikkonferma l-fatt li tneħħiet ir-roundabout li kienet b'xi mod jew ieħor tindika sistema għal min ikun qed jaqsam bejn il-bridge tal-ferrovija u t-triq ta' l-Imtarfa, jista' l-Ministru jara li għallinqas issir xi ħaġa temporanja sabiex ikunu evitati anke inċidenti?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li l-fetħa li qed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant tħalliet sabiex waqt li kien ikun għaddej ix-xogħol, it-traffiku seta jgħaddi minnha. Din il-fetħa għad isservi għall-istess skop waqt li jkun qed isir ix-xogħol tat-tieni fażi u d-Dipartiment għalhekk ħa l-passi biex din tingħalaq temporanjament sakemm dan l-aċċess u dawk l-oħra matul l-istess triq ser jingħalqu b`mod permanenti.

Imtarfa — Bypass

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk ikkonsultax ma' l-għaqdiet tar-residenti u l-kunsill ta' l-Imtarfa dwar id-deċiżjoni tiegħu li jagħlaq l-aċċess tad-dħul u l-ħruġ tar-residenti ta' l-Imtarfa mill-bridge tal-ferrovija u d-ditch ta' l-Imtarfa li t-tnejn jagħtu aċċess għal bypass ta' l-Imtarfa? Meta kkonsulta, u meta l-kunsill informa lill-Ministru li jaqbel li jingħalqu dawn iż-żewġ toroq li r-residenti ta' l-Imtarfa ilhom jużaw s-snin?

Response (GALEA, ĊENSU)

M`hemm xejn x`inżid mar-risposta għall-mistoqsija parlamentari Nru. 12023.

Trasport u Komunikazzjoni — Azzjonijiet Industrijali

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa l-ammont ta' ittri li jinsabu maqbuda fil-Ministeru, Dipartimenti u entitajiet oħra li jaqgħu taħtu b'riżultat ta' l-azzjonijiet industrijali kontra l-miżuri anti-soċjali mħabbra fl-aħħar budget mill-GWU?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li fil-Ministeru, dipartimenti u entitajiet oħra li jaqgħu taħt id-dikasteru tiegħi, bħalissa hemm 850 ittri maqbuda b`riżultat ta` l-azzjonijiet industrijali tal-GWU. Dwar it-tieni parti tal-mistoqsija ninforma lill-Onor. Membru li, fost l-oħrajn, il-Gvern qiegħed jirnexxilu jassigura li l-pubbliku jintlaqat mill-inqas mill-azzjonijiet tal-Union. Ma hemmx diskussjonijiet għaddejja mal-GWU dwar l-azzjonijiet industrijali. Il-laqgħat li saru mal-GWU ġew irrapportati fil-Media.

Birkirkara — Triq Psaila

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk ħarġitx is-sejħa għall-offerti għar-ristrutturazzjoni ta' Triq Psaila, Birkirkara/Triq il-Ferrovija, Santa Venera? Jekk fl-affermattiv, meta ħarġet, għalqitx u f'hiex waslet? Meta allura hu maħsub li jibda x-xogħol f'din it-triq u x'se jkun il-programm li se jitwettaq?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li s-sejħa għall-offerti ħarġet fil-15 ta` Ottubru 1999 u għalqet fil-11 ta`Novembru 1999. Id-Dipartiment tal-Kuntratti ta` t-tender għal dan ix-xogħol fit-2 ta` Ġunju 2000. Ix-xogħol ikun jista` jinbeda malli l-kuntrattur jissottometti l-garanziji skond il-kundizzjonijiet tal-`letter of acceptance`.

Toroq

Question

Jista' l-Ministru jagħti lista ta' toroq li għamel id-Dipartiment tat-Toroq matul is-sena li għaddiet u fl-ewwel tliet xhur ta' din is-sena, fid-diversi lokalitajiet f'Malta u f'Għawdex, it-tul ta' kull triq li saret u kemm swiet?

Response (GALEA, ĊENSU)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta mogħtija għad-domanda parlamentari Nru. 13580.

Toroq

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema toroq lokali u mhumiex li d-Dipartiment tat-Toroq beħsiebu jagħmel matul din is-sena? Fejn qegħdin dawn it-toroq u kemm hu maħsub li se jqumu?

Response (GALEA, ĊENSU)

Qed inpoġġi tabella ta` toroq li bħalissa d-Dipartiment qed jaħdem fuqhom biex ikunu jistgħu jinbdew din is-sena. F`numru minn dawn it-toroq għad iridu jiġu ppreparati t-`tender documents` neċessarji u mhux bilfors li jinbeda x-xogħol fuqhom fiżikament. Minbarra hekk hemm numru ta` toroq oħra, f`diversi lokalitajiet li għad jistgħu jiżdiedu ma din il-lista.

Toroq — Ftehim mal-kunsilli lokali

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk id-Dipartiment tat-Toroq għandux xi forma ta' ftehim ma' kunsilli lokali għall-bini ta' toroq ġodda lokali jew għal resurfacing ta' toroq lokali? Jekk fl-affermattiv, ma' liema kunsilli lokali sar dan il-ftehim u jekk hemmx il-ħsieb li jsiru oħrajn ma' kunsilli lokali oħra? Jekk fl-affermattiv, ma' liema kunsilli lokali u x'se jkunu x-xogħlijiet?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li d-Dipartiment għad m`għandux ftehiem mal-Kunsill Lokali għall-bini ta` toroq ġodda jew `resurfacing` f`toroq lokali. Ma dan kollu hemm interess minn naħa tal-Kunsill tal-Gudja biex isir xi tip ta` ftehiem bħal dan, u d-Dipartiment qed jikkonsidra x`jista` jsir. Dan il-Kunsill Lokali kien l-uniku wieħed li ressaq proposta finali dwar dan.

Sliema — Parkeġġ

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari numru 16478, li oriġinarjament saret lill-Ministru ta' l-Intern u li ġiet riferuta lilu u cioe': jgħid hux minnu li r-residential parking f'Tas-Sliema se jkun jista' jsir bil-lejl biss?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jiena nfurmat li l-Bord għall-Kontroll tat-Traffiku s'issa m'għandu ebda pjan biex issir 'residential parking' f'Tas-Sliema.

Parking spaces

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari numru 16479 li oriġinarjament kienet saret lill-Ministru ta' l-Intern u li issa ġiet riferuta lilek u ċioe': jista' jgħid hux minnu li mijiet ta' parking spaces se jitneħħew f'Tas-Sliema u fi Qui-si-Sana sabiex jiġu sostitwiti b'parking lots bi ħlas?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jiena nfurmat li l-Bord għall-Kontroll tat-Traffiku ma ta ebda struzzjonijiet biex jitneħħew 'parking spaces' f'Tas-Sliema u fi Qui-Si-Sana biex dawn jiġu sostitwiti b'parking lots' bi ħlas.

Paceville — Parking Schemes

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari numru 16480 li oriġinarjament kienet saret lill-Ministru ta' l-Intern u li issa ġiet riferuta lilek u ċioe': jista' jgħid jekk ir-residenti ta' Paceville humiex se jiġu kkonsultati dwar ir-resident parking scheme li hemm maħsuba?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jiena nfurmat li l-Bord għall-Kontroll tat-Traffiku ma kellu ebda talba biex issir 'parking scheme' għal Paceville, għaldaqstant il-Bord s'issa, ma għamel ebda konsultazzjoni ma' l-entitajiet ikkonċernati.

Żejtun — Triq it-Tanbunn

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta, bejn wieħed u ieħor, Triq it-Tanbunn fiż-Żejtun se ssir minħabba li tinsab fi stat mhux aċċettabbli?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li d-Dipartiment tat-Toroq flimkien mal-Kunsilli Lokali qed jipprepara programm għal asfaltar ta` toroq simili ma` Malta kollha, u x-xogħol fil-lokal isir skond il-prijoritajiet li ser jirriżultaw minn dan il-programm.

Għargħur — Toroq

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta mistennija li titwessa' t-triq li tagħti għall-kamra tan-nar tal-Għargħur?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li t-triq li tagħti għall-kamra tan-nar tgħaddi minn propjeta` tal-Joint Office u minn propjeta` ta` l-individwi privati. Bħalissa d-Dipartiment tat-Toroq qed f`kuntatt mad-Dipartiment ta` l-Artijiet biex ikun deċiż il-mod kif ikun jista` jitlesta l-proċess ta` dan ix-xogħol, skond il-liġi.

Għargħur — Triq Caravaggio - Toroq

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx pjanijiet li titniffed Triq Caravaggio, Għargħur, għall-area tal-housing estate fl-istess raħal, ħalli b'hekk il-karozzi jkollhom aċċess ieħor u aħjar lejn dawn in-naħat tal-Għargħur? Jekk fl-affermattiv, meta hemm ħsieb li jsir ix-xogħol li titniffed din it-triq?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li biex isir ix-xogħol indikat mill-Onor. Interpellant, trid tinxtara art mingħand il-privat peress li partijiet minn dawn it-toroq ma nfetħux bl-iżvilupp. Ix-xogħol ta` l-asfalt ikun jista` jsir meta dan il-proċess jitlesta`.

Għargħur — Triq in-Naxxar - Toroq

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx pjanijiet li titwessa' Triq in-Naxxar, Għargħur, biex it-traffiku jkun jista' jgħaddi bla perikolu? Jekk fl-affermattiv, meta hemm ħsieb li din it-triq titwessa'?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li saru diversi diskussjonijiet bejn il-Kunsill Lokali u d-Dipartiment tat-Toroq biex din it-triq titwessa`.

Għargħur — Triq Salvatore Zarb - Toroq

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se jingħata wiċċ bit-tarmac lil Triq Dun Salvatore Zarb, Għargħur, u l-parti t'isfel ta' Triq San Bartolomew?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li biex isir ix-xogħol indikat mill-Onor. Interpellant, trid tinxtara art mingħand il-privat peress li partijiet minn dawn it-toroq ma nfetħux bl-iżvilupp. Ix-xogħol ta` l-asfaltar ikun jista` isir meta dan il-proċess jitlesta`.
Leg 9 PQ #16534 Sitting 307 2000-06-05 Oral · Final From: RITA LAW To: Ministeru għat-Trasport u Komunikazzjoni

Zabbar — Toroq

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk it-toroq, Farfett tal-Felġel u Berebis, Żabbar, fost oħrajn, u tal-madwar humiex se jkunu fost dawk it-toroq li se jingħataw tarmac sa l-aħħar ta' din is-sena?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li peress li x-xogħol li qed isemmi l-Onor. Interpellant huwa ta` `resurfacing` li jsir mill-Kunsill Lokali, L-Onor. Interpellant hu mitlub jirreferi ll-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Bormla — Triq il-Ġdida

Question

Jista' l-Ministru jara li ssir xi tip ta' pedestrian crossing fi Triq il-Ġdida, Bormla?

Response (GALEA, ĊENSU)

Irreferejt is-suġġeriment ta` l-Onor. Interpellant għall-konsiderazzjoni tal-Bord għall-Kontroll tat-Traffiku.