Jista' l-Ministru jikkonsidra li ma' Blokk L. Laqxija housing estate f'Birkirkara titwaħħal bozza ġdida fi Triq Tumas Fenech għaliex hemm id-dlam?
Response (BONNICI, JOSEF)
It-talba ta' l-Onorevoli Interpellant ġiet mgħoddija lill-Korporazzjoni Enemalta sabiex issir l-investigazzjoni meħtieġa u jekk ikun il-każ tittieħed l-azzjoni neċessarja.
Jista' l-Ministeru jiċċekkja jekk dan il-kont tal-Water Services Corporation (mhemuż) huwiex tajjeb jew hemmx xi żball fih?
Response (BONNICI, JOSEF)
Tajjeb infakkar kif għamilt drabi oħra meta weġibt mistoqsijiet simili, li l-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma għandha uffiċju msejjaħ Customer Care li, fost xogħol ieħor, jivverifika ilementi jew talbiet għal kjarifika dwar kontijiet tad-dawl u l-ilma. Għaldaqstant nissuġġerixxi li din it-talba ssir lil dan l-uffiċċju.
Jista' l-Ministru jinfurmana jekk il-gvern huwiex se jiddiskuti ma' l-FOI s-sitwazzjoni ta' l-eżenzjoni tad-dazji ta' 77% li l-Unjoni Ewropea eżentat lill-pajjiżi applikanti bħal Malta għal sħubija fl-Unjoni Ewropea ta' l-Ewropea Ċentrali u tal-Lvant?
Response (BONNICI, JOSEF)
Fil-preżent, kemm il-prodotti industrijali manifatturati f'Malta kif ukoll dawk manifatturati fil-pajjiżi tal-Lvant Ċentrali ta' l-Ewropa, jidħlu fil-pajjiżi ta' l-Unjoni Ewropea mingħajr ma jitħallas dazju minħabba l-ftehim ta' assoċjazzjoni li l-istess Unjoni Iffirmat ma' dawn il-pajjiżi fuq bażi individwali, inkluża Malta.
Għandi għax nifhem li l-Onorevoli Interpellant qiegħed jirreferi għas-settur agrikolu fejn l-Unjoni Ewropea għadha kemm iffinalizzat mal-pajjiżi tal-Lvant Ċentrali ta' l-Ewropa, li huma kandidati għal sħubija fl-Unjoni, ftehim għal tnaqqis reċiproku fid-dazju fuq numru ta' prodotti agrikoli.
S'issa ma jirriżultalix li saret xi talba mill-Federazzjoni ta' l-Industriji f'Malta għal diskussjonijiet dwar dan l-iżvilupp.
Peress li l-eżenzjoni tad-dazji ta' 77% li l-Unjoni Ewropea eżentat lill-pajjiżi applikanti għall-sħubija fl-Unjoni Ewropea ta' l-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant ġabet fi żvantaġġ kbir l-esportazzjoni minn Malta lejn il-pajjiżi ta' l-Unjoni, jista' l-Ministru jgħid x'miżuri se jieħu sabiex l-industrija lokali ma titlifx il-kompetittivita' tagħha meta pparagunata ma' dawn il-pajjiżi applikanti bħal Malta?
Response (BONNICI, JOSEF)
Dwar l-ewwel parti tal-mistoqsija, nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija numru 18722 waqt is-Seduta ta' llum stess.
Rigward il-kompettittivita' ta' intrapriżi f'Malta fil-konfront ta' intrapriżi fil-pajjiżi tal-Lvant Ċentrali ta' l-Ewropa, il-pożizzjoni tal-Gvern Malti hija ċara għall-aħħar. Il-kompettittivita' tagħna nistgħu inħarsuha biss jekk inżommu l-pass ma' dawn il-pajjiżi fit-triq għas-sħubija fl-Unjoni Ewropea billi anke aħna nsiru membri, jew qabilhom jew għallinqas magħhom.
Jista' l-Ministru jgħid min huwa l-PRO tiegħu u x'kundizzjonijiet u salarji għandhom? Jista' jgħid ukoll x'bonuses u ħlas ta' sahra irċevew kemm ilhom f'din il-kariga?
Response (BONNICI, JOSEF)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija numru 18460 dwar l-istess materja.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hux possibbli li l-Enemalta tara li ssir bozza ħdejn 29, Triq is-Sur, Żabbar?
Billi din il-bozza ilha tintalab, possibbli l-Enemalta ġentilment twieġeb jekk hemmx il-ħsieb li ssir din il-bozza jew le?
Response (BONNICI, JOSEF)
It-talba ta' l-Onorevoli Interpellant ġiet mgħoddija lill-Korporazzjoni Enemalta sabiex issir l-investigazzjoni meħtieġa u jittieħdu l-passi neċessarji
Jista' l-Ministru jgħid jekk hux possibbli li l-Enemalta tara għaliex id-dawl f'Ħaż-Zabbar qed jinqata' prattikament f'kull festa?
Billi din mhux l-ewwel sena li d-dawl inqata' f'Ħaż-Żabbar waqt il-festa u fil-ġranet ta' qabel, jista' l-Ministru permezz ta' l-Enemalta tirrimedja din is-sitwazzjoni?
X'inhi ir-raġuni għal dan il-qtugħ?
Response (BONNICI, JOSEF)
It-talba ta' l-Onorevoli Interpellant ġiet mgħoddija lill-Korporazzjoni Enemalta sabiex issir l-investigazzjoni meħtieġa u jekk ikun il-każ jittieħdu l-passi neċessarji.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex fi Triq is-Santwarju, Zabbar saru l-arbli (street lanterns) xi sena ilu u s'issa għadhom bla dawl u bla globi?
Tista' l-Enemalta tara li dawn l-arbli jitlestew?
Jista' l-Ministru jara li jiġi rivedut il-kont ta' l-ilma u tad-dawl numru 990635490 li jammonta għall-Lm755.52?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li dan il-kont ikopri perjodu ta' sbatax-il xahar u erba' kontijiet pendenti mit-28 ta' Lulju, 1998 sas-7 ta' Diċembru, 1999. Mill-history sheet ta' dan is-servizz, ma jirriżultax li hemm żbalji jew xi konsum mhux tas-soltu. Għaldaqstant ma hemmx każ ta' reviżjoni.
Tajjeb infakkar, kif għamilt meta weġibt mistoqsijiet simili, li f'każi bħal dan, ikun aktar siewi li l-ilment jew talba għal kjarifika isiru fl-uffiċċju tal-Customer Care tal-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma.
Jista' l-Ministru jgħid kemm nefqet il-METCO fuq l-Expo f'Hanover? Fiex saret in-nefqa? X'attivitajiet kulturali ffinanzjat tul din l-Expo? Kemm tħallsu individwalment l-personalitajiet lokali mistiedna u għal-liema ħidmiet? Kif intgħażlu dawn il-personalitajiet? Kemm kellhom jittellgħu oriġinarjament minn dawn il-personalitajiet? Għaliex ma ttellgħux?
Response (BONNICI, JOSEF)
L-informazzjoni mitluba qed tinġabar u tweġiba tingħata f'Seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm daħlu impjegati ġodda fil-Freeport u jekk hu l-każ kumpanniji sussidjarji tagħha, minn Settembru 1998 sal-lum? Minn liema lokal hu kull impjegat?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat, li bejn Settembru 1998 u Settembru 2000, ġew impjegati 154 persuna mal-Malta Freeport. Dawn l-impjegati ġodda huma minn dawn il-lokalitajiet:
Attard 3 Balzan 1
Birkirkara 5 Birżebbuġia 6
Bormla 1 Dingli 1
Fgura 7 Floriana 5
Gudja 2 Gwardamanġa 2
Ġżira 2 Ħamrun 4
Ibraġġ 3 Kalkara 2
Luqa 3 Marsascala 3
Marsaxlokk 3 Mellieħa 1
Mosta 2 Mqabba 2
Msida 4 Naxxar 8
Paola 3 Qormi 20
Qrendi 3 Rabat 2
San Ġiljan 1 San Ġwann 2
San Pawl il-Baħar 1 Siġġiewi 4
Sliema 3 Swieqi 1
Tarxien 6 Ta' Xbiex 1
Valletta 12 Xemxija 1
Zabbar 6 Zebbuġ 10
Zejtun 4 Zurrieq 5
Jista' l-Ministru jid min huma, x'kundizzjonijiet u x'salarji għandhom il-PRO tas-Segretarji Parlamentari li jaqgħu taħt ir-responsabbilta' tal-ministeru tiegħu?
Jista' jgħid ukoll x'bonuses u ħlas ta' sahra irċevew kemm ilhom f'din il-kariga?
Response (BONNICI, JOSEF)
Fis-Segretarjat Privat taż-żewġ Segretarji parlamentari li jiffurmaw parti mill-Ministeru li għalih jiena responsabbli, id-dmirijiet marbuta ma' Public Relations jitwettqu mill-Communications Co-ordinator. Ir-remunerazzjoni u kundizzjonijiet marbuta mal-post huma regolati mid-Dokument 'Engagement of Staff for Private Secretariats' li tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra f'Seduta numru 124 tas-16 ta' Ġunju, 1999.
Fis-Segretarjat Privat tas-Segretarju Parlamentari Dr. George Hyzler, il-Communications Co-ordinator huwa s-Sur Oliver Mallia, filwaqt li fis-Segretarjat Privat tas-Segretarju Parlamentari s-Sur Edwin Vassallo, il-Communications Co-ordinator huwa s-Sur Iman Schembri.
Jista' l-Ministru jgħid x'vijabilita' tara l-Enemalta li kumpanniji barranin jiġu Malta jipproduċu l-enerġija mir-riħ? X'kuntatti għamlu kumpaniji barranin ma' l-Enemalta f'dan il-qasam ta' l-enerġija mir-riħ?
Kemm mill-bżonn nazzjonali ta' l-enerġija wrew li lesti jipproduċu mir-riħ?
Response (BONNICI, JOSEF)
Il-Korporazzjoni Enemalta irċeviet numru ta' proposti minn kumpaniji barranin li iddikjaraw ruħhom interessati li jesploraw il-possibilta' li jibnu impjanti f'Malta sabiex jipproduċu enerġija mir-riħ.
Dawn il-proposti ivarjaw f'dik li hija il-kwantita' ta' enerġija li qed jindikaw li jistgħu ikunu f'qagħda li jiġġeneraw.
Dawn il-proposti lkoll jispeċifikaw li l-enerġija kollha li jipproduċu trid tinxtara mill-Enemalta. Minħabba li r-riħ, mill-istess natura tiegħu, ivarja konsiderevolment u ma tistax tiddependi minnu dejjem; anki jekk il-Korporazzjoni timplimenta impjant għall-produzzjoni ta' enerġija mir-riħ, xorta waħda jkollha tinvesti f'impjant ieħor konvenzjonali sabiex tkun f'qagħda li tissuplixxi l-elettriku meħtieġ anki meta ma jkunx hemm riħ. Dan jirrappreżenta ostaklu serju għall-viabbilta' ekonomika ta' dawn it-tip ta' proposti għaliex ifisser li ma l-ispejjeż sabiex wieħed jibni dawn l-impjanti u sabiex joperhom wieħed irid iżid ukoll l-ispejjeż ta' impjanti oħra li jridu wkoll jinxtraw u jinżammu standby għal meta ma jkunx hemm riħ.
Madanakollu l-Gvern xorta waħda għadu qed jistħarreġ il-possibilta' ta' proġett għal produzzjoni ta' enerġija mir-riħ. Dan speċjalment sabiextiġi determinata il-vijabilita' konkreta ta' impjanti ta' dan it-tip, (a) għal dak li għandu x'jaqsam mal-qawwa u konsistenza tar-riħ meħtieġ, (b) għan-numru ta' raddieni u għall-ispazju li jkun neċessarju li jiġi allokat għalihom u (c) għall-impatt viżwali u akustiku li proġett bħal dan bilfors jimplika.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari numru 18663?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li fl-20 ta' Awissu, 1999, minn 751 ħaddiem tal-Malta International Airport, kien hemm 27 ħaddiem li kienu fuq strajk. Dawk li daħlu għax-xogħol meta kien hemm l-istrajk tħallsu skond il-provvedimenti tal-Ftehim Kollettiv.
Jista' l-Ministru jgħid min se jerfa' r-responsabbilta' tal-konklużjoni tar-rapport tal-professuri li kkummissjonat il-Go-Mobile dwar il-mobile antennas?
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-gvern jintrabatx mal-konkużjoni ta' dan ir-rapprot konklusiv?
Response (BONNICI, JOSEF)
Tajjeb jingħad li persuna professjonali hija dejjem responsabbli għall-pariri professjonali li tagħti.
Dwar it-tieni parti tal-mistoqsija, il-Gvern jesprimi ruħu meta jkun il-waqt.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hux minnu li persuni li kienu nstallaw is-servizz ta' l-ilma fl-ewwel sitt xhur tas-sena 1998, meta suppost dan is-servizz kien b'xejn, issa qed jintalbu li jħallsu ta' dan is-servizz?
Response (BONNICI, JOSEF)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija numru 18788 fis-Seduta 365.
Jista' l-Ministru jara li Triq Dun Karm Frendo f'Birżebbuga tingħata d-dawl stante li hi mudlama ħafna?
Response (BONNICI, JOSEF)
It-talba ta' l-Onorevoli Interpellant ġiet mgħoddija lill-Korporazzjoni Enemalta sabiex issir l-investigazzjoni meħtieġa u jekk ikun il-każ jittieħdu l-passi neċessarji.