Jista' il-Ministru jgħid kemm tħallsu flus f'kontijiet tat-telephone ta' residenzi ta' uffiċjali governattivi bejn Jannar 2003 u Diċembru 2004? Min huma l-persuni li huma intitolati għal ħlas tat-telephone privat fir-residenza tagħhom? Kemm huwa l-ammont ta' ħlas li dawn huma intitolati għalih kull xahar?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninsab infurmat illi bejn Jannar 2003 u Diċembru 2004 tħallsu Lm12,141.71 f'kontijiet tat-telefon ta' residenzi privati.
L-persuni li huma ntitolati għal ħlas tat-telefon privat fir-residenza tagħhom huma:
- Il-Ministru
- Il-Kap tas-Segretarjat
- Is-Segretarju Privat tal-Ministru
- L-Assistent Segretarju Privat tal-Ministru
- Communication Co-ordinator
- Is-Segretarju Permanenti
- Id-Diretturi
- Senior Mnagement
- Senior Executives fuq Performance Agreement
M'hemmx limitu fuq l-ammont ta' ħlas li dawn huma intitolati għalih kull xhar.
Jista' il-Ministru jgħid x'inhi l-politika tal-gvern għar-riġenerazzjoni tal-bliet u l-irħula Maltin u Għawdxin?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Il-politika tal-Gvern rigward ir-riġenerazzjoni tal-ibliet u l-irħula Maltin integrata f'dokument li qed ifassal il-Ministeru dwar strateġija għall-Iżvilupp Urban u Toroq. Din imsejsa fuq missjoni ta' :
"Riġenerazzjoni tal-ambjent urban fil-gżejjer Maltin msejjes fuq żvilupp sostenibbli u trasport, effiċenti u vjabbli".
Din l-istrateġija tħares lejn integrazzjoni ta' trasport u żvilupp fuq l-idea ta' Transit Oriented Development u dan ser ikun miftuħ għall-konsultazzjoni fil-futur qarib.
Billi fi Fleur De Lys Birkirkara diġa' hemm magħluqa St. Anthony Street għaliex qed jibnu, tista' ma tingħalaqx ukoll Triq Madre Maria Theresa Spinelli c/w Triq A. Cuschieri?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Id-Direttorat għall-Immaniġjar tat-Traffiku għamel spezzjoni fuq il-lant tax-xogħol fi Triq Madre Spinelli u Triq Cuschieri. Ġie nnotat li n-natura tax-xogħol, li tinvolvi t-tqegħid ta' servizzi u resurfacing tat-triq, tirrikjedi li tali toroq imsemmija jkunu magħluqin għat-traffiku. Dan ukoll għal fin ta' sigurta minħabba l-użu ta' makkinarju goff relata mall-kostruzzjoni tat-triq.
L-għeluq ta' dawn it-toroq, minħabba x-xogħlijiet li qed isiru, mhux ser jaffetwa is-Servizz tat-Trasport Publiku u tipi oħra ta' vetturi jkunu jistgħu jgħaddu minn Triq Salvu Psaila u Triq Fleur de Lys bħala rotta alternattiva.
Ħaż-Żabbar — Triq li tinsab ħdejn il-Mina ta' Hompesch
Question
Jista' il-Ministru jara li tinstab soluzzjoni għat-triq li tinsab bejn il-Mina ta' Hompesch u l-mitħna ta' Ħaż-Żabbar minħabba li kull meta tagħmel ix-xita din dejjem iżżomm ħafna ilma? Jikkonsidra li din it-triq issir mill-ġdid minħabba li jidher li kif inhu l-istat tagħha fil-preżent huwa ħażin ħafna?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninsab infurmat illi l-Awtorita' dwar it-Trasport qegħda tagħmel xogħol ta' manutenzjoni temporanja fuq is-sistema tal-culverts u qed isir patching tat-triq. Din it-triq tifforma parti minn network ta' toroq arterjali u distributorji. Preżentament qed jiġi mhejji pjan sabiex dan in-network jiġi mtejjeb.
Jista' il-Ministru jgħid x'ammont ta' sussidju ħadet l-assoċjazzjoni tat-trasport pubbliku mill-1996 'il hawn kif ġej:
(a) sussidju fuq id-dħul;
(b) sussidju fuq insurance claims;
(c) sussidju għal xiri ta' buses ġodda?
X'kien l-ammont totali ta' eżenzjoni mit-taxxi ta' reġistrazzjoni u dazju fuq xiri ta' buses ġodda?
Jista' il-Ministru jgħid għaliex fil-parti ta' Triq l-Imdina fejn qed isir ix-xogħol twaħħlu tabelli li jindikaw li dawk ir-residenti li joqogħdu fi Triq Ġuże Cardona u l-housing estate tal-madwar iridu jibqgħu telgħin sa Ħaż-Żebbuġ u wara jerġgħu jinżlu Ħal Qormi biex joħorġu u jidħlu lura ħdejn djarhom? Jaqbel li dan se joħloqilhom inkonvenjent qawwi?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
It-tabelli li qed jirreferi għalihom l-Onorevoli Interpellant twaħħlu qabel ma' bdew ix-xogħlijiet fi Triq l-Imdina meta t-triq kienet għadha “dual carriageway” u jirriflettu dak l-arranġament ta’ traffiku.
Il-vetturi li joħorgu minn Triq Guże Cardona jistgħu jiksru l' isfel lejn Ħal Qormi u għaldaqstant il-marki tal-karreġġata qed jindikaw dan l-arranġament.
Il-kuntrattur responsabli tax-xogħlijiet ser jieħu l-passi meħtiega biex jitgħattew dawn is-sinjali.
Matul is-sena 2004, jista' il-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' karozzi mikrija mill-ministeru, dipartimenti u entitajiet li jaqgħu taħt il-ministeru?
Kemm kienet l-ispiża f'ċifra ta' flus totali għal dawn il-kirjiet, inkluż l-ispiża totali tal-fuel rispettivament?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninsab infurmat illi matul is-sena 2004 l-ammont ta' karozzi mikrija kienu :
L-Awtorita dwar it-Trasport
22
Ministeru/DCS
5
TOTAL
27
L-ispiża f'ċifra ta' flus għal dawn il-kirjiet kienet :
Spiża Kiri
Spiża Fuel
L-Awtorita dwar it-Trasport
Lm54,075.00
Lm11,836.00
Ministeru/DCS
Lm 6,608.77
Lm 1,698.00
TOTAL
Lm60,683.77
Lm13,534.00
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 10668 u cioe': B'referenza għal mistoqsija parlamentari tiegħi 9437 u t-tweġiba mogħtija fit-3 ta' Diċembru 2004, peress li issa għaddew ħafna aktar minn ħames ġimgħat li matulhom kien mistenni li t-traffic lights jitlestew, jista' il-Ministru jgħid jekk hemmx xi ħjiel meta se jitwaħħlu u jibdew jiffunzjonaw? Kemm kienet in-nefqa s'issa u kemm hu stmat li se tqum b'kollox meta jitlesta l-proġett kollu?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li x-xogħol ta' infrastruttura fuq dan il-proġett tlesta f'ħames ġimgħat kif ippjanat. L-arbli għat-traffic lights u x-xogħol fuq id-ducting sar max-xogħol imsemmi.
Dwar l-installazjoni tat-traffic lights, id-Dipartiment tal-Manifattura u Servizzi informa lid-Direttorat tat-toroq bl-istimi neċessarji biex dan ix-xogħol isir. Dan ix-xogħol mistenni jsir fil-ġimgħat li ġejjin.
L-infieq s'issa huwa stmat kif ġej:
- xogħol ta' infrastruttura madwar Lm63,000
- xogħol għall-agrikultura madwar Lm1,462
- installazjoni tat-traffic lights madwar Lm3,000
B'riferenza għal mistoqsija parlamnetari 10706, peress li bi żball ir-riferenza saret għal Triq il-Knisja, jista' il-Ministru jwieġeb dwar Triq Mensija?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninsab infurmat illi l-Awtorita' dwar it-Trasport qegħda tfassal programm ta’ xogħlijiet mall-pajjiż kollu, filwaqt li fil-preżent għaddej xogħol ieħor estensiv f’San Ġiljan. Ix-xogħol biex tinbena it-triq isir skond il-prijoritajiet ta’ dan il-programm.
Jista' il-Ministru jintervjeni beix isir ix-xogħol meħtieġ ħalli t-triq li tagħti minn ħdejn il-mina ta' Hompesch, f'Ħaż-Żabbar, parti mit-Triq taċ-Ċawsli, safejn tibda t-triq li tagħti għaż-Żejtun issir fi stat li tkun tista' tintuża mingħajr periklu, peress li kull meta tagħmel ftit xita din it-triq dejjem tkun mgħarrqa bl-ilma li jgħatti l-bosta ħofor fondi b'riżultat li ma tkunx aċċessibbli?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninsab infurmat illi l-Awtorita' dwar it-Trasport qegħda tagħmel xogħol ta’ manutenzjoni fuq is-sistema ta’ culverts ta’ din it-triq peress li l-culvert kien qed jinstad bil-ħmieġ. Kif l-ilma li hemm f’din il-parti tat-triq jiskula, ix-xogħol ta’ patching isir immedjatament.
Jista' il-Ministru jgħid x'inhi l-politika tal-gvern fejn jidħol żvilupp urban fil-qalba tal-bliet u rħula Maltin u Għawdxin?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Il-Ministeru għall-Iżvilupp Urban u t-Toroq jiżvolġi politika ta' riġenerazzjoni u żvilupp urban permezz ta' proġetti kapitali li jsiru minn żviluppaturi privati fuq kuntratti maħruġa mill-Gvern.
Minbarra l-monitoring regolari ta' dawn il-proġetti il-Ministeru jħares lejn stampa aktar wiesgħa bħat-toroq u t-trasport fiż-żona ta' madwar il-proġett u jieħu inizjattivi sabiex dawn il-proġetti jsiru b'mod integrat u sostenibbli. Il-Ministeru japprezza li r-riġenerazzjoni urbana huwa proċess kontinwu. Għalhekk hija parti mill-viżjoni u l-missjoni tiegħu li jkompli jiżvolġi proġetti ġodda minbarra dawk li diġa ġew varati (Proġett ta' Manoel Island u Tigne', Cruise Passenger Terminal, Cottonera). Fil-fatt din is-sena il-Ministeru ħadem fuq erba' proġetti ta' riġenerazzjoni li wħud minnhom ser iwasslu għal sejħiet ta' proposti fil-ġimgħat li ġejjin. Dawn il-proġetti huma Dock No 1 u l-inħawi ta' madwaru, il-Ground ta' Pace Grasso, Paola: Il-Park & Ride, Floriana: is-Sit tat-Tejatru Rjal u d-Daħla tal-Belt.
Hemm Ministeri oħra li jista' jkollhom proġetti li jkollhom elementi ta' riġenerazzjoni. Dawn il-proġetti kollha jidhru quddiem il-Kumitat tal-Kabinett għal proġetti Nazzjonali u l-Ministeru għall-Iżvilupp Urban jieħu sehem attiv fid-diskussjonijiet u studju sabiex ikun aċċertat li din ir-riġenerazzjoni issir skon normi aċċettati. Il-Ministeru qiegħed ukoll jisstudja opportunitajiet ġodda ta' ffinanzjar u implimentazzjoni ta' proġetti ta' riġenerazzjoni.
Jista' il-Ministru jgħid xi pjan għandu l-gvern fejn jidħol żvilupp urban għall-port il-kbir?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Il-Port il-Kbir mhux responsabilita' esklussiva tal-Ministeru tiegħi. Madankollu diversi proġetti li jikkordina l-Ministeru jmissu mall-Port il-Kbir. Fost dawn insibu l-Proġett ta' Park & Ride, il-Proġett tal-Kottonera, il-Proġett tal-Cruise Passenger Terminal u l-Proġett tal-Baċir Nru 1.
Fil-pjanijiet tal-Ministeru nsibu proġetti oħra li jrid jibda xogħol fuqhom fix-xhur li ġejjin, partikolarment Sant Iermu. L-istrateġija tal-Ministeru hija li jħares b'mod integrat lejn dawn il-proġetti individwali sabiex isseħħ riġenerazzjoni sostenibbli taż-żona ta' madwar il-Port il-Kbir.
Jista' il-Ministru jgħid xi proġetti ta' żvilupp urban saru f'Malta u Għawdex fis-snin 2000, 2001, 2002, 2003 u 2004? Xi ħsebijiet għandu bħala proġetti ta' żvilupp urban għas-sena 2005?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Il-Ministeru ta' l-Iżvilupp Urban u Toroq ġie mwaqqaf 2004. Il-proġetti ta' riġenerazzjoni u proġetti kapitali li kienu ħarġu u beda l-implimentazzjoni tagħhom qabel din id-data kienu : il-Belt Valletta (Cruise Passenger Terminal), Il-Kottonera (Cottonera Waterfront Regeneration) u Manwel Island/Tigne (Redevelopment Project).
Il-gvern kien ukoll responsabbli għall-sejħiet għall-proposti għall-proġetti oħra bħal ma' huma:-
1. Il-Proġett ta' l-Lift tal-Barakka (Valletta)
2. Il-Proġett ta' Qui-si-Sana Chalet (Sliema)
3. Il-Proġett ta' Chambray (Ghawdex)
4. Il-Proġett Connections (Valletta)
Din is-sena 2005 il-Ministeru għall-Iżvilupp Urban u Toroq qed iħares lejn politika komprensiva u integrata bbażata fuq proġetti (jew project oriented). Il-Gvern qiegħed ifassal strateġija u lista ta' prijoritajiet. Il-proġetti li kien qiegħed jaħdem fuqhom il-Ministeru tul dawn ix-xhur kienu:-
- L-Iżvilupp ta' Ground Pace Grasso, Paola
- Il-Proġett ta' Park & Ride, Floriana
- L-Iżvilupp tal-Baċir Nru 1 u ż-Żona ta' madwaru
- L-Iżvilupp tas-Sit tat-Tejatru Rjal u d-Daħla tal-Belt