Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ċentri ta’ Attività għaż-żgħażagħ

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm żgħażagħ għamlu użu miż-żewġ ċentri ta’ attività għaż-żgħażagħ f’Marsaxlokk u f’Villa Psaigon sena b’sena fl-aħħar ħames snin?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Infurmat li Aġenzija Żgħażagħ bdiet tamministra ċ-ċentru ta’ Marsaxlokk fi Frar 2011. Fis-sena 2011 għamlu użu miċ-ċentru 816 żagħżugħ/a, fis-sena 2012 intuża minn 767 żagħżugħ/a, u fis-sena 2013 għamlu użu 1141 żagħżugħ/a. Villa Psaigon reġgħet bdiet topera, din id-darba bħala Youth Activity Centre, f`Ġunju 2012. Sa Diċembru 2012 għamlu użu miċ-ċentru 239 żagħżugħ/a filwaqt li fis-sena 2013 għamlu użu minnu 1384 żagħżugħ/a.

Aġenzija Żgħażagħ — ċentri

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hawn ċentri li qed jintużaw minn Aġenzija Żgħażagħ bħala Youth Cafes, meta fetħu u xi pjan hemm biex jinfetħu aktar u f’liema lokalitajiet?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Infurmat li bħalissa Aġenzija Żgħażagħ għandha erba’ Youth Cafes li qegħdin fil-Kottonera, Msida, Qawra, u Valletta. Il-Ministeru se jkun qed jilħaq iż-żgħażagħ fil-postijiet li jiffrekwentaw b’modi diversi, kif issemma’ fid-diskors tal-baġit.

European Youth Card — applikazzjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jagħti informazzjoni ta’ kemm żgħażagħ applikaw għall-European Youth Card (Karta Żgħażagħ) sena b’sena minn meta din tnediet f’Malta?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Infurmat li fis-sena li ilha li tnediet il-Karta Żgħażagħ, kien hemm 3488 żagħżugħ/a li applikaw għaliha.

Politika Nazzjonali taż-Żgħażagħ

Question

Jista’ l-Ministru jgħid f’liema stadju waslet it-tfassil tal-Politika Nazzjonali taż-Żgħażagħ?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Infurmat li bħalissa l-Youth Policy Advisory Group qiegħed fl-aħħar fażi biex joħroġ l-ewwel draft tal-politika nazzjonali taż-żgħażagħ. Il-pjan huwa li dan il-grupp jippreżenta lis-Segretarju Parlamentari dan id-draft fl-aħħar ta` Jannar 2014 biex ikun jista` joħroġ għall-konsultazzjoni f`Marzu.

Scholarships

Question

Jista’ l-Ministru jgħid sena b’sena mill-2008 ’l hawn kemm kienu investiti fi scholarships u kemm studenti/żgħażagħ sa 30sena ħadu l-boroż ta’ studju?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li mill-2008 ’l hawn kien hemm investiment totali ta’ €19,865,889.21 f’Boroż ta’ Studju amministrati mid-Direttorat għat-Tagħlim Tul il-Ħajja. L-iskemi ta’ Boroż ta’ Studju huma: 1) Malta Government Scholarships Scheme for Postgraduate Courses, (MGSS – PG). 2) Malta Government Scholarships Scheme for Undergraduate Courses, (MGSS – UG). 3) Strategic Educational Pathways Scholarships Scheme, (STEPS). 4) Malta Arts Scholarships. 5) Malta Sports Scholarships. 6) Malta Science Awards. 7) Scholarships to Achieve Results, (S.T.A.R.). 8) “MASTER it!” Scholarship Scheme. Fost in-nies li gawdew minn dawn il-Boroż ta’ Studju, kien hemm 1,924 student li m’ghandhomx aktar minn 30 sena. Din iċ-ċifra tinkludi 29 applikant taħt l-Iskema MGSS - UG 2013 li sat-30 ta’ Diċembru 2013 issottomettew id-dokumenti kollha mitluba skont ir-Regolamenti tas-Sejħa, iżda teskludi 132 applikant taħt l-istess Skema li għadhom ma tawx id-dokumenti kollha. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bl-ammonti investiti mill-2008 ’l hawn kif ukoll in-numru ta’ żgħażagħ taħt it-tletin sena li gawdew minn dawn il-Boroż ta’ Studju, imqassmin sena b’sena. Rigward l-MCAST, mill-2008 'l hawn kienu 59 studenti/żgħażagħ sa 30 sena li ħadu Boroż ta' Studju. Il-boroż ta’ studju kollha li ngħataw ikopru korsijiet li bdew fis-sena akkademika 2011-2012. Infurmat ukoll mill-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ li filwaqt li bejn is-snin 2008 u 2011 ma kienx hemm investiment fi scholarships, fis-sena 2012 ġew investiti €1,092,868 fl-iskema tat-Training Subsidy Scheme Academic (TSSA). B’kollox ibbenefikaw 141 persuna li minnhom 110 kienu taħt it-tletin sena. Minn dawn il-110 persuna, 42 applikaw għal Diploma filwaqt li 68 applikaw għal Degree. Fis-sena 2013 infetħu applikazzjonijiet ġodda (TSSA) iżda l-investiment fuqhom se jsir fis-sena 2014.

Youth Inc – taħriġ ta’ studenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm studenti tħarrġu permezz tal-Youth Inc. sena b’sena u x’inhu l-pjan tal-Gvern għal dan il-programm?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Infurmat li l-għadd ta' studenti li tħarrġu permezz tal-programm Youth.inc hu kif ġej: L-ewwel grupp – Jannar 2011: 57 student It-tieni grupp – Ottubru 2011: 52 student It-tielet grupp - Ottubru 2012: 64 student Ir-raba’ grupp – Ottubru 2013: 89 student F’Jannar 2014 il-Youth.inc se jilqa’ grupp ta’ studenti bħala parti mill-Alternative Learning Programme. Il-Fondazzjoni qed tippjana li dan il-programm jibqa' jiżviluppa fis-servizzi tiegħu għall-akbar benefiċċju tal-istudenti.

Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol — xiri jew kiri ta’ opri ta’ arti

Question

Jista’ l-Ministru jagħti rendikont tal-opri ta’ arti li nxtraw jew inkrew mill-Ministeru, dipartimenti, entitajiet u aġenziji li jaqgħu taħtu wara d-9 ta’ Marzu 2013? Jista’ jgħid f’kull każ fuq il-parir ta’ min saret l-għażla?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Infurmat li wara d-9 ta' Marzu 2013 ma nxtrawx u lanqas inkrew opri ta' arti mill-Ministeru, dipartimenti, entitajiet u aġenziji li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħi.

Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol — persons of trust

Question

Jista’ l-Ministru jagħti l-lista aġġornata li fiha jelenka l-ismijiet tal-konsulenti (inkluż persons of trust) li taw u ta’ dawk li għadhom qegħdin jagħtu s-servizzi tagħhom lid-dekasteru tiegħu?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Nitlob lill-Onor. Interpellant tispeċifika għal liema perjodu qed tirreferi.

Aġenzija Żgħażagħ – programmi ta’ empowerment

Question

Jista’ l-Ministru jgħid xi programmi ta’ empowerment għaż-żgħażagħ qed jiġu offruti minn Aġenzija Żgħażagħ u kemm ipparteċipaw żgħażagħ f’kull programm minn meta infetħu?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Infurmat li l-programmi ta' empowerment għaż-żgħażagħ offruti minn Aġenzija Żgħażagħ huma dawn: Fuq livell lokali Kunsill Lokali taż-Żgħażagħ – it-tagħrif qiegħed jingħata fit-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 6723 It-Taħriġ Mużikali fil-Każini tal-Banda – minħabba li dan il-proġett huwa ssapportjat mill-Każini stess, Aġenzija Żgħażagħ m’għandhiex in-numru ta’ żgħażagħ li ħadu sehem. Fuq livell nazzjonali Konkors Letteratura għaż-żgħażagħ – Permezz ta' dan il-proġett jiġu ppublikati żewġ kotba għall-addoloxxenti kull sena. L-għadd ta’żgħażagħ li jaqraw dawn il-kotba mhux magħruf. Skema Youth Specialisation Studies – it-tagħrif qiegħed jingħata fit-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 6725 Djalogu Strutturat – Dan huwa proġett li jagħti vuċi liż-żgħażagħ biex ifasslu l-politika ewropeja taż-żgħażagħ. Minn Lulju 2011 sal-lum ħadu sehem 2,103 żagħżugħ/a Artisti ġodda f Malta Music Awards – Din hija opportunità lill-kantanti żgħażagħ sabiex jesponu t-talenti tagħhom fil-mużika. F`żewġ edizzjonijiet ħadu sehem 25 żagħżugħ/a Divergent Thinkers – Din hija esebizzjoni innovattiva dwar il- brainstorming involut fil-ħolqien ta’ xogħlijiet artistiċi. F`żewġ edizzjonijiet ħadu sehem madwar 21 żagħżugħ/a. Mini Festival tat-Teatru Soċjali – Dan il-konkors jipprovdi opportunità għal gruppi żgħażagħ Maltin li huma nvoluti fit-teatru biex jaqsmu, jesploraw u jiżviluppaw it-talenti tagħhom fl-isfera teatrali. F`żewġ edizzjonijiet ħadu sehem madwar 70 żagħżugħ/a Taħżiż – Dan huwa proġett li jagħti opportunità liż-żgħażagħ jesprimu t-talent tagħhom fil-kitba. Il-proġett ikun maqsum fi tlett seminars residenzjali u pubblikazzjoni. Fl-ewwel edizzjoni ħadu sehem 11-il żagħżugħ/a

Kunsilli Lokali taż-Żgħażagħ — parteċipazzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kunsilli lokali pparteċipaw fil-proġett tal-Kunsilli Lokali taż-Żgħażagħ imniedi mill-Aġenzija Żgħażagħ f’dawn l-aħħar ħames snin u liema kienu l-kunsilli lokali li pparteċipaw kull sena u kemm ipparteċipaw żgħażagħ f’kull kunsill?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Il-Kunsilli Lokali taż-Żgħażagħ bdew fis-sena 2009-2010 u s'issa kien hemm erba' edizzjonijiet. Għall-ħames edizzjoni (2013-2014) daħlu 33 applikazzjoni mingħand il-Kunsilli Lokali. Għadu għaddej il-proċess dwar kemm fil-fatt se jieħdu sehem żgħażagħ għal din l-edizzjoni. Dwar kemm kunsilli lokali pparteċipaw, it-tagħrif hu kif ġej: Fis-sena 2009-2010 pparteċipaw 15-il kunsill lokali taż-żgħażagħ b’total ta’ 144 żagħżugħ/a Fis-sena 2010-2011 pparteċipaw 27 kunsill lokali taż-żgħażagħ b’total ta’ 236 żagħżugħ/a Fis-sena 2011-2012 pparteċipaw 24 kunsill lokali taż-żgħażagħ b’total ta’ 265 żagħżugħ/a Fis-sena 2012-2013 pparteċipaw 25 kunsill lokali taż-żgħażagħ b’total ta’ 249 żagħżugħ/a Fis-sena 2013-2014 applikaw 33 kunsill u sal-lum hemm 183 żagħżugħ/a Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista bid-dettalji ta’ kemm ipparteċipaw żgħażagħ f’kull kunsill.

każini tal-baned — Għajnuna għal taħriġ fil-mużika

Question

Jista’ l-Ministru jagħti d-dettalji ta’ kemm u liema baned ibbenefikaw mill-iskema ta’ għajnuna lill-każini tal-banda għat-taħriġ mużikali taż-żgħażagħ minn meta tnediet din l-iskema sal-lum sena b’sena?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li l-iskema msemmija mill-Onor. Interpellant tnediet fis-sena 2012. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista bid-dettalji ta' kemm u liema baned ibbenefikaw mill-iskema.

Youth Specialisation Studies Scheme

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm żgħażagħ ibbenefikaw mill-Youth Specialisation Studies Scheme fl-aħħar ħames snin u kemm ibbenefikaw żgħażagħ sena b’sena? Jista’ jgħid x’inhuma l-pjanijiet tal-Gvern għal din l-iskema?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li mis-sena 2011, meta bidet tamministra din l-iskema l-Aġenzija Żgħażagħ, il-benefiċjarji kienu jlaħħqu s-sittin żagħżugħ. · Fis-sena 2011 ibbenefikaw 20 · Fis-sena 2012 ibbenefikaw 28 · Fis-sena 2013 ibbenefikaw 12 Il-Gvern qed jevalwa din l-iskema biex jara kif tista’ tittejjeb.

Aġenzija Żgħażagħ — Użu mill-faċilitajiet u riżorsi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il għaqda għamlet użu mill-faċilitajiet u riżorsi ta’ Aġenzija Żgħażagħ minn mindu twaqqfet? Min huma l-għaqdiet u kemm kien ikun l-ammont finanzjarju li kellhom iħallsu dawn l-għaqdiet kieku kellhom jikru l-istess faċilitajiet u riżorsi bir-rati tas-suq?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant hu kif ġej:- 2011 – 39 għaqda għamlet użu mill-faċilitajiet. Kieku kellhom jikru l-istess faċilitajiet u riżorsi bir-rati tas-suq l-ammont kien ikun €45,000. 2012 – 54 għaqda għamlet użu mill-faċilitajiet. Kieku kellhom jikru l-istess faċilitajiet u riżorsi bir-rati tas-suq l-ammont kien ikun €44,800. 2013 – 94 għaqda għamlet użu mill-faċilitajiet. Kieku kellhom jikru l-istess faċilitajiet u riżorsi bir-rati tas-suq l-ammont kien ikun €77,984. It-tagħrif l-ieħor dwar min huma l-għaqdiet li għamlu użu mill-faċilitajiet u riżorsi ta' Aġenzija Żgħażagħ qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Aġenzija Żgħażagħ – Lista ta’ studji dwar iż-żgħażagħ

Question

Jista' l-Ministru jagħti lista ta' studji dwar iż-żgħażagħ li saru jew li kienu kkumissjonati mill-Aġenzija Żgħażagħ sa mit-twaqqif tagħha sal-lum?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Infurmat li l-Aġenzija Żgħażagħ ikkummissjonat jew issieħbet f`erba' riċerki li ġew ippubblikati. Dawn kienu: · Mirrors and Windows : Maltese Young People Perception of Themselves, their families, communities and society · The Participation of Maltese Young People`s in the Voluntary Sector · Europass Survey bis-sehem flimkien mal-Malta National Europass Centre · Leisure Trends among young people in Malta bis-sehem tal-Uffiċċju tal-Kummissarju tat-tfal

MCAST — Stipendji

Question

Wara dak li ngħad mill-media fis-27 ta’ Diċembru 2013 u ċjoè li l-istipendji tal-istudenti tal-MCAST tnaqqas iktar milli jitlob l-avviż legali li jirregola tali stipendji post sekondarji, u wara ċ-ċaħda mill-MCAST fi stqarrija li ħarġet dakinhar stess, jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Ministeru ċċekkjax jekk fil-fatt itteħdux xi żbalji fil-komputazzjoni tal-istipendji individwali? Jekk iva, x’irriżulta? Jista’ jgħid x’miżuri ttieħdu dwar dawn l-iżbalji?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li ma saru l-ebda żbalji fil-komputazzjoni tal-istipendji individwali u kompliet tintuża sistema li ilha tintuża numru ta’ snin. Għal din is-sena akkademika, s’issa l-istudenti tal-MCAST tħallsu żewġ pagamenti ta’ stipendji li jkopru perijodu ta’ seba’ ġimgħat bejn l-1 ta' Ottubru 2013 (l-ewwel jum tas-sena akkademika) u l-15 ta' Novembru 2013. L-ewwel pagament tħallas fit-2 ta' Diċembru 2013 fejn l-istudenti kollha tħallsu €83.86, jiġifieri ħlas għall-erba’ ġimgħat b’mod sħiħ mingħajr l-ebda tnaqqis għall-assentejizmu. It-tieni pagament sar fit-30 ta' Diċembru 2013 fejn l-istudenti kollha tħallsu għat-tliet ġimgħat l-oħra, bit-tnaqqis għal xi nuqqas ta’ attendenza bejn l-1 ta' Ottubru 2013 u l-15 ta' Novembru 2013. Il-ħlas li jmiss ikopri l-perjodu mit-18 ta' Novembru 2013 sat-13 ta' Diċembru 2013 u l-ħlas se jsir fis-27 ta' Jannar 2014. L-istudenti imbagħad ikomplu jitħallsu f’perijodi ta’ erba’ ġimgħat, dejjem bit-tnaqqis għal xi nuqqas ta’ attendenza skont il-każ, sakemm l-istudenti kollha jitħallsu l-ammont kollu dovut lilhom skont l-avviż legali li jirregola l-istipendji. Dan kollu ġie spjegat b’mod ċar fuq il-paġna tal- facebook tal-MCAST fejn reġgħet ġiet imtennija l-istedina lil kull student li seta’ kellu xi mistoqsija fuq il-każ tiegħu jew tagħha partikolari sabiex isir kuntatt mal-uffiċċju tal-istipendji tal-MCAST ħalli jiġi spjegat kull każ b’mod individwali.

Malta Qualification Recognition Information Centre – ċertifikat ta’ rikonoxximent

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm idum l-Malta Qualification Recognition Information Centre sabiex jagħti ċertifikat ta’ rikonoxximent għall-Masters li tkun ingħatat mill-Università ta’ Malta?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Infurmat li l-Konvenzjoni ta’ Liżbona tagħti bejn tlieta u erba’ xhur sabiex tingħata risposta meta ċertifikati mressqa għar-rikonoxximent jiġu ppreżentati lil xi Ċentru. Fil-każ ta’ Malta, peress li bħalissa hemm ħafna ċertifikati pendenti dan it-tul ta’ żmien jista’ jieħu anki aktar. Fil-fatt il-medja qed tkun ta’ bejn sitta u tmien xhur. Qed isiru sforzi sabiex is-sistema preżenti titranġa u r-rikonoxximenti jibdew joħorgu fil-ħin adattat. Ngħarraf ukoll lill-Onor. Interpellant li ċertifikati maħruġa minn istituzzjonijiet edukattivi statali Maltin, bħall-Università ta’ Malta, m’għandhomx bżonn rikonoxximent mill-MQRIC, jekk iċ-ċertifikat se jintuża Malta, peress li l-Liġi diġà tagħti dan ir-rikonoxximent lil dawn l-istituzzjonijiet.

Assistant Technical Officers – uffiċjali pubbliċi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta se jiġu ingaġġati l-uffiċjali pubbliċi li għaddew mis-sejħa għall-Assistant Technical Officer fid-DES (PAHRO 109/12) wara li r-riżultat ġie ppubblikat f’Mejju 2012?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi din il-mistoqsija lill-Prim Ministru li taħtu taqa' l-PAHRO.

Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol — Millennium Development Goals

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhu l-involviment tal-Ministeru, dipartimenti u entitajiet li jaqgħu fir-responsabbiltà tiegħu fejn għandhom x’jaqsmu il-Millennium Development Goals (MDGs)? Jista’ jgħid jekk sarux xi rapporti dwar l-MDGs mis-sena 2000 sal-lum? Jekk fl-affermattiv, jista’ jqiegħed kopja tagħhom fuq il-Mejda tal-Kamra? Jista’ jgħid jekk hemmx xi persuna jew persuni li huma responsabbli mill-MDGs u min huma? X’inhuma l-issues preżenti u futuri li qed isir jew se jsir xogħol fuqhom?

Response (BARTOLO, EVARIST)

It-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Kopja tar-rapporti u dokumenti qed jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra separatament permezz ta' CD. Dan peress li wħud minnhom huma voluminużi ħafna. Ir-rapporti u dokumenti huma kif se nsemmi: · 2007 - Women and Work · Unlocking the female potential report · English - Oral - Compare and Contrast - Students' Pictures · English - Oral - Inverted Interview - Students' Pictures · English Writing - Student's Paper - First Session · Kitba_Studenti_2013_Sessjoni_1FINALI · Listening - Student's Paper - First Session · MENTAL PAPER - STUDENTS PAPER - SESSION 1 – 2013 · PIRLS 2011 Malta report · PIRLS_PISA_TIMSS 2011 Report as on 16102013 FINAL · PISA 2009+ Malta Report · Qari_Studenti_2013_Sessjoni_1 · Reading Comprehension - Student's Paper - First Session · Skola Sport Analysis - Final version · Smigħ_Studenti_1 · TIMSS 2011 Malta Report (f'żewġ partijiet) · WRITTEN PAPER - SESSION 1 - 2013

Ħlas tal-eżamijiet tal-O’Levels

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx xi tip ta’ għajnuna finanzjarja sabiex studenti li l-ġenituri tagħhom jinsabu qiegħda u jixtiequ jagħmlu l-eżamijiet tal-O’Levels, titħallsilhom il-miżata relatata?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li meta student ikollu ġenituri li jinsabu qiegħda l-ħlas tal-eżamijiet tac-CES, tal- Matrikola u tal–ECDL kif ukoll il-miżata amministrattiva jiġu eżentati minn kull ħlas. Dan japplika għal dawk li jkollhom benefiċċju ta’ qagħad jew benefiċċju speċjali ta’ qagħad kif ukoll għal dawk li jkunu fuq xi tip ieħor ta’ benefiċċju soċjali. Jekk studenti japplikaw għall-eżamijiet fil-perjodu ta’ late applicants , f’dak il-każ jiġu eżentati milli jħallsu l-miżata tas-suġġett kif ukoll il-miżata amministrattiva, imma jridu jħallsu l-miżata tal- late application li tammonta għal €46.59.

settur tal-edukazzjoni għolja u avvanzata – baġit u nefqa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa kollha tal-Ministeru fis-settur tal-edukazzjoni għolja u avvanzata għas-sena 2012 u l-baġit totali tal-istess settur allokat għas-sena 2013? Jista’ jagħti breakdown tad-dettalji mitluba skont il-line votes tal-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Infurmat li n-nefqa kollha tal-Ministeru fis-settur tal-edukazzjoni għolja u avvanzata għas-sena 2012 u l-baġit totali tal-istess settur allokat għas-sena 2013 hija kif tidher fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.